Il-biża’ mill-ħallelin

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Xħin jasal imbagħad ħin l-irqad, iz-zija kienet issakkar il-bieb tal-kamra tagħha, u tressaq il-gwardarobba warajh bi tbatija liema bħalha. Kienet tieħu battikata kull filgħaxija sakemm tbattalha mill-ħwejjeġ kollha biex ittaffi mit-toqol tagħha ħalli tkun tista’ tkaxkarha sa wara l-bieb. Li kieku ma kinitx tagħmel hekk, żgur li ma kinitx tagħlaq għajn m’għajn. Għall-inqas b’dal-mod setgħet isserraħ xi ftit moħħha li ħadd ma kien se jitfa’ l-bieb ġewwa kif ġieb u laħaq, u jagħtiha xi qatgħa fatali.

Iz-zija Becky kienet titwerwer bil-bosta mill-ħallelin. Kellha għalxiex tibża’ għax in-naħa tagħha sikwit kienu jisirqu minn xi dar jew ħanut. Mistagħġbin kemm kien hemm ħallelin tal-prima klassi! Ma setgħu jinqabdu b’xejn. Iz-zija kienet tiftaħ par widnejn daqsiex kull darba li tisma’ b’xi serqa ġdida fil-ħanut tal-merċa. Matul il-jum kienet tedha fil-faċendi, iżda hekk kif jibda jroxx id-dlam kienet titlaq kollox minn idejha biex tfittex issakkar il-bieb ta’ barra, u tpoġġi l-istanga warajh. Wara kienet ddur kull tieqa ħalli tagħlaqha sew ma jmurx jidħlilha xi ħadd billejl.

Darba waħda, ħuha Toni mar iżurha flimkien ma’ martu Rita u ċ-ċkejkna tagħhom Donna. Waqt li kienu lkoll madwar il-mejda tal-ikel jixorbu t-te, u jnaqqru biskuttin, id-diskors waqa’ fuq is-serq. Iz-zija wriethom kemm kienet imħassba u inkwetata minħabba dawk l-imberkin ħallelin, u li kienet qiegħda tistenna li xi darba għad jisimgħu li serquha. 

Ma naqsitx ukoll li ssemmilhom il-biċċa tal-gwardarobba, u Toni għal naqra ma nfaqax jidħak f’wiċċha għax beda jġibha quddiem għajnejh qiegħda titqanżaħ b’dik il-gwardarobba antika ta’ nannithom Żarena li kienet akbar minnha darbtejn. Meta ratha daqshekk imbeżżgħa, Rita, kollha mistħija, skużat ruħha magħha li ma kellhomx fejn iżommuha magħhom imqar għal erbat ijiem sa ma jikkalma s-serq, u Toni għamel bħalha. Iz-zija weġbithom li kienet lesta tmur tinġabar mas-sorijiet jekk ikun hemm bżonn basta ma tkomplix thewden fuq is-serq. Toni u Rita ma merewhiex.

Xi ġranet wara, Rita waslet lura d-dar mix-xogħol, u baqgħet tielgħa fuq bħal dejjem biex tagħti bewsa lil Donna qabel ma torqod. Dakinhar il-bieb tal-kamra tagħha inzerta kien magħluq. Kif fetħitu, Rita kienet għoddha waqgħet fis-siġġu u fiż-żewġ soft toys forma ta’ kelb u ljunfant li sabet wara l-bieb. Donna talbitha biex tħallihom fejn kienu, ma jmurx jitfaċċa xi ħalliel billejl u jidħol ħdejha. Quddiemha kellha wkoll siġġu ieħor bit-teddybear bilqiegħda fuqu għassa għall-ħallelin. Rita bdiet titbissem għax dlonk intebħet li Donna kienet tħajret tagħmel bħaz-zija Becky billi kliemha kien impressjonaha. Imbagħad resqet maġenbha fejn is-sodda, u bil-ħlewwa kollha qaltilha li ma kellhiex minn xiex titwerwer la darba hi u l-papà kienu magħha d-dar. Wara, neħħiet is-siġġijiet u s-soft toys min-nofs, tatha bewsa kbira fuq ħaddejha, u tfitilha biex torqod. Donna raqdet mill-ewwel għax sewwa kienet qaltilha l-mamà li żgur li ma kien se jiġrilha xejn. Meta sar jaf Toni x’għamlet bintu, huwa ggustaha bl-innoċenza tagħha, l-istess bħalma għamlet Rita.

Granċ jew fantasija?

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Sa mill-piramidi tal-qedem għall-bunkers militari, it-teoristi ma daħlu fl-ebda konfoffa. Lanqas issa b’dak li raw fuq Mars.

Fl-aħħar dehra biżarra, il-kaċċaturi għall-aljeni qalu li setgħu jilmħu granċ misterjuż fuq il-pjaneta l-ħamra.

Mindu l-immaġni ntefgħet fuq il-Facebook, numru ta’ persuni qalu li dan il-granċ jixbah lill-mostru li kien intwera fil-film tal-1979 bl-isem ta’ Alien. Ir-ritratt inġibed mill-magna Curiosity, fuq Mars, li wriet speċi ta’ daħla ta’ għar fuq il-pjaneta l-ħamra.

Iżda Seth Shostak, direttur taċ-Ċentru għat-Tiftix SETI, qal li probabbilment dan hu każ ta’ pareidolia, kelma li tintuża għal dawk l-individwi li fl-immaġinazzjoni tagħhom jaraw forom u wċuħ f’dak li jħarsu lejh. Tant hu hekk li hemm kaċċaturi oħra tal-aljeni li dan l-aħħar stqarrew li fuq Mars raw dik li jemmnu li hi mara samranija.

Lino Borg

altLino Borg is a practicing artist and educator.

He received his education at the Malta Government School of Art, the Accademia Pietro Vannucci (Perugia) and at the University of Malta. Studied Lithography under Eduard Schmid.

