Gabra ta’ Statwi u Nicec Religjuzi

fit-Toroq ta' Malta u Għawdex

9789995706029
Paperback

In stock

Description

KONTRIBUT TA’ INTERESS STORIKU, KULTURALI U RELIĠJUŻ

Ma nkunx qed nigdeb jew nesaġera meta ngħid li qrajt b’interess u kurżità kbira dan ix-xogħol tal-ħabib tiegħi s-Sur Nikol Ciantar, u nittama li ħafna Maltin japprezzaw il-kontribut tiegħu għal-letteratura Maltija.

L-ewwel nett wieħed ma jistax jonqos li jammira l-paċenzja u l-ħin li ddedika biex għamel xogħol bħal dan.  Żgur li ħadd ma kien se jidħol għal din il-biċċa xogħol kieku mhux għax iħossu appassjonat għall-valuri storiċi u reliġjużi tal-poplu tagħna.  Mhuwiex xogħol li jirrikjedi ftit ġranet jew ġimgħat jew xhur fuq mejda, imma xogħol li rrikjeda snin ta’ ġiri minn tarf għal ieħor tal-Gżejjer Maltin, infiq ta’ flus fit-traġitti u fir-ritratti, u naturalment, wara kull vjaġġ biex jesplora statwi u niċeċ, is-sigħat ta’ homework biex janalizza u jikkummenta bil-kitba dak li jkun ra u ffotografa matul dak il-vjaġġ.

Il-frott ta’ dan il-perjodu twil ta’ ħidma isa qed tarah b’għajnejk.  Hu kontribut kbir għall-kitba Maltija, ta’ interess storiku, kulturali, u reliġjuż.  infatti, meta wieħed jara l-iskrizzjonijiet taħt bosta mill-istatwi u n-niċeċ jista’ jinseġ l-istorja tal’ pajjiżna f’epoki u sitwazzjonijiet differenti fid-dawl tar-reliġjożità tal-poplu.  Barra minn hekk, wieħed ma jistax jistudja u jifhem il-kultura ta’ poplu mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni r-reliġjon li sawret l-istroja u l-fiżjonomija ta’ dak il-poplu.  Għalhekk, ir-riċerka tas-Sur Ciantar hi għodda oħra biex nifhmu aħjar il-kultura li writna minn missirijietna.

Xejn inqas interessanti hija din ir-riċerka tas-Sur Ciantar għall-aspett reliġjuż tal-poplu tagħna. Jiddispjaċini ħafna kultant naqra ċerti kummenti fil-gazzetti tagħna fejn ċerti Maltin ħutna jagħtu impressjoni li aħna poplu masokista, wishom jieħdu gost isawtu lilhom infushom, qisna aħna biss għandna ċerti difetti, u ma jagħrfux il-ħafna valuri pożittivi tal-karattru tagħna u li ċertament writniehom mill-Kristjaneżmu, valuri bħalma huma s-sens ta’ solidarjetà, fraternità, ġenerożità, ospitalità, eċċ.  L-istatwi u n-niċeċ jitkellmu ħafna fuq il-fidi qawwija ta’ missirijietna, li wrew fiduċja straordinarja f’Alla f’sitwazzjonijiet diffiċli, urew gratitudni lejh meta ħassewh qribhom, u wrew id-determinazzjoni tagħhom li jagħmluh aktar magħruf u maħbub.

Huwa faċli llum issib min jittimbra din ir-reliġjożità bħala fanatiżmu jew prattika aktar pagana milli Kristjana – l-akkuża li bosta sekli ilu wasslet għall-kundanna tal-ikonoklasti.  Iżda ma ninsewx li l-bniedem ma jistax jgħix ta’bniedem mingħajr ma juża sinjali.  Kartolina mibgħuta lil xi ħadd f’okkażjoni ta’ għeluq sninu, jew għall-Milied, rigal li wieħed jagħti lil xi ħadd biex jurih gratitudni jew biex jifraħlu f’okkażjoni speċjali, bewsa jew tgħanniqa, mhumiex dawn kollha sinjali, u li lkoll inħossu l-ħtieġa tagħhom?  Hekk ukoll statwa jew xi xbieha oħra, hi wkoll sinjal utli biex ifisser b’xi mod it-twemmin u l-qima tagħna.  Ma ninsewx li kien Alla stess li lil Mosè ordnalu jagħmel figuri ta’ żewġ kerubini fuq l-Arka tal-Patt, u lil Salamun ordnalu jagħmel żewġ statwi kbar tal-kerubini fit-Tempju.

Nawgura li dan ix-xogħol tas-Sur Nikol Ciantar jiġi milqugħ bħala strument sabiħ biex napprezzaw aktar il-wirt storikoreliġjuż ta’ pajjiżna.

Mons. Ġorġ Frendo O.P.

Isqof Awżiljarju ta’ Tirana, L-Albanija

9 ta’ Awissu, 2011

Additional information

Weight 600.0000 g
Dimensions 24 × 17 cm
Pages 192
ISBN 9789995706029
Cover
Year of publication
Note Din il-pubblikazzjoni saret permezz tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-APS Bank Limited
Author

Product categories and tags

SKU: 9789995706029 Categories: