L-Imħabba fit-terrazzin

altDrajt maz-ziju Dward, niġbor il-fdal tal-ikel biex nitimgħuh lill-annimali li għandna d-dar, fit-terrazzin. Iz-ziju Dward għandu sabar kbir. Jiġbor kollox fuq il-mejda ż-żgħira maġenb il-bitħa, joħroġ wiċċ ta’ landa tal-kunserva mill-kexxun tas-side-board,  iqiegħed il-fdal ftit ftit fuq l-għatu, u bil-paċenzja kollha u bil-mus tiegħu joqgħod iqatta’ kollox f’biċċiet irqaq, biex ikun jista’ jiekol kulħadd – il-ħamiem, it-tiġieġ, il-flieles u l-fniek.

Naturalment, dan apparti mit-tagħsida ta’ filgħodu, fejn nagħsdu ħobż bin-nuħħala rqiqa għat-tiġieġu, ħobż bin-nuħħala ħoxna għall-fniek. Lill-ħamiem nagħtuhom il-qaraboċċ u wkoll il-qamħirrun.

Fit-terrazzin, iz-ziju Dward għandu żewġt izkuk ħoxnin tas-siġar. F’rokna dellija jintasab ipejjep il-pipa wara li jkebbisha permezz tal-lenti ħoxna u x-xemx tisreġ.

Il-bieraħ, is-Sibt xtaqni ħdejh. Meta jsejjaħli nħobb nobdih, għax dejjem jixtrili xi ħaġa meta nkun miegħu. Barra minn hekk sirt nieħu gost fil-ħemda tat-terrazzin, li tinkiser minn xi tiġieġa li tqaqi għax tbid, jew mit-tbarqim tal-ħamiem. U hu mill-ħamiem u t-terrazzin li bdejt nifhem qajl qajl x’inhi l-imħabba.

Iz-ziju Dward jagħraf u jaf il-ħamiem kollu li għandna. Kif tmiss waħda fl-art jgħidlek hix mara jew raġel. Jafhom bl-amment. U maż-żmien bdejt nagħrafhom jien ukoll.

altXi ħlew. Ħamiema mara ċċeklem fl-art tnaqqar. Ħamiema raġel ittir għal ħdejha. Ma jimpurtahomx li jien u zijuwi qed narawhom u nissindikawlhom il-mod ta’mħabbithom. M’hemmx ittri bejniethom. Sempliċiment ir-raġel jibda jbarqam. Għonqu jikber u l-ħawsla wkoll. Denbu jinfetaħ bħal imrewħa, jiknes it-trabijiet tal-art. Jekk il-ħamiema ma tiħux grazzja mar-raġel, ittir. Jekk taqbel għall-imħabba, tibda ddur bla ma tinqata’ mill-art. Fl-aħħar ir-raġel jirfsilha denbha u jitla’ fuq daharha.

B’munqaru joqgħod itektkilha fuq rasha. Meta jtiru, jtiru flimkien u jibqgħu qishom jitbewsu fuq xi ċint jew passiġġiera għal ħin twil. Imbagħad, ġieli tinżel xi ħamiema raġel ieħor u jitlewwem ma’ dak li jkun qed jinnamra. Kos hux!

Il-ħamiem jaffaxxinani. Tara ’l-ħamiema fil-guva mal-bċieċen. Dejjem iżżoqq u ssaħħanhom. Ir-raġel ma jonqosx minn ħidmietu lanqas. Qabel ma’ l-ħamiema tbid il-bajd, hu għors tarah lir-raġel għaddej b’kull oġġett possibbli f’munqaru, biex jibni l-bejta jew imramma tagħhom.alt

L-istess imħabba fir-relazzjoni bejn l-omm u l-ulied naraha fil-fniek. Tgeddishom magħha u tgħożżhom. Filli qishom ġrieden tal-imramma u filli tarahom ħerġin mill-bejta qishom teddy bears  tal-logħob. Il-pil tagħhom hu meravilja u jekk ma jkunux lewn wieħed; iktar u iktar.

Il-bieraħ, xħin iz-ziju Dward daħal ġewwa, fettilli naqbad u niftaħ il-gallinar fejn inżommu ’l-fniek. Sibt fenka nieqsa. Dort min-naħa l-oħra biex nara hix fil-kaxxa fejn iwelldu, iżda appena għamilt hekk, dik l-imgħarrqa ta’ fenka qisha taret għal wiċċi. Bżajt u għalaqtilha niġri.