He was employed at the Museums Department (1974–1991), and then as an art teacher in State Schools (1991-2012).

He lectures at the Faculty of Education and the Faculty of Arts at the Universit of Malta (1990–2012). He also lectured at the Malta Conference Centre for Restoration, Bighi (1999–2002).

Contributed in the Exhibition Catalogue Sacred Art in Malta 1890–1960 edited by Rev Gino Gauci (1990).

Author of the Exhibition Catalogue, The Maria Pisani Bequest’ published by Heritage Malta (2008).

Co-author with Joseph P. Cassar of The Art and Life of George Fenech, 1936-2011 (2012).

Jien u z-ziju Dward

Iz-ziju Dward hu l-ixjeħ persuna fid-dar. Ġuvni. Mhux twil ħafna. Irqiq u kemxejn milwi. Wiċċu mixrub u b’mustaċċi puliti. Dejjem ikebbes il-pipa u dan l-aħħar tah jixtri l-pipi tal-ġibs tat-tliet soldi l-waħda mingħand Pintley. F’rasu ma għandux xagħar għajr ftit mad-dawra. Lili jħobbni ħafna.

Meta joħroġ barra dejjem bil-ġlekk, bil-bastun u bil-kappell. Ma joħroġx mingħajr ħaġa waħda minn dawn. Kif joħroġ fit-triq, idawwar il-bastun fl-arja mill-manku tiegħu. L-istess jagħmel meta jkun qed jaqsam it-triq.

Ma tantx iħobb jiekol, iżda l-inbid iħobbu wisq. Mingħand Ċikku tat-titotla jħobb jixtri r-rock cakes. Id-dar għandna qattusa, Tanaxja  u kelba, Funny. Dawn it-tnejn tiegħu. Meta jkun id-dar, jieħu flixkun inbid u tazza ħdejh u jintasab f’ras tal-mejda. Iqiegħed ukoll għatu tal-landa tal-kunserva b’rock cake  fuqu u joqgħod iqatta’ b’mus, jiekol u jixrob.

Il-qagħda mal-mejda wkoll differenti. Iħobb ipoġġi l-bastun immejjel bejn saqajh u jserraħ saqajh, fuq xulxin, fuqu. Kif jarawh hekk, Tanaxja u Funny jinxteħtu ħdejh jistennew sehemhom.

Għal ftit ħin filgħodu u ftit ieħor filgħaxija, iz-ziju Dward iħobb iżur lil Ċikku tat-titotla. Iż-żraben taz-ziju Dward, tal-moda. Jixtrihom mill-Belt. Għandu wieħed sabiħ ferm. Jogħġobni ħafna iżda jiġini kbir. Kollu kannella u l-wiċċ abjad qisu tal-canadindja. Iħobb jara ż-żraben indaf ħdejn is-sodda f’ringiela dritta qishom suldati. Mhux ta’ b’xejn jgħid li kien jaħdem magħhom bħala messaġġier. Għalih qabel kull ħaġa oħra — ir-Reġina.

Fit-terrazzin, li hu kbir ħafna għandu l-gallinari. F’wieħed, qisu l-arka ta’ Noe, li ħadmu z-ziju Willie, jżomm it-tiġieġ. Imbagħad mal-ġenb tal-bieb tat-terazzin sal-ħajt l-ieħor, f’tul ta’ madwar 13-il pied hawn qishom żewġ kmamar tal-injam, waħda fuq u oħra isfel. F’ta’ isfel iżomm il-fniek. Tahomli nieħu ħsiebhom jien. F’ta’ fuq, li tinfetaħ qisha b’bokkaport għandna l-ħamiem u l-bċieċen. Biex nitilgħu fil-kamra ta’ fuq, nużaw sellun tal-injam, li hu mimli ħmieġ tal-ħamiem.

Kultant inħobb nitla’ ninbex liz-ziju Dward f’din il-kamra għolja. Il-lum jinsab rieqed mal-ħamiem bil-pipa f’ħalqu. Jidher ferħan għax tweldulu l-bċieċen. Mal-ħajt kiteb bil-lapes kemm idumu biex ifaqqsu l-bajd.

Dejjem iqatta’ rqiq il-fdal tal-ikel biex jagħlef bih. Meta jlesti, joqgħod fuq kaxxa tal-injam tal-luminata, faċċata tax-xemx, u b’lenti ħoxna jqabbad it-tabakk tal-pipa. L-ewwel ma jitla’ qisu ħajta duħħan irqiq. Ġieli jgħidli nqiegħed idi u … aħħ! Ma nissaportix. Mhux darba u tnejn noħodlu l-lenti bil-moħbi u nqabbad il-karti tal-pitazzi. Tgħidx kemm jirrabja!

Fil-ġlekk dejjem iżomm domna kbira ta’ Santu Wistin flok kuruna. Fl-aħħar kamra tad-dar, qabel dik tad-WC għandu armarju. Fih iżomm fliexken tax-xorb u karti. Jgħidli li huma dokumenti. Fihom ħafna kitba u fuq nett arma. Imbagħad borża li fiha malja tax-xagħar maħduma b’mod sabiħ. Dejjem jgħidli li dak kien xagħru. Fuq il-borża hemm id-data….. Għandu wkoll bosta kotba taċ-ċarruta b’ritratti ta’ annimali tal-kulur. “Tihomli zi”, inħobb intennilu. Inewwilhomli biex narahom u jerġa’ joħodhomli. Min jaf xi darba jagħtihomlix għal kollox!

Illum dieħel il-Belt u se joħodni miegħu. Minn Triq it-Teatru l-Qadim, fejn hemm nies ibigħu bil-karettuni, jixtrili flokk abjad b’għonq tond aħmar, tgħidx kemm hu sabiħ. Fuq quddiem għandu stampa bil-kulur ta’ cowboy  bl-ingassa f’idu, fuq iż-żiemel. B’dan il-flokk nistħajjilni l-cowboy. Lil ħbiebi jogħġobhom ukoll dan il-flokk. Għalih, fl-istess jum qed jixtri żewġ fliexken forma ta’ għenieqed tal-għeneb. Dawn il-fliexken jinsabu fil-vetrina tal-Australia Bar, fl-istess triq. Qed jogħġbuh u se jixtrihom. Flixkun minnhom fih inbid abjad u l-ieħor bl-inbid aħmar. Kif naslu d-dar qed jagħmilhom fl-ogħla xkaffa tal-vetrina.

