Description
X’kien ġara sewwasew fil-Karnival tal-1846? Il-Gvernatur ta’ dak iż-żmien kine ta ordni li nhar Ħadd il-Karnival ta’ dik is-sena ma setgħux jintlibsu maskri. In-nies ħaditha bi kbira, u qam l-inkwiet. Xi nies spiċċaw il-Qorti, u għalkemm ma xteridx demm, imma xterdet ħafna linka u tqabblu ħafna versi. Dr Albert Ganado jagħtina xi ftit minn dawn il-versi u jispjegalna s-sinifikat soċjali u storiku tagħhom.
Għaliex jiġri li l-fama ta’ xi persunaġġi li jagħmlu parti mill-istorja ta’ Malta tikber u tintefaħ u jispiċċaw isiru “eroj nazzjonali”, filwaqt li nies oħra li għamlu għemejjel ta’ ħila daqshom jew iktar minnhom, jintesew għalkollox? X’aktarx li jkunu “r-rumanziera” u l-kittieba ta’ artikli popolari fuq l-istorja ta’ Malta li jiddeċiedu lil min jonfħu u lil min inessu. L-artiklu fuq Orlando Magro jfakkarna f’persunaġġ li f’ħajtu għamel biżżejjed biex seta’ sar eroj ieħor nazzjonali u folkloristiku, imma spiċċa minsi minn kulħadd.
L-istejjer tal-ħares kienu u għadhom jagħmlu parti mill-folklor Malti. Joseph Serracino jagħtina aktar minnhom; xi wħud nafuhom, oħrajn ġodda.