Tgħidx x’rabja nibtet fija għal dik il-fenka ‘selvaġġa’. Meta l-għada z-ziju Dward mar għand Ċikku tat-titotla, stennejt lill-fenka toħroġlu lgħabtilha daqqtejn sew bil-lasta tal-ixkupa. Kważi għattibtha.  Ħassejt ċertu serħan għal li kienet għamlitli l-jum ta’ qabel. Pattejthielha bil-kif u żgur li ma terġax taħsadni, kif għamlet!

Iżda dan il-gost jisfuma fix-xejn, l-aktar meta llum iz-ziju Dward qam jistagħġeb kif il-fenka qatlet boton fniek ta’ sebgħa! Mur għidlu, x’kont għamiltilha!

It-tiġieġ qisu bla mħabba, apparti mill-qrejjaq. Il-bqija jdejjaqni xħin nara li jkun kiel kollox u jibda jnaqqar il-ħitan imbajda li jdawru t-terrazzin. Iz-ziju Dward spiss jgħidli li dawk jagħmlu hekk għall-ġir, li hu meħtieġ għal saħħithom u għall-qoxra tal-bajd li jbidu.

Is-sajf u l-insetti li jżuruna

alt

Riesaq ġmielu s-sajf lejn l-aħħar tas-snin ħamsin. L-iskola primarja għaddejjin bin-nofstanhari. Minkejja li ma ndumux fil-klassi sal-4.00 p.m., il-ħedla xorta tagħmel tagħha. L-aktar meta wara l-iskola, ikolli nimxi t-triq minn ħdejn l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun, sal-Blata l-Bajda. Ix-xemx tiżreġ u magħha ġġib kemm il-qamel, il-baqq u wkoll in-nemus.

Il-qamel hu dudu li jtir minn ras għall-oħra tat-tfal. Naturalment, peress li fl-iskola ninsabu numru ta’ studenti, ilkoll b’qoffa xagħar fuq rasna, il-qamel jista’ jagħmel bejta fuq kull tifel u tifla tal-iskola. Qamla waħda u tista’ tagħmel infestazzjoni sħiħa.

Għalhekk, meta filgħaxija n-nanna Alice tintasab bilqiegħda wara l-grada fuq siġġu u jien quddiemha fuq il-pulturna żgħira li xtrali n-nannu Karm, inserraħ rasi fuq kuxxtejha u b’subgħajha fin-nokkli ta’ xagħri, tiflili u kultant issibli xi duda. Għandha paċenzja enormi u ma tiqafx qabel ma taċċerta ruħha li daritli rasi kollha. Meta tlesti, tobrom il-karti tal-gazzetta, iddawwarli n-nokkli fuqhom u torbotli waħda ħdejn l-oħra. Nitla’ norqod bihom b’kollox sal-għada filgħodu.

Iz-zija Connie tixtri shampoo apposta u spiss taħsilli xagħri bih. Hi u ddawwar. tagħfas il-facecloth  ma’ rasi u kif taqlagħha terġa’ toqgħod tfittex fiha għal xi duda oħra. Ħażin meta ssib, għax rasi taqlagħhieli bl-għorik!

Imbagħad ġieli tixtrili mxat (pettine) bojod żgħar b’rixtelli ta’ snien qrib xulxin, fuq żewġ naħat, li meta dak li jkun jomxot, jaqbad il-qamel bejn is-snien. Nieħu gost meta nara xi qamla ċkejkna u nifqagħha bejn id-dwiefer tas-swaba’ l-ħoxnin ta’ kull id.

Għada, l-iskola għandha tiġi n-nurse, u tinvista lil kull tifel u tifla. Anki xagħarna taralna, biex tiżgura li m’għandniex qamel. Lil min issiblu tgħid lill-għalliem jew għalliema ħalli jinfurmaw lill-ġenituri.

Iżda l-qamel mhumiex l-uniċi parassiti li nsib fis-sajf. Għandna l-baqq ukoll, u kważi kważi huma agħar mill-qamel. Il-baqq tad-dar, joħorġu matul il-lejl mill-imtieraħ tal-ħaxixa. Għalxejn ta’ kull filgħodu, in-nanna Alice u z-zija Connie ifettħu l-ħaxixa ta’ kull saqqu, għax xorta ssib xi waħda jew tnejn li joħorġu jixorbu d-demm tal-vittma fil-qrib.