Meta nkun miegħu u naraw funeral għaddej, biż-żwiemel, nieqfu ngħidu talba u kif nispiċċawha jqabbilli: “Iwassluk il-bhejjem u tibqa’ hemm għal dejjem.” Għalhekk bl-imħatra min jgħidha l-ewwel, meta naraw funeral!

Awtur: Charles B.Spiteri

Tliet soldi tal-fidda

Iz-zija Connie, li tieħu ħsiebi ferm u kuljum tlestili l-bajda u ttellagħli t-tè fis-sodda meta r-Rediffusion ikun se jibda jdoqq l-Ave Marija fis-sitta, tpejjep mhux ħażin. alt

Pakkett tal-għaxra taħarqu f’ġurnata. In-nannu u n-nanna naħseb li ma jafux, għax  il-pakketti taħbihom biex ma jarahom ħadd. Il-pakkett tas-sigaretti għandu lewn aħdar. Jisimhom Consulate  u jinxtammu riħa ta’ menta. In-nannu Karm lilhom ukoll ipejjep.

Iz-zija Connie ma tixtrix mingħand in-nannu, inkella jinduna li qabdet il-vizzju ħażin tat-tipjip. Għalhekk jew tixtri meta tmur tagħmel ix-xirja hi, jew tibgħatni bil-moħbi nixtrilha mingħand Ġeraldu l-parukkier, fil-kantuniera mal-faċċata l-oħra tat-triq. Tagħmilli paneġierku għall-mod kif għandi naqsam, għax jekk ikun jaf in-nannu li qsamt waħdi, tgħidx x’jagħmel. Dan meta biex tgħaddi karozzi minn Triq Irjali, irid jgħaddu 30 sekonda.

Minn ’l isfel minna, ġieli nixtrilha wkoll mingħand Ġorġ il-Pintley. Tajba din. It-tifel ta’ Ġorġ jiġi jixtri s-sigaretti mill-ħanut tan-nannu u jien immur nixtri s-sigaretti għal ziti mingħand Ġorġ. Hekk iddur ir-rota tal-kummerċ, għalkemm bin Ġorġ jixtri aktar pakketti milli tista’ tixtri z-zija Connie!

Meta n-nannu jiġi d-dar għall-ikel ta’ nofsinhar, jinża’ fuq il-flanella u joqgħod fuq siġġu li jingħalaq, mal-mejda. Maġenbu jqiegħed is-sigaretti u s-sulfarini. Ħadd ma jqajmu għajr il-ħin tal-4 p.m. meta jiġi biex jerġa’ jiftaħ il-ħanut. Wara l-ikel jibda jongħos fuq iż-żewġ saqajn ta’ quddiem tas-siġġu. Kultant jieħu ħasda u jistenbaħ maħsud. Mhux darba u tnejn inkun se naqbad nidħaq f’wiċċu, iżda ma rridx inkun kattiv miegħu, għax iħobbni tabilħaqq. Kultant jiġbidni lejh u waqt li jgħidli ‘Ganuxu’ idawwar rasu ma’ rasi u qisu jaħraqli xagħri.

Milli jidher liz-zija Connie spiċċawlha s-sigaretti u naħseb li flus m’għandhiex għax tridni nieħu l-pakkett tan-nannu mingħajr ma jinduna. Sa ma jdum ma jieħu ċ-ċaqliqa tan-nagħsa li jmiss, niġbidhulu minn maġenbu u z-zija Connie toħodlu żewġ sigaretti minnu.

Illum reġa’ ma għandhiex, la flus u lanqas sigaretti. Minn taz-ziju Fred, li jixtri t-Three Cats, f’kaxxa ħamra bi tliet qtates fuq il-faċċata, ma tħobbhomx. Ġieni ħsieb. In-nanna qiegħda fil-kamra ta’ ġewwa u z-ziju Fred mar il-Belt waħdu, kif soltu jagħmel kuljum.

B’ċavetta tal-gwardarobba u bi ftit logħob fis-serratura ta’ bieba ċkejkna tal-iskrivanija taz-ziju Fred, qed nipprova niftaħlu kexxun. U balleċ irnexxieli. Hawnhekk, iz-ziju Fred iżomm xi flus antiki f’kaxxa tal-landa. Flus li ma għadhomx fiċ-ċirkulazzjoni. Allura bla użu. Fosthom tliet soldijiet tal-fidda. Qishom sixpenz tal-lum. Ħadt waħda u qfilt kollox bħal qabel.

Sejjer għand Ġorġ il-Pintley. Bħalissa pakkett sigaretti jiswa disa’ soldi (9 ċenteżmi), iżda xħin Ġorġ jara t-tliet soldi tal-fidda qed jaqbel li tagħha jagħtini pakkett Consulate. Iz-zija Connie tgħidx kemm qed tifraħ bih. Issa għandha sigaretti għal jum sħiħ.

Minn ftit jiem ilu, in-nannu qed jagħti kaxxa sulfarini ma’ kull żewġ pakketti sigaretti li dak li jkun jixtri mingħandu. Dan wara li sar jaf li Ġorġ il-Pintley qed jagħmel hekk ukoll. Speċi ta’  qed tinbet kompetizzjoni bejniethom. Min ikollu l-aktar klijenti għax- xiri tas-sigaretti, għax il-Pintley la jbigħ ħelu, la gazzetti u lanqas affarijiet ta’ stationery.

Min jaf kieku n-nannu jintebah li jien qed immur nixtri s-sigaretti għaz-zija Connie mingħand Ġorġ, x’jagħmel. U meta Ġorġ jarani, jgħid lili wkoll bl-offerta tiegħu. Forsi għax it-tliet soldijiet tal-fidda jogħġbuh aktar mid-disa’ soldi ta’ flus li f’materjal ma jiswew xejn! Iżda l-biża’ li teħid simili għandu rabta ma’ serq, kif intqalli minn qassis ħabib tiegħi, mhux qed jinkuraġġini biex nerġa’ nwettaq l-att doppju għal kaxxa sulfarini.

Għal dik it-tliet soldi dabbart penitenza qawwija u kemm-il darba qed ngħid liz-ziju Alfred biex għal din il-ġimgħa ma jagħinix flus pocket money. Qed jiskanta, iżda mhux jistaqsini għaliex.

Awtur: Charles B. Spiteri

Jien u z-ziju Willie

Appena jdoqqu l-4.30 p.m. jasal mix-xogħol iz-ziju Willie. L-ewwel ma tkun tistennieh hi ‘Funny’il-kelba taz-ziju Dward. Appena f’dak il-ħin dejjem tisma’l-istess marċmilitari fuq ir-Rediffusion; magħrufa bħala r-Rediffusion March, tibda tferfer denbha u tmur dritt quddiem l-antiporta.

Iz-ziju Willie għandu uniformi. Jaħdem mar-Royal Electrical & Mechanical Engineers (REME). Filgħodu joħroġkmieni iżda ma jdumx ma jiġi d-dar. Jasal ftit wara li nispiċċa jien mill-iskola.

Iz-ziju Willie minn dejjem kien kapaċi jagħmel dak kollu li jara. Mill-bitħa saqqaf parti u għamel workshop. Fih hemm ħafna partijiet ta’karozza. Steering, sparking plugs, swiċċijiet, fanali bix-xibka quddiem, ċineg u wkoll ħames roti kbar.

In-nanna Alice u z-zija Connie jgħidu li darba z-ziju Willie għaqqad karozza f’din il-kamra. Għamilha taħdem iżda ma setgħetx toħroġfit-triq, għax il-bibien tal-kmamar huma iżgħar minnha. Iżda għamilha biex jara jirnexxilux iħaddimha. U rnexxielu.

Ix-xogħol tal-injam hu l-aktar li jħobb jagħmel. Minn kemm in-nannu ilu bil-ħanut, iz-ziju Willie qed jagħmel ġugarelli tal-injam il-ġmiel tagħhom. Jagħmel forom ta’tfal jew ta’annimali mill-plywood, li jaqtagħhom bl-arkett, imbagħad, separatament, jagħmel is-saqajn, li jwaħħalhom u jirribattihom b’wajer tal-inxir mal-aljetta; jorbothom fuq pjattaforma  tal-injam li jaħdmilha r-roti fuq it-torn u meta torbotha bi spaga u tmexxiha il-forma jew forom jibdew jiċċaqilqu. Dawn jiġu ferm isbaħwara li jiżbogħhom b’żebgħa taż-żejt. Lili dejjem jagħtini wieħed li jkun jogħġobni.

Il-lum se jagħmel xi ħaġa differenti. Iridni ngħinu. Fit-terrazzin tellajna l-primus, patalott taż-żebgħa u gradjol (qisu kaldarun) itqal minni. Fil-gradjol qed idewweb iċ-ċomb.

Jien qed innaddaflu żewġnofsijiet ta’forom tas-suldati. Hu jorbothom flimkien bil-clips.  Xħin idub iċ-ċomb, iridni nersaq minn maġenbu. Itella’ċ-ċomb bil-kuċċarun li għandu speċi ta’żennuna, u jferra’minn ġenb li qiegħed apposta f’tarf tal-forom. It-tużżana forom li għandu, fosthom ta’annimali, siġar, suldati u footballers, nimlewhom kollha. Meta l-forom jiksħu u jaqlagħhom minn ma’xulxin joħorġu l-mudelli jleqqu taċ-ċomb.

Bħalma jagħmel bil-ġugarelli tal-injam, iz-ziju Willie joqgħod jiżbogħil-mudelli bi pniezel irqaq. Jaf jagħmel ukoll kaxxi tal-kartun li jiksihom b’karti kkuluriti biex jiġbdu l-għajn. It-tfal iħobbuhom wisq dawn is-suldati u jixtruhom. M’hawn ebda kwalitàoħra mnejn jagħżlu. Suldati kollha xorta għajr għall-kuluri li jagħmlilhom iz-ziju Willie.

Żmien ilu għamel kastell kbir ħafna, xi tliet piedi kwadru. Miżbugħisfar bil-fili tal-ġebel suwed. Ilu ħafna merfugħfuq gwardarobba f’kamra tas-sodda. Naħseb li jew jiswa ħafna flus jew ħadd ma għandu fejn jagħmlu. Tgħidx kemm ili nitlobhulu. Qatt ma jgħidli le. Dejjem “mhux għalissa”.

Iz-ziju Fred jirrakkuntali li meta z-ziju Willie kien żgħir u jara xi ħaġa togħġbu kien jistaqsi “Dik x’inhi, dik għalfejn, dik tihieli”. Illum qed nagħmel bħalu. Flok nitolbu l-kastell, nilgħabha tal-ibleh u nistaqsih dak x’kien, dak x’inhu u biex jagħtihuli. Aktarx li dak il-ħin jew ftakar f’li kien jgħid hu, jew qallu xi ħaġa z-ziju Fred: niżżel il-kastell mnejn kien u tahuli. Kemm iħobbni z-ziju Willie. Issa l-istejjer li nivvinta tas-suldati jkunu ferm isbaħ. Meta d-dar għand in-nanna jiġi xi wieħed jew aktar minn ħuti, nagħmlu ors nilagħbu bis-suldati f’dan il-kastell. Min idaħħalhom f’kamra, min joħroġhom minn oħra taparsi se jagħmlu d-drill u mbagħad naqblu li għandna noħorġuhom għall-ġlied. Il-ħmerija hi li mill-istess ġlied tas-suldati, nispċċaw niġġieldu bejnietna, għax ħadd ma jkun irid li s-suldati tiegħu joħorġu telliefa.

