Description
U hemm Gerita reġgħet tfaċċat. Ilmaħtha fi triq dejqa qrib il-Palazz tal-Inkwiżitur. Kienet bl-istess maktur iżżangjat ġo rasha, bl-istess libsa sewda bit-tikek irqaq bojod …u did-darba fuq spallejha żdied xall kbir tas-suf. Kienet bilqiegħda fuq banketta. Warajha kellha bankun bi tliet lasti twal imwaqqfin ġo fih u ġo kull lasta mdeffsa ras ta’ qażquż tqattar id-demm. Madwar riġlejn Gerita kien hemm ċirku tond ta’ xemgħat mixgħulin, waqt li minn cassette moħbi xi mkien kien jinstama’ l-kant Gregorjan. U Gerita, b’kuruna kbira tar-ruzarju f’idha, bħal dik li l-fratelli jkollhom imdendla ma’ qaddhom, kienet titbandal fuq il-banketta u żżebbeġ il-kuruna bejn subgħajha f’supplika skieta.