Tal-imqaret, il-ġelati u l-bigilla

altSewwasew fil-kantuniera l-oħra fi Triq Irjali, kif taqbeż ir-Radio City, lejn il-Ħamrun, qabel ma titla’ l-isqaq għall-forn tal-Bażikk, hemm ħanut ċkejken ferm – toqba kollox, li r-raġel xwejjaħ li jkun fih, Ġanni, jaqli u jbigħ l-imqaret tat-tamal. Imqaret, li fietla u mhux jaħarqu, joħolqulek benna tal-għaġeb fil-ħalq.

Minn filgħodu sa filgħaxija, dan il-ħanut jibqa’ għaddej bil-produzzjoni. Naturalment, sid il-ħanut, iġib l-imqaret mhux misjura miegħu u jaqlihom hemm fiż-żejt jagħli. Ir-riħa tiftaħlek imnifsejk, għax mal-imqaret jitfa’ l-maskta (anisette) u tgħidx x’riħa tfuħ jagħmlu, iżda t-togħma tisboq kollox, għax it-tamal hu kemxejn abbundanti.

Dan in-negozju jtul għal kemm idumu għaddejjin l-istaġuni tal-ħarifa, ix-xitwa u r-rebbiegħa, iżda ħidmet il-bejjiegħ tal-imqaret ma tiqafx. Ġieli jagħlaq il-ħanut qabel, u bl-ewwel Lambretta  bi tliet roti li daħlet Malta, għax bil-kaxxa fuq wara, idur it-toroq tal-Ħamrun ibigħ il-bigilla u l-isfineġ tal-bakkaljaw. Jgħajjat l-għajta ‘Hawn hu’.

altIl-bigilla tkun qisha f’kaldarun fejn tinżamm sħuna. Meta n-nanna tibgħatni nixtri b’xi sold, jaqbad karta strazza, jagħmilha forma ta’ lembut u jitfagħli fiha. Imbagħad ikollu flixkun b’likwidu aħmar – aktarx bżar aħmar misħuq u miżjud b’xi żejt — u jferrixli fuq il-bigilla. Appena jitfa’ l-bigilla fil-lembut u qabel ma jitfagħli l-bżar, jagħlaq il-kaldarun bl-għatu.

Għall-isfineġ għandu speċi ta’ akkwarju tal-ħġieġ, bl-għatu wkoll u meta nixtri minnhom, jagħmilhomli f’borża tal-karti.

It-togħma tal-bigilla niggustaha, għax tajba iżda ma’ tistax tipparagunaha ma’ dik tal-isfineġ, l-aktar fin-nofs tagħha. Meta jiġi jbigħ, in-nies toqgħod fil-kju biex tixtri, forsi għax issib l-ikel lest għal filgħaxija u ma toqgħodx issajjar.

Biex jara jagħti l-bqija sew meta jkun meħtieġ, għax id-dawl fit-toroq għadu batut, dan il-bejjiegħ għandu bozza ċkejkna mwaħħla ma’ wara tas-saqaf tal-Lambretta, in-naħa tal-bankina. Jieqaf fejn jieqaf, jitfi l-vettura u jinżel minn postu biex ibigħ.

Hekk kif jibda riesaq l-istaġun tas-sajf, in-negozju tal-imqaret ibatti xi ftit, għalkemm xorta jibqa’ jsajjarhom u jbigħhom. Iżda kull wara nofsinhar, f’dan l-istaġun tas-sħana, lil ‘tal-imqaret’ nerġa’ narah tiela’ biż-żiemel minn Triq Irjali fil-Blata l-Bajda għall-Ħamrun, din id-darba jbigħ il-ġelat u l-granita tal-lumi.

Il-ġelat u l-granita, jagħmilhom hu, d-dar tiegħu. Bħall-ġelat, il-granita għandha togħma tajba u rinfreskanti. Ikunu f’dawk li ngħidulhom ‘bziezen’. Dawn il-bziezen huma ċilindri fondi, li jitqiegħdu f’nofs bettija tal-injam u mad-dawra tagħhom jintefgħu l-blokki tas-silġ. Jien, l-aktar li nixtri hu l-ġelat. B’sold, ningħata ġelat kbir, li jagħmilhuli f’lembut tal-gallettina ta’ barra. Nies oħra qed jixtru l-ġelat f’reċipjenti tal-aluminju u tal-enamel.

Biex ma jdublix, niekol malajr dak il-ġelat li jkolli ’l barra mill-lembut tal-gallettina, iżda darba nagħmel hekk, nibda nara li qed jonqosli malajr, għax isfel nett qajla jkun hemm ġelat. Mill-banda l-oħra, jekk nieħdu bil-kalma, tilħaq tixxarrabli l-gallettina minn taħt u jaqagħli l-ħalib. Allura kultant, wara li niekol il-ġelat ta’ fuq, biex ma jdublix, nigdem il-gallettina minn taħt u nħalli lill-ġelat jinżel f’ħalqi bil-mod il-mod. B’hekk nemmen li ntawwal ftit il-ħin biex ‘niddevorah’.

Iżda jekk in-nanna jew iz-zija Connie jkollhom xi flus li jistgħu jagħtuni, għada noqgħod nistennieh u nixtri ġelat ieħor!

Skorba

alt

The excavations at Skorba were carried out by the writer on behalf of the National Museum of Malta, where he held at the time the appointment of Curator of Archaeology.

The Excavation Fund was formed from grants received from the Society of Antiquaries of London, the British Academy, and the Malta Archaeological Circle.

To get a copy of this book, please click here.

Hena

Aktarx titbissem u tlissen f’qalbek li hawn min baqa’ joħlom, hekk kif tinstema’ l-kelma u jitfisser il-ħsieb li bniedem jista’ jġarrab il-milja tal-qalb.

Jista’ jkun li fiż-żgħorija jkollna għax moħħna jtir bla lgiem, u fiż-żgħożija nduquha għax qalbna timraħ. Iżda meta nidħlu fż-żmien u naraw li dak li għażilna sar suf, allura naqtgħu qalbna nintefgħu ġo toqba tal-moħħ u nitmermru hemm.

Fil-fatt dan m’għandux ikun hekk. Jekk minn kelma ta’ ħaddieħor, jew imġiba, jew għemil ħażin, aħna nisiltu ħsieb, malajr ix-xejra mdejqa u kiebja tagħna titmermer u flokha titlissen ħlewwa u ferħ, sliem u faraġ.

Timxi bl-arloġġ? Tagħmel kollox fil-ħin? U bil-ħin? Ukoll uġigħ f’qalbek jiġik fil-ħin u jaf iħallik taħtu; agħżel jum fejn tista’ tkun merħi, sib siegħa li tqattagħha fil-ġnien, aqbad ktejjeb minn ġo librerija jew jekk moħħok jagħtik, ixtri wieħed!

Tintebaħ kemm kont qed tgħix fir-rassa ta’ moħħok, fil-gaġġa ta’ lsien in-nies, fis-sikkatura li trid iġġib ruħek skont ma’ taħseb li hu l-aħjar.
John Milton, kittieb, għandu dan l-għajdut; ‘Il-moħħ f’sikktu jista’ l-infern iġibu ġenna, u l-ġenna jġibha nfern.’

Qatt ħsibt f’dan? Ieqaf kemm kemm, ixrob tazza ilma kiesħa bil-mod, ħu n-nifs u tħossok qed tgħix, u ħares madwarek u għożż dak li qed tara. Bil-mod tibda ssoff dak li ħaddieħor ilu jsoff u kien barrani għalik: il-ferħ.

Jekk dil-kitba tħallik fejn kont, sinjal li l-kisja madwar qalbek hi ħoxna; jekk le, sibt il-mogħdija għall-ġnien ġewwien.  

 

It-telqa u l-baħar fis-sajf

Il-vaganzi tas-sajf bdew. Il-jiem jaħarqu, u ħadd ma jissaporti wisq ħwejjeġ fuqu. Il-qadi qed idejjaqni, ladarba titla’ x-xemx. Wara l-quddiesa tas-6.30 a.m. fil-kappella tal-Museum, immur nieħu l-bajda u t-te u nlesti x-xiri kollu. L-aktar li ndum għand Ninu tal-laħam u għand Ġanni tal-ħaxix.

altGħandi qatla għax la l-papà,la n-nanna u lanqas in-nannu ma jkunu jriduna bil-flokk ta’ taħt jew ħafjin fit-triq. Għalhekk nobgħod meta jkun jonqos xi ħaġa, imqar mingħand Marija tal-grocer, li hi tliet bibien ’il bogħod minna. Jintesa t-tgergir meta Marìjew żewġha Ġorġ jiftħu xi landa perżut li fiha jibqa’l-grass. Kulħadd, l-aktar aħna t-tfal, bil-ġirja min jixtri dak il-grass, għax fih togħma tajba wisq. Id-dar, in-nanna ġieli ssajru mal-kawlata.

Jien inħobbu ħafna. Nippreferih mil-laħam immellaħ li nixtri lin-nannu mingħand il-ħanut tal-laħam ta’ Ċesula mill-Ħamrun, għax il-kosbor ma nħobbux. U ħaġa oħra li ddejjaqni anki naraha, hi l-ħobż midluk bix-xaħam, li n-nannu jiggosta kull filgħodu.

Matul il-ġimgħa, in-nanna kuljum issib ħin biex nagħmlu reviżjoni tal-istudju. Xħin jiġi z-ziju Willie d-dar, f’xi s-6 a.m., qabel ma jmur għax-xogħol, itella’miegħu l-gazzetti mill-ħanut. Insellimlu, nilbes għall-quddies u wara l-qadi noqgħod ħdejn in-nanna naqralha l-istejjer. L-aktar li nħobb naqra hi Il-Berqa. Forsi għax bil-Malti u nifhimha aktar malajr.

Bħalissa qed jissemma u jingħad ħafna dwar qtil ta’tifel ċkejken — Toni Aquilina. Qed isostnu li qatlitu ommu, Ġiġa. Qed jingħad ukoll li missieru ġieli jorbtu mal-gallarija u joqgħod jaħarqu b’sigarett. L-omm, taparsi ma tafx min qatlu u qed tgħid li jekk issir taf, tieqaf milli tpejjep is-sigaretti. U jien naqra ngħajjat biex in-nanna tismagħni sew.

Il-baħar inħobbu, iżda n-nanna ddejjaqha x-xemx, il-papàma jgħumx u minħabba li aħna bosta aħwa mhux se joħodna kollha b’ tal-linja. Għalhekk, għal għawma jrid ikun ħmar l-arblu f’xi jum tal-Ħadd. U l-unika persuna li tista’ toħodna magħha hi z-zija Connie.

Minħabba li għadni żgħir u ma nafx ngħum mingħajr is-salvawomo, dejjem toħodni fl-istess post. L-Għadira. Hemmhekk hemm ħafna ramel u toħroġkemm toħroġ’il barra, il-baħar qisu dejjem ilaħħaqlek. Magħna nieħdu l-kpiepel, ħobż biż-żejt, ilma u luminata u barmil u pala minn tal-ħanut tan-nannu, biex noqgħod nilgħab bir-ramel u nagħmel il-kastelli kif għandi fil-ktieb tal-Ingliżli nuża l-iskola. Kultant, ninżel nitbaħbaħbl-ilma baħar u taparsi ngħum biċċa, għax għalkemm l-ilma baħar hu mielaħ, jaqtagħli s-sħana li tiżreġ fuq dahri minkejja li z-zija Connie tidlikli krema apposta għal kontra x-xemx.

Illum, flimkien miegħi u maz-zija Connie ġejjin xi ħbieb tagħha. Se nagħmlu ġurnata sħiħa ħdejn il-baħar. Waħda mill-ħbieb għandha sorra mdaqqsa f’idejha u salt lasti tal-injam. Qed iġġorr kamp taċ-ċarruta, li minnhom jintramaw ħafna fuq ir-ramel fl-Għadira. Jiġu qishom kmamar imdaqqsin u jarmu dell ġmielu. Fihom inqiegħdu l-affarijiet u ninżlu ngħumu rasna mistrieħa. Hekk kif nitilgħu mill-ilma, dritt għal ġol-kamp. Joffri wkoll ċerta privatezza, għax tista’tbiddel il-malja mxarrba b’kumditàu bla biża’li jaqagħlek ix-xugaman.

L-ikla tal-lum qed nagħmluha fis-1.30 p.m. Iz-zija Connie u ħbiebha se jerġgħu jinżlu jgħumu. Jien nippreferi noqgħod fil-kamp. Nifrex xugaman fuq ir-ramel u nintefa’ fuqu. Għajnejja qed inħosshom tqal, u qed noħlom stejjer tal-cowboys u l-Indjani. F’salt wieħed naf li ma bqajt naħseb u noħlom xejn. Għajnejja ngħalqu.

Saru l-5.30 p.m. Ħafna nies li waslu fl-istess ħin li wasalna aħna żarmaw il-kamp u telqu. Lili jqajmuni z-zija Connie u ħbiebha, għax iridu jżarmaw huma wkoll. Kos hux, biċċa ċarruta u taqtagħlek ix-xemx kollha. Naħseb li kieku n-nanna kienet taf bil-kamp, kienet tiġi magħna hi wkoll!

L-Eku tas-Sirena

Rumanz ġdid ta’ Charles Micallef St John

Xi jġib u jlaqqa’ flimkien lill-familji Bajada u Magro? Żewġ familji differenti għal kollox minn xulxin, bi stili ta’ ħajja kompletament opposti, b’kuntrasti kbar bejniethom u sitwazzjonijiet diffiċli.

Ir-rumanz ġdid ta’ Charles Micallef St John, L-Eku tas-Sirena jiżvolġi storja ta’ żewġ familji li tibda minn ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Bil-maġija ta’ kitbietu, l-awtur jeħodna lura fiż-żmien biex lill-qarrej iddaħħlu fil-fond u jlaqqgħu ma’ dak li sawwar lill-familja Bajada mix-Xgħajra u l-familja Magro minn Ħaż-Żabbar. Iġib lill-qarrej wiċċ imb wiċċ mat-traġedji li ż-żewġ familji jgħaddu minnhom, mingħajr ma jitlef bil-kapaċità naturali li għandu biex joħloq sitwazzjonijiet umoristiċi wkoll. B’kollox ma’ kollox, Charles Micallef St John joħloq bilanċ li permezz tiegħu, il-qarrej isibha diffiċli li jitlaq il-ktieb minn idejh.

Toni Bajada raġel sempliċi, b’delizzji ftit li xejn, għajr l-ossessjoni għall-baħar u l-ħut. Missieru, Karmnu, mekkanik tal-karozzi prim kien ferm aktar fuq ruħu; jiġri man-nisa Ingliżi, jixxala u jgħix għal-lum. Sakemm iltaqa’ ma’ Grazzja, soċja tal-M.U.S.E.U.M. Iżda l-istorja ma bdietx b’Toni u lanqas b’missieru…

L-istorja ta’ Toni mhix waħda komuni. Tfulitu msawra biss bil-fantasija li jibqa’ jgħixha sal-aħħar. Is-sigrieti ta’ Toni jinfetħu beraħ ma’ kull paġna tal-ktieb, li b’ritmu mexxej jakkumula tensjoni pjaċevoli li tibqa’ sejra sal-aħħar paragrafu tal-ktieb.

Charles Micallef St John irnexxilu għal darb’oħra permezz ta’ dan ir-rumanz ġdid tiegħu, L-Eku tas-Sirena jikkontribwixxi volum letterarju ieħor, miktub b’ċerta passjoni, b’sinċerità, bi stil mexxej, kultant romantiku u innoċenti iżda b’lingwaċċ mill-aktar miftuħ u skjett.

Wara s-suċċess tas-saga f’erba’ volumi, Suwed Ulied il-Lejl u s-satira moderna L-Olimpjadi tad-Dagħa, Charles Micallef St John jirritorna b’rumanz ieħor miktub b’pinna matura, versatili u fuq kollox oriġinali.

L-Eku tas-Sirena jinsab għall-bejgħ mingħand il-librara ewlenin.

Latest publications by Dom Mintoff

MALTA ITTRADUTA

altMeta ddeċidejt li nippubblika dan il-ktejjeb ma kelli l-ebda ħsieb li nivvendika ruħi. L-istorja tiddisprezzah il-ġlied ta’ importanza ċkejkna u m’għandha l-ebda interess fil-motivi personali tal-bniedem. Is-Sur V. de Gray ikollu jiġġustifika għemilu mal-istess kuxjenza tiegħu u ħadd m’għandu jidħol bejniethom.

L-iskop tiegħi hu li nuri lill-poplu Malti kemm għandna dejjem noqodu attenti biex inħarsu d-drittijiet tagħna. Matul tliet snin fil-ħakma aħna qatt ma nqasna li niġġieldu sabiex inkunu nistgħu niggvernaw lilna nfusna mingħajr indħil barrani. U hekk inkomplu nagħmlu fis-snin li ġejjin. Jekk jirnexxilniex jew le jiddependi mis-sagrifiċċji li aħna lesti nagħmlu. Iżda aħna żguri minn ħaga waħda. Il-libertà qatt ma joffruhielek bl-imgħarfa. Il-libertà bil-ġlied trid tintrebaħ.

Dom Mintoff

Ħal Tarxien  5 ta’ Mejju, 1958.

Dan il-ktieb, li kiteb Duminku Mintoff għandu ukoll CD li tfakkar is-sena 1958.

BRITAIN, MALTA AND THE SOCIALIST INTERNATIONAL

Many centuries of foreign rule have compelled Malta to withdraw into its shell.

The instinct of self-preservation led to rigid protection of the old conceptions of society and human relations. In this modern age, therefore, obsolete and obscurantist notions still survive side by side with what is perennially good and healthy.

Although Malta is European by Christian beliefs, culture, traditions and geographical position, its people have remained untouched by the social and political upheavals of the old Continent in the last century.

altThat the Maltese possess the flexibility to adjust their mental outlook for the fulfilment of this task has been proved by the comparative ease with which the Labour movement has succeeded in inserting the rudiments of modern democratic ideals and social services into the foundations of the old structure.

But this peaceful evolutionary process has been halted by external pressures which the Maltese could not possibly with-stand on their own.

Indeed, our tiny and unarmed nation has been caught in the grip of the cold war between East and West. The Conservative Government of Britain is still able to convince their Nato allies of the necessity to sacrifice democracy and freedom in Malta on the blood-stained altar of Western defence.

At the Congress of the Socialist International in Rome, the Malta Labour Party had the option to choose three out of the very many democratic socialist parties represented at this gathering.

Significantly the choice fell upon some of the most stalwart defenders of  Western democratic ideals against communist aggression-Sweden, Western Germany and Israel.

Until their arrival in Malta neither my colleagues not I had ever set eyes on the plucky delegates. They were sceptical, detached and determined to learn the truth by themselves.  Their findings are the most eloquent vindication of the stand taken by our liberation movement against British colonial rule.

DOM 

Dan il-ktieb, li kiteb Duminku Mintoff għandu ukoll CD li tfakkar is-sena 1962.

Għall-Films tar-Radio City

altGħandi ħbieb ġodda. Maġenbna ġiet familja kbira, ta’ Baldacchino. Il-missier għandu t-teatru Radio City f’idejh u hemm jintwerew films sbieħ. Meta jkun hemm xi film tassew tajjeb ġieli mmur man-nanna jew maz-zija Connie. Niftakar sew Marcellino… pane e vino u ieħor tal-biża’ ta’ Dracula, fejn xi xbejbiet li ġew jarawh, ħarġu għax beżgħu u dħakt bihom.

Fil-familja Baldacchino hawn żewġ subien tad-daqs tiegħi fl-età. Wieħed jismu Herbert u l-ieħor Dennis. Filgħaxija joħorġu jilagħbu magħna wkoll fuq il-bankina.

Huma għandhom gallarija waħda. Aħna għandna tnejn u waħda minnhom tiġi maġenb tagħhom. Nhar ta’ Sibt filgħodu, għax ma jkollniex skola, ma nitħallewx noħorġu nilagħbu barra, minħabba li jkunu jridu jgħaddu n-nies mix-xiri. Għalhekk niftħu t-twieqi tal-ġenb tal-gallariji, noħorġu kartuna doppja minn tieqa għall-oħra u noqogħdu nilagħbu ludo, snakes and ladders u kultant xi logħba draughts.

Ġieli, kemm Herbert kif ukoll Dennis, jiġu d-dar tagħna biex nilagħbu ġewwa flimkien. Dejjem nispiċċaw niġġieldu xi ftit. Jekk mhux jien magħhom — huma bejniethom. Iżda din il-ħbiberija qed tissarrafli f’wiri ta’ films tal-cowboys, indjani u tas-suldati, bla ma nħallas. Nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar, Herbert jiġi għalija fis-2 p.m., xi ħadd jaqsmilna u flimkien immorru r-Radio City  naraw il-film li jkun hemm. Tas-2 p.m. dejjem ikun tajjeb għat-tfal.

El Cid  hu l-iktar film li għoġobni u li rajt flimkien ma’ Herbert. Meta nilgħab bis-suldati dejjem nagħżel storja fuq il-karattri tal-films li nara. Tant, li għandi s-suldati tal-lastiku li minn wiċċhom tinduna li huma l-kattivi, waqt li oħrajn dejjem huma l-eroj.

Wara kull film, jien u Herbert noħorġu niġru u naqbżu, taparsi aħna s-suldati li nkunu għadna kif rajna fuq il-liżar il-kbir. Fit-teatru niltaqa’ wkoll ma’ ħbieb tiegħi fl-iskola, li wkoll jispiċċaw l-artisti wara l-film. U l-effett tant ikun qawwi, li bħal għada, fil-ħin tar-rikreazzjoni, norganizzaw il-gruppi u niġru qalb it-tfal biex mill-bitħa tal-iskola noħolqu spettaklu ġdid ta’ film, li mhux kulħadd jifhem.

altIllum ma nistax ngħid li jien spiċċajt l-eroj. Anzi. Min jaf x’se jgħiduli n-nanna u n-nannu xħin jarawni d-dar. Ir-reċta tal-film li rajna l-bieraħ, ta’ suldati jiġru kontra l-għedewwa swietli ħażin. Naturalment, jien u ħbiebi tal-iskola lkoll konna l-eroj waqt il-break  it-twil, minkejja li konna grupp kontra ieħor.

Biex ma ninqabadx mis-suldati kontra tiegħi, nidħol niġri fil-kurituri u f’kantuniera minnhom insib student ikbar minnhi ġej mid-direzzjoni opposta u naħbtu b’mod li geddumu jidħol f’għajni l-leminija. Lanqas naf li ġabruni mill-art u daħħluni fil-klassi. Xħin ġejt f’sessija nsib li l-iskola ġiet iz-zija Connie. L-għajn ix-xellugija nista’ nara minnha. L-oħra nbexxaqha bi tbatija.