Minħabba f’hekk, u biex ma mmorrux inkissru l-kastell taz-ziju Willie, dan jitteħdilna min-nofs u jerġa’jsib ruħu fil-għoli fejn ma nilħquhx. Hu kastell il-ġmiel tiegħu li jħaddimli l-immaġinazzjoni biex dejjem ninseġstejjer differenti għas-suldati tiegħi.

Awtur: Charles B. Spiteri

Jien u z-ziju Fred

alt Bħaz-ziju Dward, iz-ziju Fred baqa’ ġuvni. Fl-età. hu ftit iżgħar miz-ziju Dward,iżda itwal sew u dritt. Kien jaħdem bħala skrivan mas-suldati Ingliżi u tgħidx kemm għadu jridha. Pulit aktar miz-ziju Dward. Dejjem b’libsa ntiera, sajfu xitwa. Fis-sajf bil-kappell tat-tibna (magħruf bħala tar-ross) u bi lbiesi rqiq immens, lewn it-tè bil-ħalib jew griżi u fix-xitwa kappell u lbiesi skuri.

Filgħodu wara l-quddiesa dejjem joqgħod id-dar għax m’għadux jaħdem. Fil-kamratal-ewwel miż-żewġgallariji li għandna fuq, fid-dar, għandu skrivanija kbira li għamillu n-nannu Karm. Fiha ħames kxaxen, tnejn kull naħau wieħed fin-nofs.Imbagħad isfel nett f’kull naħagħandu bieba. Joqgħod magħha jgħodd is-somom.Iżomm il-kotba tal-ħanut tan-nannu. Jara xi xtara u x’biegħ. Metanistaqsih għaliexjagħmel dak ix-xogħol, jgħidli “għat-taxxa.”

Nieħu gost noqgħod ħdejh. Ir-ringieli tan-numri jgħoddhom qisu mhux hu. Dejjemjgħallimni kif ngħodd u kif nitkellem bl-Ingliż. Metanobdi jagħtini ċikkulatina minnarmarju li għandu ħdejn l-iskrivanija. Tibgħathomlu mill-Ingilterra, ħabiba Ingliża. Jisimha Hilda Frau. Ġieli jaqsamli t-triq biex minnħdejn ir-RadioCitynimpustalu xiittra għaliha. Metama noqgħodx kwiet jurini l-ħelu u jibqa’ ma jagħtinix. Mill-ħanuttan-nannu jibgħatni nixtrilu l-pakketti tas-sigaretti tal-għaxra. Ipejjep it-Three Cats.

Talli nnaddaflu ż-żarbun u ngħinu jneħħi l-qalziet tal-libsa, billi niġbidlu l-qalzimit-tixmira, jagħtini sixpenz fil-ġimgħa. Paga tajba. Liz-zija Connie jagħtiha tmintax irbiegħi. Ma nafx mnejn iġib il-flus għax ma jaħdimx!

Iz-ziju Fred iħobb joħroġni miegħu. In-nanna dejjem tavżani biex ma nitlob xejnminnbarra. L-aktar li joħodni hu l-Belt għall-parati fil-Main Guard. Imbagħadinduru l-knejjes u l-kappelli tal-post, ngħidu vista kullimkien. L-aktar li togħġobni hi l-kappella tas-Sagramentini fi Triq San Kristofru. Hemmhekk dejjem ikun hemm soru titlob quddiem l-artal. Kull tant ħin tinbidel, toħroġoħra. Qishom is-suldati tal-Main Guard.

Fl-aħħar jixtrili x’nixrob. Fis-sajf nidħlu s-Savoy, f’ħanut pulit fi Triq Irjali unieħdu ġelat. Mal-ġelat tiegħu jordna tazza ilma għal warajh. L-istess jagħmel kuljum meta jiġi mill-quddies. L-ewwel ħaġa, jixrob daqsxejn ilma minħabba l-Ostja.

Metaniddejjaq il-Belt, inġiblu skuża li rrid immur id-WC. Kif jasal id-dar ibiddel.Qabel jiekol irodd is-salib. Iġiegħel lili wkoll irroddu u nobdih, għax inkella ma jerġax joħodni.

Ta’ kuljum, filgħaxija jerġa’ joħroġgħall-kappella tal-Museum. Jagħmel il-ViaSagra. Fis-sajf ġieli mmur miegħu. Kultant jaqbadni n-nagħas. L-aktar meta joħodni għal xi quddiesa tal-Milied jew tal-Għid, li ssir bil-lejl.

Fix-xitwa joqgħod jgħini nagħmel xi homework.Fis-sajf noqogħdu fuq siġġu fuqil-bankina sa tard bil-lejl. Nilagħbu x-xorti. Iżomm ħin u fih naraw lejn liema naħajgħaddu l-aktar karozzi, hux lejn Birkirkara jew lejn il-Belt. Hu jżomm naħau jienoħra.

Storja li jħobb jirrakkuntali hi din: “Darba kien hemm tliet kaċċaturi, kellhom tlietxkubetti, tnejn imkissra u waħda mfarrka. Qabdu tlett ifniek, tnejn ħarbu u wieħed skappa. Iltaqgħu ma’ xiħu qalulu li kienu tliet kaċċaturi, li kellhom tliet xkubetti, tnejn imkissra eċċ. Staqsewh fejn isajruhom.

Qalilhom ix-xiħ: Imxu aktar ’il quddiem u ssibu dar, bla art u bla saqaf, bla ħitan ubla fuklari. Hemm tliet borom, tnejn imkissra u waħda mfarrka. Sajruhom fl-imfarrka. U hekk għamlu t-tliet kaċċaturi li kellhom tliet xkubetti (eċċeċċ).

