Description
F’dawn it-tifkiriet tistennewx li sejrin issibu dak kollu li ġara fil-Gżejjer tagħna fl-ewwel sena tal-ħbit fuqna bil-bombi. Kienu kbar u qliel wisq il-ġrajjiet ta’ dawk iż-żminijiet biex wieħed jista’ jsemmihom kollha bl-irqaqat tagħhom; u kull min għex fihom u kien kbir biżżejjed biex jifhem x’kien qed jiġri madwaru, kien, biex ingħid hekk, ġrajja fih innifsu.
Terġa’: għad li l-art tagħna fiha xiber fid-daqs, il-ħbit bil-bombi kien ħarbatha hekk bl-ikrah li l-biċċa l-kbira fostna, f’xi żmien, kienu maqtugħin għalkollox mill-bqija li ma kinux jgħixu fir-raħal jew fil-belt tagħhom; u biex wieħed jiġri minn raħal għal ieħor u minn belt għal oħra biex jiġbor l-aħbarijiet iż-żgħar, ma kienx ħafif bhalma hu llum. Din il-firda ta’ nies minn oħra u ta’ mkejjen minn oħra, flimkien man-nuqqas ta’ tixrid ta’ xi aħbarijiet u s-sikta għalkollox fix-xandir ta’ oħrajn, biex in-nies ma titnaffarx, ħbew ħafna mill-ġrajjiet iż-żgħar tal-gwerra; li kienu jkunu ta’ dehwa għal min jaqrahom wara.
Madankollu ħafna mill-ġrajjiet il-kbar li ma jintesew qatt sakemm Malta tibqa’ wieqfa – bħall ħbit ikrah fuq il-bastiment Illustrious, f’Jannar tal-1941, u l-ħbit aktar qalil tal-iljieli waħxija ta’ April ta’ wara, fuq il-Belt u fuq imkejjen oħra, sar jaf bihom kulħadd. U ma’ ġrajjiet bħal dawn tiltaqgħu bosta drabi f’dan id-djarju.
