Description
M’hemmx wisq xi ngħid dwar dawn il-kitbiet. Huma biċċa xogħol onesta aktar minn kollox. Hekk ridthom li jkunu mill-bidu sal-aħħar. Hma kważi djarju li qatt ma żammejtu. Għalija mhux neċessarju. Dak li għandi x’nagħti nixtieq nagħtih f’ħajti. M’għandi xejn x’nagħti wara mewti.
Tul dawn l-aħħar snin il-kitba saret parti integrali minn ħajti, neċessità. Illum sirt wieħed mill-awturi ta’ din il-gżira u rbatt ismi b’mod inseparabbli mal-istorja tal-biżà. Lil dawk li aċċettawni kif jien u għalli jien ngħidilhom grazzi. Lil dawk li m’aċċettawnix ma nobgħodhomx u ma nwarrabhomx anqas. Nemmen li kull bniedem għandu d-dritt għallinqas għall-espressjoni tal-fehma tiegħu.
Dawn il-kitbiet huma differenti mill-istejjer tal-biżà. Imqar jekk xi drabi jinħass il-biżà tiegħi minn Alla, minn ħajti, mill-bnedmin ta’ madwari u mill-mewt hu biżà differenti minn dak li esponejt qabel. Dawk li aċċettawni qabel jistgħu jsibuha iebsa din id-differenza u dawk li m’aċċettawnix qabel jistgħu jiddeċiedu li jifhmuni fid-dawl ġdid ta’ dawn il-kitbiet.