Description
‘Din l-ittra tgħid li bintek qed tinżamm f’ħabs fl-Ingilterra wara li ammettiet li ppruvat toqtol lil xi ħadd,’ qal il-kappillan, juri l-ittra lil Ġanni.
‘X’qed tgħid, Sur Kappillan? Dan żgur xi żball!’ qallu Ġanni, b’wiċċu jibjad u kważi se jħossu ħażin.
Il-kappillan ħalla lil Ġanni waħdu għal ftit sekondi u ħareġ mill-uffiċċju biex isejjaħ lil oħtu, li kienet qed tlestilu l-kafè.
‘Agħmel kikkra kafè oħra u ejja malajr biha fl-uffiċċju,’ qal il-kappillan lil oħtu.
‘Mela xi nqala’?’ wieġbet oħt il-kappillan.
Il-kappillan reġa’ lura fl-uffiċċju mingħajr ma ta ebda tweġiba lil oħtu. Ftit tal-ħin wara wasal il-kafè, u xħin beda jixrob wiċċ Ġanni deher jieħu naqra kulur.
‘Mela bintek marret l-Ingilterra?’ staqsa l-kappillan lil Ġanni.
Hawn Ġanni beda jirrakkonta l-ġrajja minn meta romol u mar jgħix f’San Ġiljan.