Wara li kiluhom qabadhom uġigħta’ żaqq u marru għand it-tabib u qalulu li kienutliet kaċċaturi eċċ(mill-ġdid).”U tintemm li t-tabib gerbibhom it-taraġwieħed wieħed bla ma tħallas. Stejjer oħra taz-ziju Fred dejjem jintemmu b’xi tagħlima. M’ilux għallimni d-draughts. Tant qed insir tajjeb li qed nirbaħlu kull logħba. Miskin iz-ziju Fred, kemm sar ħmar?! Għalhekk, kultant inħallih jirbaħ(biex ma jiddejjaqx)!

Kull filgħodu jqajjimni kmieni. Dejjem bl-istess kliem “Early to bed, early to rise,keeps you healthy, wealthy and wise”.Dnub li s’issa m’jienix stilla!

Awtur: Charles B. Spiteri

Jien u n-Nanna Alice

In-nanna Alice hi oħt iz-ziju Fred u z-ziju Dward. Hi l-iżgħar fosthom u tiġi l-mamà tal-mamà tiegħi. Tħobbni wisq. San-nies iħobbu jgħiduli li “tan-nanna ħelu manna”. Jien ma nagħtix kashom. Min jaf għaliex jgħiduli hekk. Forsi bi ksuhat!

In-nanna mhix twila. Pjuttost imbaċċa sew għal mal-kobor ta’ wiċċha. Xagħarha tippettnah kuljum u tirrumblah fuq biċċa lastiku sewda. Wara tgħattih b’xibka rqiqa. L-istil tgħid li hu coronation.

Nismagħhom jgħidu li hi riditni għandha peress li meta l-mamà kellha lili, ħija Paul kellu ħdax-il xahar, u sena u tliet xhur warajja kien se jitwieled ħija Italo. Għalhekk bejn għax Paul hu l-fessud tan-nannu Pawl u n-nanna Nes u bejn għax bit-tarbija l-ġdida l-mamà ma tistax tlaħħaq, ħaditni għandha l-Blata l-Bajda, n-nanna Alice.

Mhux ta’ b’xejn kulħadd jirreferi għalija bħala tan-nanna Alice u tan-nannu Karm. U anki ismi bħal tiegħu, u bħalu ma nibżax… lanqas mill-babaw. Fix-xitwa, għax fil-kmamar kbar jagħmel il-bard, norqod bejn in-nannu u n-nanna. Xi ħmar hi l-gverta, jew iż-żwiemel li qatel Napuljun biex is-suldati jorqdu fihom fir-Russja! Ikolli sħana akbar.

In-nanna ħajjata tajba. Tgħidx kemm tħitli xorti. Sa qliezet b’toqba quddiem flok kużakk u pixies  biex ma niħux rih. Dawn qishom mufflers, mitnijin min-nofs fit-tul, meħjutin tul ir-ras sal-għonq, u milbusin u maqfulin taħt geddumna b’ċoff mill-kumplament tad-drapp. B’hekk, ir-ras tkun mgħottija. Qisni tal-KKK!

Meta nitlobha xi ħaġa li tiswa l-flus tibgħatni għand in-nannu biex ngħid lilu u tiskanta ftit, meta tarah qatagħli xewqti. Kull filgħaxija tridni nitla’ maz-zija Connie għand il-mamà. Qabel, tibgħatni għand Pierino tal-ħobż. Nixtri ħobża żejda biex tibgħathielha miegħi. Tagħtini wkoll xi nofs tużżana bajd.

In-nanna qisha l-Anġlu Kustodju. Dejjem trid tgħidli x’inhu t-tajjeb. “Ara li tgħid benedizzjoni lill-mamà u lill-papà, u tagħtihom bewsa kull wieħed. Toqgħodx titlob ikel, għax int tiekol minn hawn”. Kultant b’dan it-twiddib kollu qisni lanqas inkun sejjer għand il-mamà Iżda lill-mamà u lill-papà nħobbhom ukoll. Anki lil ħuti. Magħhom noqgħod nilgħab bil-ftit ġugarelli li għandhom. Ġieli nagħtihom xi suldati minn tiegħi, għax jien għandi ħafna. Lili kulħadd jixtrili, iżda lilhom ftit li xejn.

Lin-nanna Alice qed jgħidulha tibda tibgħatni l-iskola tal-Gvern u l-Mużew. L-ewwel ġiet miegħi l-iskola, wara l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun. Għax dik tas-Sorijiet spiċċajtha. Qed nibki għall-bidu. U bil-biża’ li jisimgħuni l-pulizija noqgħod kwiet.

In-nanna Alice ġejja wkoll miegħi il-Mużew. Trid bilfors tkellem lis-Superjur. Il-Mużew tridni mmur, iżda mhux jekk ikolli naqta’ xagħri rizza jew li nkun bla ingravata. Klement, is-Superjur, qed iċedilha. Ħbiebi akbar minni, qed juruni kif nagħmel l-ingravata, biex qabel nidħol il-Mużew inneħħiha u wara nerġa’ nilbisha. U n-nanna tkun kuntenta u s-Superjur ukoll!

Issa li bdejt immur din l-iskola tal-kbar xorta qed immur kuljum għand il-mamà. In-nanna dejjem tgħidli “lill-mamà ħu ħsiebha!” Ma tantx nifhimha. M’hemmx il-papà u ħuti l-oħra għal hekk?

Biex żgur nibqa’ ħabib man-nanna, immur ukoll il-quddiesa ta’ kmieni filgħodu. Jekk nonqos, tgħidli li ma tħobbnix. Għalhekk nobdiha, inkella lanqas tħitli ħwejjeġ sbieħ.

Fix-xitwa, filgħaxija noqogħdu wara l-antiporta ngħidu r-rużarju. Hi toqgħod fuq siġġu u jien fuq pultruna ċkejkna quddiemha. Lejn l-aħħar posta nqiegħed rasi fuq saqajha u norqod. Tqajjimni xħin in-nannu jkun qed jagħlaq il-ħanut, biex ikun jista’ jidħol.