Waqt li l-qamla qajla tidher, għax hi ċkejkna ħafna, il-baqqa tidher, għax lewnha lewn id-demm u hi nofs tond. Ġeneralment tistaħba mad-dawra tal-ħjata tas-saqqu. U meta tinqatel, minnha joħroġ id-demm li tkun soffiet.

Baqq ieħor, li ġeneralment jattakka lin-nisa u lit-tfal għax ikunu lebsin ix-shorts jew dublett kemxejn qasir, joħroġ jigdem waqt il-quddies.

Fil-knejjes hawn ħafna siġġijiet, bil-mag[qad tal-ispag, li bil-qagħad tan-nies, dan jisħon u jrabbi l-baqq. U xejn ma tkun pjaċevoli, gidma waqt l-omelija jew il-quddiesa tal-Ħadd.

Finalment, is-sajf iġib miegħu in-nemus. Apparti miż-żarżira li tagħmel hi u ddur fuq rasek, il-gdim tagħha xejn mhu pjaċevoli. Tqabbad il-ħakk u f’ħafna każi, min jingidem jibqa’ sa ma joħroġ id-demm mill-gidma.

Tabilħaqq, li kull min jingidem ikun martri. Ma tista’ tagħmel xejn. F’dawn is-snin ma għandniex fannijiet tal-elettriku u biex ma nħossux is-sħana, aħna t-tfal naqbdu biċċa njama dejqa, b’xi pied tul u mat-tarf tagħha nsammru biċċa kartuna. B’hekk noħolqu palju primittiv li noqogħdu nrewħu bih sakemm jaqbadna n-nagħas, norqdu u l-palju jaqa’ fl-art. Hawnhekk, jibda l-attakk bla difensiva tan-nemus.

Meta għal darbtejn fil-ġimgħa, jgħaddi tal-pitrolju bit-trakk, minbarra l-pitrolju, in-nanna tixtri wkoll likwidu ieħor li jsejħulu flitt. Dan nitfgħuh f’pompa apposta tal-landa u filgħaxija, qabel nidħlu fis-sodda, nifflittjaw bih. Il-pompa hi magħmula minn bott fuq quddiem, li fuqu hemm tubu twil u ġo fih virga rqiqa li tidħol u toħroġ permezz ta’ pum. Kull darba li l-virga tidħol fit-tubu, joħroġ raxx tal-flitt, li suppost joqtol lin-nemus. Ġieli nużawh ukoll mad-dawra tas-saqqu, biex noqtlu l-baqq.

Iżda n-nemus mhux ħmar. Naħseb li tgħallem skola tajba, għax ħafna drabi, sekemm nifflittjaw il-kamra jintasab qrib is-saqaf, iggranfat mal-ħitan. S’hemm fuq, il-pompa ma tlaħħaqx, u għalhekk qisu jpattihielna appena nitfu d-dawl u ninxteħtu biex norqdu.

Fis-suq bdiet tidher ukoll il-Moon Tiger. Nixtru pakkett b’xi ħames tidwiriet spiralli, ta’ lewn aħdar, li meta tqiegħda fuq ħadida apposta li jkun hemm fil-pakkett, tinfetaħ ’l isfel u tkun tista’ tixgħelha b’sulfarina. Aħna nqegħduha fuq platt, fuq gradenza viċin tiegħi. Sakemm tibda tinħaraq u tarmi d-duħħan minnha, ir-riħa hi ftit inkrepattiva, iżda aktar ma tinħaraq, nidraha. U l-ħsieb li m’iniex se nkun attakkat min-nemus, iġegħilni nissaporti d-duħħan li ħiereġ. Kos hu, minkejja li meta nifflittjaw, in-nemus jidher li hu ta’ skola, għax jogħla ’l fuq, meta jara l-ġamra mixgħula joqgħod idur magħha sakemm jinħaraq.

Filgħodu, kif inqum, inħobb nagħti titwila lill-platt, u l-gost tiegħi ngħodd kemm ikunu mietu nemus tul il-lejl. Kull nemusa mejta, taf mill-inqas kienet gidma waħda waqt ir-raqda tiegħi. U fis-sajf, ħadd ma jissaporti jorqod bil-piġama, kif nagħmel jien fix-xitwa.

