Description
Johnny u Sophie, koppja b’żewġt itfal twemin, kienu jinħabbu ħafna. Iżda meta kienet għadha xebba Sophie kellha tarbija, Aida, li kienet tatha lil tfajla oħra bħalha jisimha Josetta biex tieħu ħsibha hi. Iżda xi jsir minnha u jekk kinitx l-istess tarbija jibqa’ misteru sa l-aħħar tal-ġrajja. It-tarbija tgħix u tikber, u magħha jikbru l-misteri tat-twelid tagħha. Aida, imnikkta u mdejqa għax Josette tibda taħqarha, tiddeċiedi li taħrab. Aida tinstab wara l-bieb tad-dar ta’ Johnny u Sophie li jitħassrha u jżommuha magħhom.
Josette, issir tħobb lil Johnny, u tibda tgħir għal Sophie, u tagħmel minn kollox biex tisfratta ż-zwieġ tagħhom, l-aktar wara li l-għarus li kellha, baħri fuq bastiment tal-gwerra Ingliż, jitlef ħajtu mgħarraq.
L-intriċċi jissuktaw meta għall-għarrieda jitfaċċa dak li Sophie kellha tarbija minnu. Min fejn ġie u kif inqala’?
Mifnija bl-inkwiet, beżgħana li żewġha jsir jaf bil-verita’ kollha dwar xbubitha, Sophie tibda sejra lura bis-sigħat sakemm timrad.
Tibda l-Gwerra u magħha jibdew l-inkwiet, in-niket, u l-imwiet, kid ukoll il-ħerba. Kienet gwerra qalila mhux biss għall-Belt ta’ l-Isla iżda wkoll għall-familja ta’ Johnny u Sophie. Iżda min kienet u ta’ min kienet Aida? Min kien missierha proprju? U ommha…Min kienet? Xi jkunu l-konsegwenzi? Kif jeħodha Johnny? Xi jsir minn Sophie u minn Josette li tant għamlet ħsara iżda li fl-aħħar iġġiegħlek titħassarha?