Kultant, meta saqajha jkunu juġgħuha tħobb taqbad mad-dahar ta’ siġġu u timxi miegħu fuq is-saqajn ta’ wara qisha ċaqlembuta. Fil-kexxun tagħha tal-gradenza għandha kaxxa sabiħa tal-kewba. Tgħid li għamilhielha n-nannu. Minn ġewwa bil-pannu aħdar. Fiha żżomm ħafna affarijiet tad-deheb. Fil-Karnival, meta nilbes ta’ pirata nkun nixtieqha tislifni ftit, iżda ma tagħtinix, lanqas jekk nibki. Mhux għax ma tħobbnix, imma d-deheb tan-nisa, la hu għall-Karinval u lanqas għas-subien!

Awtur: Charles B. Spiteri

Jien u n-Nannu Karm

alt

In-nannu Karm ukoll iħobbni, iżda ħej kemm jgħajjat! Allaħares tagħmel xi ħaġa bil-maqlub ta’ li jgħidlek. Madankollu ma jidgħix. Iħobb il-Knisja u fil-kamra tas-sodda għandna mudell ta’ knisja li għamel hu. Tgħidx kemm hu sabiħ. Ftit ilu nkisret il-ħġieġa ta’ quddiem u minn fuq siġġu noqgħod nilgħab bil-gandlieri u l-kalċi. Taħt l-artal hemm statwa ta’ bambin mejjet. Ġieli nneħħiħ minn postu u nħaddnu miegħi, iżda wiċċu mhux sabiħ wisq.

Lin-nannu niftakru jaħdem it-Tarzna. Fih raġel u mibrum. Dejjem b’libsa kannella rrigata rqiq. Fis-sala, fuq, f’rokna biswit il-bieb tal-gallarija għandu bagoll. Meta jiġi mix-xogħol u jitla’ fuq, niġri għal fuqu. Nagħtih bewsa u ngħidlu “benedizzjoni”. Iressaqni lejn il-bagoll. Jiftħu b’ċavetta li tkun fuqu u jagħtini ċikkulata kollha krema kulurita. Għandu kaxxa mimlija bihom. Ara kieku xi darba jħallihuli miftuħ! Għandu wkoll grossa sigaretti Consulate,  li jpejjep hu.

Ftit ilu waqaf mix-xogħol u kera kamra ċkejkna bieb ma’ bieb mad-dar biex jagħmilha ħanut. Jien ngħinu ftit bl-arkett. Jgħajjat jekk ma naqtax mill-bogħod kif jgħidli hu, għax jibża li s-sega tinqasam u tiġi f’għajnejja. Ma damx ma lesta l-vetrini u s-saqaf bl-injam għat-tond. Ix-xogħol taż-żebgħa, it-tarġa u l-wiċċ tal-bank tal-irħam qed jagħmilhom il-papà. Il-ħanut qed jimtela b’ħafna ħelu u ġugarelli. Kamra minn ta’ fuq tad-dar għalaqhielu z-ziju Willie biex fiha jżomm il-ġugarelli.

Issa n-nannu Karm, flok jagħtini ċ-ċikkulata filgħaxija qed iħallini nagħżel jien filgħodu mill-ħanut. Meta filgħaxija jagħlaq il-ħanut, iġib il-flus miegħu id-dar. Wara l-ikel jitla’ fis-sala maz-ziju Willie. Fuq il-mejda tas-sala hemm żewġ sjuni sbieħ tal-ħġieġ. Jitfa’ l-flus fihom u joqogħdu jgħodduhom sittiet għalihom, soldi, tliet soldijiet, sixpenzijiet, xelini, żewġ xeliniet u tmintax irbiegħet. In-nofs lira għadha karta. Jien noqgħod narahom.

Meta niġi biex ninżel isfel, leħen in-nannu jogħla u jgħidli “ara ma taqax”. U jien nistaqsi lili nnifsi għaliex ma jgħidlix “ara taqa’”. Nhar ta’ Ġimgħa fit-tard, wara li jgħodd il-flus kollha, nieħu gost inwassal il-paga tiegħu lin-nanna. Noqgħod ngħoddhomlha. Erba’ liri u nofs.

Darbtejn f’ġimgħa jridni nlestilu friskatur tal-enamel bl-ilma bir-Radox. Xħin jasal mill-ħanut u jkun lesta l-għadd tal-flus, jinżel isfel u joqgħod bil-ħwejjeġ ta’ taħt. Dejjem bil-flanella. Sajf u xitwa. Jgħidli li fix-xitwa ssaħħan u fis-sajf tixrob l-għaraq. Kieku lili ddejjaqni fuqi. Il-friskatur nagħmilhulu taħt il-mejda u jqiegħed saqajh fih.

Għall-ikel ħadd ma jilgħablu lin-nannu. Għandu platt speċjali fil-kobor. Fond ħafna. Jekk l-ikel hu tal-imgħarfa jkun iridu mimli sax-xifer. Meta jkollu aptit ir-ravjul ikun irid lin-nanna tagħmilhom. Kull waħda daqs widna ta’ ħmar. U ma jixbax b’tużżana u nofs.

Ma’ kull ikla jniżżel flixkun inbid. Wara, jogħla fuq iż-żewġ saqajn ta’ quddiem tas-siġġu b’minkbejh fuq il-mejda u jibda jongħos. Ma’ ċertu ħin iqum biex jitla’ jorqod. Jekk tinzerta ġurnata li jkollu saqajh fl-ilma nixxuttahomlu. Jien norqod warajh, iżda fl-erbgħa tal-għada filgħodu, hu jkun ġa qam għall-gazzetti.