Barra minn hekk, peress li kif għedt, fannijiet fid-dar ma għandniex, qabel ma norqdu, in-nanna tiftaħ il-purtelli tal-gallarija u l-bieb tat-terrazzin, biex tkun tista’ tgħaddi l-arja. Iżda meta tagħmel dan, tkun qed tistieden lin-nemus iżurna u jagħmel ikla sabiħa minn fuqna. Biex tgħaxxaq kollox, wara t-terrazzin tinsab dik magħrufa bħala l-għalqa ta’ Kalafatu – għalqa mitluqa, li n-nies tad-dawra jitfgħu fiha l-imbarazz kollu li jkollhom. Għalhekk, in-nemus li jitla’ minn din l-għalqa jaf ikun infettat u sa filgħodu nqum b’ħobża daqsiex kull fejn indabbar gidma ta’ nemusa.

Bdiet il-kumdità

altIs-sena 1959. Bdiet dieħla l-kumdità fid-dar. Il-bieraħ mingħand Ġorġ il-Pintley, in-nanna xtrat Falks u forn.

Il-Falks qisu kaxxa rettangulari. Għoli xi żewġ piedi u nofs mill-art, b’wiċċ ta’ madwar tliet piedi tul u fond xi għaxar pulzieri u fil-ġenb, apparti din il-kaxxa għal żewġ kuċinieri tal-bott, għandu flixkun tond tal-ħġieġ b’dijametru ta’ disa’ pulzieri, li joqgħod rasu ’l isfel. Dan il-flixkun jimtela bil-pitrolju u jingħalaq b’tapp bil-kamin li għandu qisha molla fit-tarf. Meta jinqaleb wiċċu ’l isfel, il-pitrolju jgħaddi minn ġo kanna apposta, li hemm mal-Falks u jitwassal sal-ġewża tal-kuċinieri, li ma joħdux ftejjel, għax il-pitrolju jinbidel f’gass. Biex tixgħel waħda, trid iddawwar il-manku tal-kuċiniera n-naħa tal-lemin, biex jitwassal il-pitrolju sal-ġewża u tressaq lejha s-sulfarina mixgħula.

altXħin in-nanna jew iz-zija Connie jixegħluhom it-tnejn, il-kċina tisħon ġmielha u l-ikel qisu jsir aktar malajr milli fuq il-Valor. Madankollu l-Primus  issajjar qablu, għax il-fjamma tagħha tagħti aktar nar, iżda kultant ikollha l-ġewża maħmuġa u tintefa. Ġieli noqgħod innaddafha jien. Imbagħad jew nixgħelha bi ftit spirtu tal-kuċinieri, ta’ lewn vjola sabiħ, jew intella’ ftit pitrolju minnha stess billi nippumjaha mill-pum fuq quddiem tagħha u nagħtih sulfarina. Xħin il-fjamma tal-ispirtu jew tal-pitrolju tkun se tintefa, nerġa’ nippumpjalha, u permezz ta’ labar apposta, li wkoll nixtrihom mingħand Ġorġ il-Pintley, noqgħod inseffdilha t-toqba f’nofs il-ġewża. U n-nar iħaġġeġ.

Il-forn li għandna hu tal-landa. Il-lewn tiegħu hu iswed u fih xi aħdar. Kbir daqs il-Fox  u joqgħod sew fuqu. Il-forn ma fihx qiegħ u għalhekk kollox jissajjar bis-sħana li titla’ mill-bottijiet ta’ taħtu. Meta l-forn tal-Ħadd isir id-dar fuq din l-invenzjoni l-ġdida, niffranka mixja sa għand Ġużeppi tal-kafè u l-imbuttaturi tan-nies li jkun hemm, li lkoll ikunu jridu d-dixx tagħhom appena jaslu.

Fit-togħma l-ikel jiġi bnin ukoll. Kulma naħlu hu l-ftit pitrolju tal-flixkun, għalkemm flixkun mimli jservina aktar minn erbat ijiem. Meta jiżvojta, għalkemm qatt ma nħalluh jinxef qoxqox, nieħu gost nimlieh jien. Fil-bitħa t’isfel għandna tank apposta, li fih nixtru l-pitrolju. Allura naqbad il-lembut, inqiegħdu f’għonq il-flixkun u nimlieh sa ftit inqas mit-tapp. Imbagħad nagħlqu, nieħdu ħdejn il-Falks, u naqilbu malajr biex ma nwaqqax pitrolju fl-art.

altKull tant żmien, xorta mmur għand Ġorġ biex lin-nanna nixtrilha l-ftejjel tal-Valor. Biex nibdel waħda, naqla’ l-parti ta’ fuq, inħoll il-ħadida li żżomm il-ftila fit-tond – bħal tal-lampi tal-pitrolju – u bil-kalma nneħħi l-ftila l-qadima u nagħmel il-ġdida minflokha.

