Description
Żgur li jekk tibda ssemmi d-differenzi li hemm bejn il-ħajja tal-lum u dik ta’ madwar nofs seklu ilu, il-lista żżidilha kemm iżżidilha qatt ma taf jekk jirnexxilekx twassalha fi tmiemha, għaliex id-dinja għaddiet minn taqlibiet kbar li biddluha ta’ taħt fuq.
Billi l-bniedem huwa mogħni bil-memorja, dak li wieħed ikun għadda minnu jibqa’ ċar ġewwa moħħu, bħal f’xi sensiela ta’ ritratti. Għalhekk dan il-ktieb iġib l-isem Ritratti ta’ Tfuliti għaliex huwa l-ewwel u qabel kollox tifkiriet ta’ adult liebes iż-żarbun li kien xedd fl-ewwel għaxar snin ta’ ħajtu.
F’dan il-ktieb insibu r-rakkont tat-tfulija ta’ Reno, bil-personaġġi li ffurmawha, fil-waqtiet li sawruha, bl-attivitajiet li żejnuha. Fil-bidu kollox ikun idur madwar id-dar u l-familja, imbagħad it-triq u l-ġirien, il-knisja, ir-raħal, Malta bil-ġrajjiet kbar li seħħew fiha u fl-aħħar anke barra minn xtutna. Flimkien mar-rakkont dan il-ktieb huwa mżewwaq b’għadd ġmielu ta’ fotografiji ta’ persuni, drawwiet jew ħwejjeġ li tista’ tgħid llum insejna bosta minnhom u nistgħu napprezzawhom biss bis-saħħa tar-ritratti jew tal-immaġinazzjoni għal min għandu memorja tajba. Dawn kollha u aktar huma ritratti tat-tfulija, mhux biss tal-awtur imma ta’ bosta u bosta oħrajn.