Description
Qsajjar. Kemm kemm imbaċċaċ. Imma żvelt u ħafif daqs farfett. Xagħru ħafifa bi troffa mħabbla li tgħattilu parti żgħira minn moħħu. Sajf u xitwa jilbislek qmis bil-kmiem qosra. Dejjem għaddej u m’għandux sekonda kwiet. Biċċa xogħol jidħol għaliha aktar milli żaqqieq jidħol għal kaxxa kannoli tal-krema. Meta jitkellem taħsbu qed jgħajjat miegħek. Dak kollu li jgħid kien jinstema’ minn għaxar kilometri ’l bogħod. Storbjuż tassew, daqs l-aktar banda storbjuża tar-raħal, imma qalbu f’idejh u dejjem lest jgħin lil kull minn hemm bżonn. Wiċċu dejjem jixgħel bi tbissima li tnessik il-problemi tal-ħajja. Veru li kull meta jitbissem jinkixfulu sett ta’ snien kemxejn sofor u bla sura – żgur li ma kienx ikun ideali għal xi reklam tat-toothpaste – imma fl-istess ħin din it-tbissima kienet tikxef il-qalb tad-deheb, il-bżulija bla limitu u l-karattru uniku ta’ Lippu l-Purtinar. Maħbub mill-għalliema. Mill-istudenti. U anke mill-ġenituri kollha.
Kollha tal-istess fehma: Bħal Lippu ma nsibu mkien!