Max-xiri tal-Falks, Ġorġ tana qisha xkupilja tonda tal-landa, biex meta nwaħħlu l-ftila l-ġdida tal-Valor, indawru l-wiċċ tagħha biha. B’hekk il-fjamma tal-ftila tkun ta’ kulur blu, kif suppost.

F’Novembru, ngħin lin-nanna tagħmel il-pudini tal-Milied. Indumu ngħassdu mhux ħażin fix-xaħam, lewż, passolina, żbib u kulma mmur nixtri minn qabel mingħand Marija tal-grocer. Meta t-taħlit ikun lest, nidilkilha s-sjuni bil-marġerina u nimlewhom bl-ingredjenti mħalltin.

Il-bottijiet tal-Falks nixegħluhom it-tnejn, u fuq kull waħda nagħmlu pudina f’borma bl-ilma jagħli, li jkun iwassal sa ftit inqas mill-wiċċ tas-sjuna. Qabel, ngħattulhom il-wiċċ b’karta strazza u biċ-ċraret u norbtuhom sew bl-ispag, biex meta jagħli ma jfurx. U l-erbat itruf taċ-ċraret norbtuhom flimkien bl-għoqod ’il fuq mill-isjuni, biex meta rridu noħorġu s-sjuna mill-borma, naqbduha minnha.

Issa anki meta rridu nagħmlu kejk nistgħu nagħmluh bħal tal-ħwienet. Sa ftit ilu biex nagħmlu wieħed id-dar, ridna nużaw il-bakewell, jew borma forn u l-kejk jiġi b’tundjatura vojta fin-nofs. Ara la jkolli l-birthday  u jagħmluli kejk għall-iskola, kif se jkun speċjali minn tat-tfal l-oħra! S’issa, ħafna ommijiet jieħdu l-kejkijiet tagħhom fil-fran barra minn djarhom, fil-laned tal-kunserva!

Għand tal-grocer

Fi Triq il-Kbira l-Ħamrun m’aħniex neqsin mill-“grocers”. Ħanut minnhom maġenbna, tliet bibien bogħod mid-dar. Insibuh bħala ta’ Marija l-Għawdxija, għax hi minn Għawdex. Ieħor fil-kantuniera, ta’ Ċikka, u kif taqsam il-kantuniera u taqbad il-bankina l-oħra hawn il-“grocer” ta’ Toni ta’ Balalu.

Meta n-nanna tkun tridni nixtrilha xi ħaġa mmur għand Marija, l-ewwel nett għax viċin tagħna u t-tieni għax it-tfal tagħha, Nenu, Ġużi u Lolly huma ħbieb tiegħi. Id-dehra tat-tliet ħwienet hi antika ħafna. Xkaffar għoljin bil-prodotti fuqhom, kaxxi mferrxin kullimkien fl-art, kxaxen goffi għall-għaġin tar-razzjon, tankijiet tal-45 gallun biż-żejt, li wkoll jinbiegħ bir-razzjon, vetrini għall-ħelu u oħra għall-ġobniet u l-laħmijiet bħal perżut, murtadella u luncheon meat tal-użin.

Sa issa, kollox tixtri bin-nofs kwart u nofs nofs kwart. Ġieli nixtru x-xaħam bl-użin, li jkun f’laned kbar. Ir-riħa tiegħu tinten. Bih nagħmlu l-qali tal-ikel, u lin-nannu ġieli narah jidlek il-ħobż bih. Fit-tisjir, ir-riħa tiegħu inxommha wkoll, iżda ħaġa tal-iskantament naħseb li fit-togħma, l-ikel jiġi aktar bnin.

Anki l-kunserva tinbiegħ bl-użin. Tal-ħanut iqegħidha fil-karta strazza u jiżinha. Ta’ tfal, l-aktar li jogħġobna hu l-grass fil-landa tal-perżut. Joħloq furur. It-tfal kollha tat-triq bl-imħatra min jilħaq jixtrih l-ewwel. Lolly ġieli javżani u jerfagħhuli. Aħna ħbieb sew, tant li anki meta ħarġu kupuni ma’ kull xirja, li ħafna minnhom jitbiddlu ma’ xirja b’xejn, ibigħli wieħed b’xi sitt ħabbiet. Naħseb li nannti jaqblilha wkoll.