L-istorbju u l-għajjat fid-dar ma jonqosx, u żgur ma kienx ta’ xejn. Ħarsa fil-mera nista’ narali għajnejja l-leminija hi bluna u minfuħa qisha ballun. Min ixarrabhieli bl-ilma kiesaħ u min irid jgħaddili biċċa tajjara bil-misħun. Ma rridx niftaħ ħalqi, għax jgħarrali.

Il-lejl għadda. Dalgħodu qomt aqwa! Għajnejja demmgħatli u swiedet. Ma nista’ niftaħha b’xejn. Min jaf kif jarani l-papà x’se jagħmilli! Daqshekk logħob tal-artist, l-aktar fl-iskola. Nispera li din il-wegħda nżommha! It-taparsi El Cid  li kelli f’moħħi u li suppost kont jien, spiċċa ħażin! Għandi ġimgħa ’l bogħod mill-bank tal-iskola! Iz-zija Connie tiela’ u nieżla biex takkwistali l-homework. Miskina!

Maltese for Foreigners

Maltese for Foreigners

Course Books Series

14 books, CD or USB, 3 Syllabi

Maltese for Foreigners is a bilingual (Maltese/English) book series based on the Common European Framework of Reference for Languages (CEFR). It consists of three levels:alt

Level A1 (Beginners–Elementary) includes three books: My First 750 Words in Maltese, Maltese Grammar Essentials in Context 1 (with sections on Maltese culture) and Speaking Maltese 1.

Level A2 (Elementary–Pre-Intermediate) includes three books: More Words in Maltese, Maltese Grammar Essentials in Context 2 (with sections on Maltese culture) and Speaking Maltese 2.

Level B1 (Intermediate) includes Further Words & Expressions in Maltese, Maltese Grammar Essentials in Context 3 (with sections on Maltese culture), Speaking Maltese 3 and two bilingual readers: Reality and Rocco Learns Karate.

Level B1 (Medical Maltese) includes three books specifically designed to teach Medical Maltese named: Medical Maltese Words & Phrases, Speaking Medical Maltese 1, Speaking Medical Maltese 2.

The book series is complemented with a CD or a USB containing the audio files linked to the books so learners can listen to native Maltese speakers reading the text and dialogues. In addition it also has a syllabus for each level based on the CEFR which can be downloaded for free.

The bilingual series is based on a needs analysis, which Charles Daniel Saliba (PhD) has conducted with foreigners learning Maltese and instructors teaching Maltese to foreigners. He published his research, ‘Teaching Maltese as a second language to adults,’ as a chapter in Informing Educational Change: Research Voices from Malta, edited by D. Hyatt, P. Clough and C. Nutbrown. The book was published by the University of Sheffield.

The three books in the A1 level of this series are available in Italian-Maltese versions: Le mie prime 750 parole in Maltese, Grammatica Maltese essenziale e contestuale 1 and Parlo Maltese 1.

For more information, please visit: www.charlesdanielsaliba.com

Disgħa min-nies f’garaxx

altHi ħajja differenti li fis-sajf ikollok post ħdejn il-baħar. U bħalissa hekk qed nagħmlu. Qed noqogħdu Buġibba għas-sajf. Il-papà jibqa’ ġewwa, għax ix-xemx u l-baħar ma jħobbhomx u jien u ħuti, mal-mamà u n-nanna ninżlu ħdejn il-baħar.

Qed noqogħdu f’garaxx li z-ziju Willie kera xhur ilu mingħand wieħed furnar mir-Rabat, magħruf bħala l-Bloqq. Jien mort miegħu meta krieh. Jidhirli Lm12 fis-sena. U qabel ma tlaqna mill-forn, il-Bloqq żerżaqli borża qagħaq f’idejja.

Maż-żmien, iz-ziju Willie rranġa l-garaxx mill-aħjar li seta’. Qasam il-fond fi tnejn, b’ħajt diviżorju tal-injam, b’bieb fin-nofs u żewġ twieqi fil-ġnieb.

 Il-parti ta’ barra sservi bħala salott u kamra għall-ikel u fuq ġewwa għal xi sodod. F’rokna n-naħa ta’ ġewwa nett ħalla qatgħa għall-kċina u n-naħa l-oħra għalaq parti għal sedil tal-injam li jeħel mal-ħajt fuq barmil.

