Description
Huwa bi pjaċir kbir għalija li mess lili, bħala President tas-Soċjetà Re Ġorġ V, li nippreżenta dan il-ktieb fuq l-istorja ta’ l-istess Soċjetà. Dan għaliex ktieb bħal dan mhuwiex biss dokumentazzjoni tal-ħajja tas-Soċjetà iżda jista’ jitqies ukoll bħala ġieħ lil dawk il-membri u l-attivisti kollha li matul dawn is-snin taw sehemhom fit-tmexxija tal-każin u fl-organizzazzjoni tal-festi marbuta mal-Patruna tagħna. B’hekk, b’din id-dokumentazzjoni, qegħdin nippriservaw l-isforzi kollha tagħna u ta’ dawk ta’ qabilna biex jiġu lkoll apprezzati minn dawk li sejrin imexxu s-Soċjetà warajna. Il-ħajja tas-Soċjetà għandha dejjem tibqa’ ħajja u attiva, mibnija fuq is-sisien li jissodaw matul iż-żmien. Dan il-ktieb jifforma parti minn programm edukkativ li qegħda tniedi s-Soċjetà.
Nixtieq, f’isem il-Kumitat u f’isem dawk kollha li jieħdu sehem attiv fit-tmexxija tal-każin, nirringrazzja lil kull min ħadem biex dan il-ktieb jasal għall-pubblikazzjoni. Nirringrazzja lill-membri u l-attivisti għax mingħajrhom ma jkollniex storja attiva li tixraqilha li tkun preservata bil-kitba. Nirringrazzja wkoll lilkom il-qarrejja talli għażiltu dan il-ktieb biex jifforma parti mil-librerija personali tagħkom.
CARMELO ZAHRA
President Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V
4 ta’ April 1997