Description
28 storja ġdida mill-pinna ta’ Anton Grasso f’dan is-sebgħa u għoxrin volum ta’ stejjer tiegħu u t-52 ktieb f’karriera li tinfirex f’medda ta’ 40 sena.
“Tul dan iż-żmien, l-appuntament tiegħi mal-qarrejja li jsegwuni ma naqas qatt. Ktieb jew tnejn f’sena dejjem ittawlu minn fuq l-ixkaffa tal-ħwienet tal-kotba. Hemm min jifraħ, hemm min jieħu qatgħa. Għalkemm il-qarrejja tiegħi żdiedu, ma naqsux dawk li jiddarsu mqar jekk jisimgħuni naqra silta mill-Vanġelu. Ħafna qarrejja jsegwu kull ktieb li noħroġ, oħrajn anqas biss imissu wieħed.
L-ambizzjoni tiegħi li nkun awtur irnexxiet. La għandi raġun fis-suċċess, anqas tort fil-falliment tiegħi. Ftit minni nnifsi bena l-kotba tiegħi u l-kotba tiegħi bnew ħafna minn ismi. Kienu 40 sena ta’ sodisfazzjon, avventura u bidliet. Ħafna mill-kotba tiegħi ilhom żmien twil li nbiegħu kollha, għalkemm tnax biss minnhom reġgħu ġew stampati. Minn żmien għal żmien nirċievi talbiet biex jerġgħu jiġu ppubbikati edizzjonijiet ġodda ta’ kotba antiki tiegħi.
L-istejjer ta’ dan il-volum huma forsi inqas xokkanti minn oħrajn ta’ volumi bikrija. Xi ftit jew wisq l-element makabru jinħass, kultant imsieħeb ma’ tbissima li tegħleb id-dehxa. Ħafna jaqraw il-kotba tiegħi għax iħobbu jibżgħu, oħrajn ma jaqrawx wieħed għax ma jħobbux jibżgħu. F’karriera li nħossha reisqa lejn it-tmiem, x’hemm ħażin jekk fl-aktar volum riċenti nispiċċa bi tbissima…jew kważi?”