Iż-żminijiet għadhom bikrin. Fil-fetħa fejn hawn dan il-garaxx, jinsabu oħrajn, kollha bħalu. F’tarf tal-fetħa hawn sqaq li jagħti għal Triq ….. u fil-genb tiegħu hawn kamra ċkejkna mgħammra b’WC wieħed, komuni  għal kulħadd u vit tal-ilma wieħed, li minnu nimlew l-ilma għall-bżonnijiet kollha ta’ matul ix-xhur li nqattgħu hemm. Anki għad-dawl għandna ftit problema. Ħadd ma għandu provista elettrika. Allura kulħadd bix-xema’ jew bil-lampi tal-pitrolju. Fil-garaxx tana għandna mantel light, li tagħti aktar dawl. Iżda kultant hu gost tidħol fil-garaxx u tara d-dell tiegħek stess jiżfen skont it-tbandila tal-ilsien tan-nar jew il-fjamma.

altMoħħ iz-ziju Willie jaħdem mhux ħażin. Minħabba f’dawn il-problemi naturali ħaseb għal speċi ta’ WC  privat li kull xħin xi ħadd jużah imur ibattlu. Naturalment l-aktar li jaqa’ dan ix-xogħol ikun fuqi, fuq ħija Paul u forsi tnejn oħra li mhumiex ċkejknin wisq.

Ħaġa oħra li ħaseb sew iz-ziju Willie hi speċi ta’ kaxxa kwadra li qegħidha fuq is-saqaf ta’ din il-kamra tad-WC, u nistgħu nimluha bl-ilma, li jinżel minn kanna għal vit fil-kċina. Ta’ kuljum, nistenbħu u mmorru noqogħdu fil-kju għall-ilma. In-nies l-oħra joħduh biex jinqdew bih dak il-ħin, u aħna biex dejjem inżidu l-provista fit-tank li għandna fuq is-sink tal-kċina.

Issa li z-ziju Willie jislifna dan il-post, hu l-għors tagħna t-tfal, li niltaqgħu ma’ tfal oħra u noqogħdu nilagħbu s-sajf kollu. Mill-istess inħawi qed nagħmlu ħafna ħbieb tamparna. Fosthom jiġu John u Manol, it-tfal tal-Avukat Buttigieg mill-Ħamrun. Noqogħdu nilagħbu b’kulma jiġi f’idejna. Xi mindaqqiet in-noli ma tonqosx għalkemm qisna f’bitħa tal-ġenna fejn lanqas karozzi ma tara. In-naħa l-oħra tal-isqaq għandna ċint b’veduta ta’ għelieqi li twassal sal-lukanda Canberra, fil-bidu ta’ San Pawl il-Baħar. Tassew ġenna tal-art għal nannti, ommi u missieri, li ta’ kull filgħaxija, wara li x-xemx iċċedi postha għall-qamar ta’ dawl dgħajjef, nintasbu fuq siġġu ħdejn iċ-ċint għar-rużarju u wara li nidħlu nieklu xi ħaġa, nerġgħu noħorġu u ninġemgħu mar-residenti kollha tal-garaxxijiet, inpaċpċu sa ma jagħmel bina n-nagħas.

Kontra l-Blata l-Bajda, il-ħwienet jinsabu ftit ’il bogħod. Għalhekk meta niġu biex nixtru, immorru jien u Paul. Meta tkun se tixtri n-nanna nkun irrid inħallas jien biex inżomm xi ħaġa żgħira għaz-zija Connie, li tibqa’ warajna ddur bin-nannu u z-ziju Fred, li ma jiġux magħna.

Iżda lanqas kieku jridu ma hemm fejn joqogħdu, għax għal disgħa min-nies, il-garaxx bilkemm mhux ċkejken. Għalhekk, għax inħoss għaz-zija Connie, nfaddlilha xi sold ħalli jkollha biex tixtri s-sigaretti.

Dan l-aħħar Paul induna u kżani. Għalhekk m’hemmx aktar flus għas-sigaretti. Dawk jagħmlu ħażin għas-saħħa!

Nixtieq li dan is-sajf ma jgħaddix. Għalkemm f’dan il-garaxx, ta’ forsi 22 pied b’għaxra, ninsabu l-mamà il-papà, in-nanna u sitt itfal, xorta nħoss li għandna ferħ akbar minn dak li toffri d-dar tal-Blata l-Bajda. U l-irqad fuq il-kutri fl-art flimkien ma’ ħuti, hi esperjenza ġdida.

It-tqaxxir tal-leħja

Fid-dar għadna bil-buqari u l-friskaturi għall-ilma. Taħt il-vitien għandna t-trepied tal-ħadid u fuqu friskatur tal-enamel. Fil-kmamar tas-sodda, għandna l-lavamani tal-kewba, bil-wiċċ tal-irħam b’toqba kbira tonda fiha. Hawnhekk jidħol il-friskatur taċ-ċaqquf, waqt li fil-ġenb tal-irħama, jitqiegħed il-buqar pariġġ.

Ta’ kull filgħodu, meta nqum, immur naħsel wiċċi fil-kamra tal-banju, li tikkonsisti f’WC, u trepied bil-friskatur tal-enamel. Iz-ziju Fred juża l-ilma li għandu fil-buqar tal-lavaman, li jferrgħu fil-friskatur. Ix-xugaman jużah għalih waħdu u wara li jlesti minnu jitwih pulit mill-ġdid u jqegħidu fuq il-buqar.

