Description
Il-qligħ kollu ta’ dan il-ktieb se jmur biex jinxtraw għadd ta’ kotba u riżorsi għat-tagħlim tal-Malti, li se ngħadduhom lill-Paediatric Adolescent Unit (PAU) ġewwa l-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, għall-klassi li għandhom fl-istess sala.
Djamantini huwa antoloġija li fiha se ssibu tiżwiqa sabiħa ta’ ġeneri ta’ kitbiet differenti fosthom stejjer, poeżiji u kanzunetti, ilkoll miktubin minn studenti ta’ etajiet, livelli u nazzjonalitajiet varji. Se ssibu wkoll 23 kitba oriġinali li awturi, kantawturi u personalitajiet sinonimi mal-lingwa u l-letteratura Maltija kitbu speċifikament għal din l-antoloġija. Flimkien ma’ dawn il-kitbiet hemm festa ta’ tpinġijiet minn erba’ illustraturi. Partikolarità oħra għal min iħobb l-ilsien Malti hija li qabel il-kitbiet tal-personalitajiet, hemm 23 pittura mpinġija mill-artista Caroline Said Lawrence skont dak li għal dawn il-personalitajiet tfisser il-lingwa Maltija. B’hekk f’dan il-ktieb il-lingwa Maltija mhux biss qed tiġi rrappreżentata f’ġeneri ta’ kitba minn individwi differenti imma wkoll f’pitturi mill-isbaħ.