Description
Huwa d-dmir ta’ kull pajjiż u ta’ kull soċjetà li tħares il;-wirt komuni. Malta tinsab fuq quddiem f’dan il-qasam. Fis-sena 2002 għaddiet il-liġi l-ġdida dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna din il-liġi tirrikonoxxi l-importanza li nħarsu lejn il-wirt kulturali bħala kunċett wiesa’ ħafna, li għandu jkun fih ukoll il-wirt kulturali intanġibbli.
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, organizzazzjoni governattiva mwaqqfa wkoll permezz ta’ din il-liġi, qed tieħu l-inizjattiva li tippubblika dan ix-xogħol ta’ Ġorġ Mifsud-Chircop dwar is-snajja’ Maltin u r-rabta tagħhom ma’ l-identità nazzjonali. Dan il-ktieb għandu jkun ta’ għajnuna għal min jixtieq ikompli jwassal il-messaġġ ta’ din il-kampanja u jaħdem biex is-snajja’ Maltin jitħarsu u jkunu kkultivati.
Dan il-ktieb għandu jibqa’ tifkira tal-kampanja “Jiem Kulturali Ewropej 2003” li din is-sena ħarset mill-qrib lejn is-snajja’ Maltin u r-rabta tagħhom ma’ l-identità nazzjonali.