Lin-nannu ma nilħqu qatt iqum jaħsel wiċċu, għax iqum ferm qabli, iżda wiċċu dejjem nadif u lixx. Lanqas leħja ma taralu. Bilfors li jqaxxarha filgħodu kmieni. Naf li għandu pinzell bħal taz-ziju Fred u naf ukoll li juża x-xafra tal-marka Nacet.

Jien ma nħobbx immiss dawn ix-xfafar, għax fuq il-karta tagħhom jidher kukkudrill kbir u xafra minnhom qed taqtagħlu rasu! Aħseb u ara x’tagħmilli lil subgħajja!

’L isfel minna hawn ħanut ta’Ġorġ Pintley li jinsab fil-kantuniera ma’ Sqaq Miggiani. Fost ħafna affarijiet oħra, Ġorġ ibigħ is-sapun tal-leħja, bħalma juża n-nannu, bl-użin. Bi ftit minnu mal-pinzell, tgħidx kemm titla’ rawgħa!

Iz-ziju Fred ma jużax xfafar. Darba iva u darba le, narah jagħmel il-leħja. Juża mus apposta. Fil-kamra tas-sodda, maġenb il-lavaman għandu stand twil tal-injam li ma ’fuq nett tiegħu hemm grampun. Miegħu idendel mera ħoxna bi kwadrant tal-injam ta’ xi pulzier. Is-sapun tal-leħja li juża z-ziju Fred għandu għamla pulita. Mhux minn tal-użin iżda jixtrih f’bott tal-landa blu skur. L-isem tiegħu hu Erasmic. Ifuħ ħafna meta jagħmlu ma’wiċċu.

Qabel ma jkollu wiċċu kollu rawgħa, iz-ziju Fred isinn il-mus. Jagħlaq il-kontraporta ta’ bieba  waħda tal-bieb tal-kamra tas-sodda bil-firrolli għax wara din il-bieba għandu biċċa ġilda twila, apposta, biex magħha jsinn il-mus. Din il-ġilda tinsab marbuta min-naħa minnhom. It-tarf l-ieħor jaqbdu b’idu x-xellugija u bil-mus fl-id l-oħra jsinn naħa hu u jtella’ idu ’l fuq u n-naħa l-oħra meta jinżel lura. Jagħmel hekk xi sitt darbiet.

Imbagħad għandu qisha lembuba, iżda flok b’żewġ mankijiet, b’manku wieħed u flok tonda, ċatta. Din hi magħmula minn speċi ta’ sufra ħoxna, u wara li jsinn il-mus mal-ġilda, jgħaddi ġenb u wara ieħor minn fuqha. Ladarba dan ix-xogħol ilestih, ikun jista’ jagħmel is-sapun ma’ wiċċu u jibda jqaxxar.

Ikollu kollox lest miegħu. Għal-leħja, flok ma juża ilma kiesaħ, kif nagħmel jien u wkoll hu meta jaħsel wiċċu, ikollu stanjata bil-misħun u jferrgħu fil-friskatur. Dan il-misħun tlestihulu z-zija Connie, fuq il-kuċinieri, isfel.

Idejn iz-ziju Fred huma tal-għaġeb, għax fejn taf b’liema mod iduru ma’ wiċċu kollu hu u jqaxxar il-leħja. U bil-mus ma tilgħabx! L-ewwel nett għax hu perikoluż aktar mix-xafra ċ-ċkejkna u wkoll għax peress li hu ikbar, jaf jaqta’ iktar malajr.

Kemm in-nannu, kif ukoll iz-ziju Fred għandhom qisha silġa. Fit-togħma mielħa wisq. Huma jużawha biex iwaqqfu d-demm li joħorġilhom jekk jolqtu wiċċhom. Jgħidulha ‘xedd il-ġmied’.

Wara t-tqaxxira tal-leħja ngħid liz-ziju Fred biex immisslu wiċċu. Il-istrina, kemm hu lixx u jiżloq! La nikber ma nużax xfafar. Bil-mus, il-wiċċ jiġi isbaħu tqaxxira bih iddum iżjed!

Kultant, meta mmur għand Ġeraldu naqta’ xagħri, ġieli jmissli n-naħa t’isfel tal-barbetti  u n-naħa ta’ wara ta’ għonqu bil-mus tiegħu. Kif narah f’idu, nisserja u noqgħod dritt stirat, li ma jmurx jolqotni ħażin. L-iskola, mhux darba u tnejn li meta xi ħadd jaqta’ xi mistoqsija diffiċli tal-għalliem, ngħidulu li “jaqta’ daqs mus tal-leħja!” Allura, xi trid aktar?!