Mis-Sibt għall-Ħadd in-nannu jagħti day off  lin-nanna. Isajjar hu. U mhux bi ksuhat. Kok mill-aqwa. Meta ngħid hekk lin-nanna, li wkoll għandha riċetti tajbin, tidher li tieħu xi ftit tal-fastidju. Iżda malajr jgħaddilha.

Man-nies, il-ħanut tan-nannu aktar hu magħruf bħala “tal-ġdid”, avolja l-ħanut jismu General Bazaar.

Awtur: Charles B. Spiteri

Jien u Ommi

Ommi Doris. Fl-età ftit iżgħar mill-papà iżda kwieta ħafna. Tħobbna wisq. Lili xi ħaġa aktar. Xħin tarani nasal għandha maz-zija Connie titlaq kollox u tiġi tilqagħni għal bewsa. Nagħtihielha bil-qalb. Tlaqt mid-dar tagħha meta kelli ħdax-il xahar.

Meta nlestu l-iskola tas-sorijiet insibha tistenna lili u lil ħija Paul barra.Xemx u xita. Meta tkun ix-xita u naslu d-dar wara l-4.00 p.m., tqabbad il-kuċiniera, tagħmlilna t-tè u l-ħobż mixwi fuqha u sakemm isiru, tbiddlilna l-bwiez. Dawn tqegħidhom bit-tromba ’l isfel maġenb il-kuċiniera biex jinxfu mill-ilma.

It-terran ma tantx għandha fejn iddur. Kamra tas-salott, kamra tas-sodda, kċina, kamra tad-WC u biċċa bitħa. Id-dar tan-nanna Nes, maġenbha hi ferm aktar kbira. Forsi għalhekk Paul aktar iħobb imur hemm. Ikollu fejn jiġri.

Bħalissa hawn għall-bejgħ gallettini żgħar ħafna tad-ditta Colussi. Kollha forom ta’ annimali. Jinxtraw f’pakketti kwadri bħal tax-Sugar Puffs. Jien u ħuti nħobbuhom ħafna. Il-mamà taħbihom għax nikluhomlha. Lili dejjem tippreferini u mhux darba u tnejn li tagħtini xi erbgħa iżjed minnhom.

Xi minndaqqiet, il-mamà, il-papà u ħuti jinżlu bil-mixi għand in-nanna Alice. Jien inkun nistenniehom fil-gallarija. Xħin jiġu nagħmlu ors. Noħorġu lkoll fit-terrazzin kbir, u waqt li joqogħdu jitkellmu, ninżel inqatta’ l-ħobż maz-zija Connie u nagħmlu speċi ta’ party. Lill-mamà naraha tieħu gost, għalkemm tkun ftit beżgħana minħabba l-ħamiem u t-tiġieġ taz-ziju Dward.

Għax il-mamà tibża’ mir-rix. Meta kienet żgħira, biex ma tibqax tieħu l-gażaża kienu għamluhielha fir-rix u ġegħluha tiġborha. Dakinhar beżgħet ubaqgħet tibża’ ħajjitha kollha. Għalhekk inħobb noqgħod ħdejha u kif naraxi ħamiema riesqa, ngerrixha. Lit-tiġieġinkun diġà qfilthom fil-gallinar.

Metal-mamà tkun se twelled xi tarbija, il-papà jinżel javża lin-nanna. Manafx biex jasal, fid-dlam, hux b’xi karozzin. In-nanna tmur għand il-mamà Jien inkun irrid immur magħha iżda hemm ma hemmx fejn, u dawn mhumiex affarijiet tat-tfal. Wara xi ġimgħa tagħmel festin ċkejken. Hi toqgħod fil-kċina u jien u Paul, għalkemm żgħar inqassmu l-kejk u xi pastini li tagħmel hi. Fit-terran ma jkollniex fejn induru. Nies kullimkien. Iżda sal-għada l-mamà tkun qaxxret kullimkien.

Ix-xiri tal-mamà jagħmlu Paul, iżda meta nkun għandha ġieli nagħmlujien. Il-lum bagħtitni għand tal-grocer. Fil-kantuniera. Nixtri u nnewwel note bookflok inħallas. Tal-ħanut tatni sitt affarijiet u niżżlet ta’ tmienja. Indunat il-mamà xħin wasalt id-dar. Mort niġri ngħidilha, iżda ma emmnitnix. Bilkemm ma ħadithiex kontra tiegħi u ta’ ommi. Iżda l-mamà

mara kwieta u ma riditx inkwiet. Allura titqanna tħallas għal affarijiet li mangħatatx. Mhux sew, iżda x’tista’ tagħmel?

Biex naraha aktar ferħana, u peress li naf li ma tantx għandha flus, nieħugost nitla’ bil-mixi, intellgħalha l-ħobża u l-bajd li kuljum tixtrilha n-nanna. Magħhom intella’ xi lapsijiet u pitazzi għal ħuti biex ikollhom huma wkoll.

Xi minndaqqiet biex ma jkollhiex storbju s-Sibt, in-nanna Alicetgħidilhabiex tibgħat lil xi ħadd minnħuti d-dar jilgħab miegħi. Drabi oħra nitla’ mal-mamà fil-clinicta’ Kana f’Santa Venera, biex tiżen xi tarbija ġdida millijkollna. Il-babiesdejjem inqegħduhom fi pramm sewda magħrufa bħala ‘tal-banju’. Fuqha għandha isem tal-fidda Pedigree.

Metajkun imissha tqqu mill-pramm u mmur jien l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun, inġibilha d-dqiqieħu l-affarijiet tal-CARE, inneħħi s-sa, żejt,butir u ġobon. Dan hu l-aqwa ġobon li qatt doqt f’ħajti. U l-mamà tifraħ bihom għax tiffranka!

It-terran m’għandhiex makna tal-ħjata. Naħseb li ma tantx taf tħit. Iżda taftinnittja u dejjem tagħmlilna l-flokkijiet tas-suf. Fix-xitwa nsibuhom tajbin ħafna, għax isaħħnu.

Awtur: Charles B. Spiteri