Description
Imxejt qisu ma ġara xejn. F’moħħok kontinwament l-istess sitt kelmiet. Oh my God I killed him. Oh my God I killed him. Qalbek kważi splodiet f’sidrek xħin għaddiet karozza tal-pulizija minn ħdejk.
L-1986. Komplott biex jiġi assassinat Dom Mintoff. Missier ta’ żewġ subien jivvjaġġa minn Malta għal Londra u lura Malta tramite Sqallija. Tletin sena wara, kollu mistoqsijiet bla tweġibiet, ibnu – ormai adult – jaħbat rasu mal-passat, u jinġarr mill-kurrenti tal-kilbiet tiegħu. Ok love, no problem. No better way to land in Malta than straight in my bed 😉
Malti maqsum bejn żewġ lingwi, isib ruħu maqbud f’Malta mibdula għalkollox iżda xorta fi kriżi. With democracy it’s impossible to have ambitious projects. Kollox medjokri jaħasra.
Is-serp rasu trid taqtagħlu biex toqtlu, u mhux denbu, inkella jibqa’ jferfer.