Description
Is-sejba tal-passaġġi sigrieti, mimlija għadam tal-mejtin, li jdawru wieħed mill-kappelluni tal-knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun kienet, sa mill-bidu nett, qanqlet l-għatx għal aktar tagħrif fuq il-ġrajja tagħhom. F’artiklu ferm interessanti Fiona Vella tagħtina t-tagħrif kollu li hu magħruf s’issa, u tiċċara wkoll x’wassal għas-sejba ta’ dawn il-passaġġi moħbija fil-ħitan ta’ din il-knisja.
Ix-xitan, forsi dari aktar mil-lum, kien minn dejjem fuq fomm il-Maltin u l-Għawdxin, u t-twemmin fih għadu b’saħħtu sal-lum. Marlene Mifsud Chircop tagħmel analiżi ddettaljata u interessanti fuq l-aspetti kulturali, folkloristiċi, u psikoloġiċi ta’ dan it-twemmin ta’ niesna, u tħares lejn din il-fergħa tal-kultura popolari minn perspettiva li ma tantx aħna mdorrijin inħarsu minnha.
Żewġ stejjer interessanti immens – waħda fuq il-ħares u l-oħra fuq il-waħx, ippubblikati minn Pietro Perolari-Malmignati, Taljan ta’ nisel nobbli li qatta’ xi snin f’Malta lejn it-tieni nofs tas-seklu dsatax. Dan it-Taljan ħalla miktub it-tifkiriet taż-żjara tiegħu f’Malta u, fost affarijiet oħra, semma dawn iż-żewġ stejjer li, fil-verità, ftit smajna bħalhom. Hi ħasra li x-xogħol ta’ Perolari-Malmignati ftit hu magħruf fostna, u dan l-artiklu jservi biex itaffi ftit dan in-nuqqas.