Mingħand Ċikka n-nannu jibgħatni nixtrilu l-aringi ppurfumati. Ir-riħa tagħhom tfuħ wisq. Ikun iridhom bl-attun, għax l-aringi tista’ jew tixtrihom bil-bajd jew bl-attun. Ngħid għalija t-tnejn inħobbhom sal-lum. Ma’ aringa, kemm jien kif ukoll hu nieklu ħobża kbira. Għall-ikel, lil nannuwi tilgħablux. Anki rota ħobż, trid tkun qisha bankina, inkella jgħidlek li l-“ostji għall-knisja biss tajbin”.

Għand Ċikka nħobb immur għax ma’ barra, fuq it-tarġa għandha vetrina bil-ħelu li hu differenti minn tan-nannu. Fosthom għandha pakketti bi “chewing gum” ċkejkna li magħha jkollok tliet ritratti kbar tal-ġungla. Meta nakkwista xi sold ’l hawn u ’l hinn nerfgħu għal meta mmur għandha. Imbagħad inpartat l-istampi pariġġ ma’ ħbiebi tal-iskola.

Il-ħanut ta’ Toni ta’ Balalu hu l-aktar ’il bogħod. Toni raġel kwiet u nadif. Għandu kalma tal-għaġeb. Qisu qaddis. Fuq il-bank, għandu nkwatru bil-bambin dejjem mixgħul. Bħala ħanut naħseb li hu l-aktar kwiet. Forsi għax ibigħ raġel u għalhekk in-nisa ma jaqbdux parlati.

Fil-ġenb tal-lemin għandu bankijiet tal-injam fejn iżomm l-affarijiet tar-razzjon. Fuqhom għandu l-ixkafef bil-bottijiet. Man-naħa l-oħra bank wiesa’ u fuqu xkafef b’tazzi u maggijiet għall-bejgħ. It-tazzi dejjem mingħandu nixtrihom. Sikspenz (2ċ5m) ’il waħda. Il-maggijiet għandu ħafna kwalitajiet. Żgħar u kbar, tal-pyrex jew taċ-ċaqquf, lewn isfar skur b’kannizzati suwed fuqhom.

Nhar ta’ Sibt filgħodu n-nies ma tabbastax tixtri. Immur xħin immur fil-grocers, dejjem mimlijin nies. Il-Ħdud jiftħu wkoll, sa nofsinhar. L-agħar ħinijiet huma meta jitqassam ir-razzjon. Min jaf s’issa kemm xtrajt razzjonijiet. Immur b’żewġ kartuniet ħodor (ir-ration card) li jġibhom minn xi uffiċċju z-ziju Fred, u tal-ħanut jingassali d-dati u l-affarijiet li nieħu. Naturalment għandna żewġ razzjonijiet, għax in-nannu, in-nanna u z-zija Connie huma familja għalihom u z-ziju Fred u z-ziju Dward huma żewġ aħwa li jgħixu flimkien magħna.

Ir-razzjon jikkonsisti f’ħalib tal-bott bħall-ieħor li nixtru iżda orħos fil-prezz, żejt, li wkoll ikun irħis, zokkor u għaġin. Dan tal-aħħar hu bl-għażla – sakemm jibqa’ — jew imqarrun twil pied u spagetti, pinen, tarja, tal-brodu jew makkarunelli. Peress li hu bl-użin, u jasal għand tal-ħanut fi xkejjer ma tantx jibqa’ sħiħ, almenu tal-qiegħ u tal-ġnub. Iżda kulħadd jixtrieh u jikkunsmah.  

Ħjata tal-ħwejjeġ u traqqigħ

altMatul il-ġimgħa, hekk kif bħalissa; fil-jiem xitwin, nirritorna mill-iskola primarja ta’ wara l-Għassa tal-Pulizija, tal-Ħamrun, fl-erbgħa ta’ filgħaxija, spiss insib lin-nanna Alice tħit il-ħwejjeġ. Il-membri tal-familja tagħna lkoll nilbsu minntaħt idejn in-nanna Alice.

Ġeneralment, is-Sibt tifrex id-drapp fuq il-mejda tal-kewba fil-kamra tal-pranzu, tfassal u taqta’ d-drapp għal-lest. Mhux darba u tnejn li f’xi Sibtijiet, minn filgħodu tiġi z-zija Carm, il-mara taz-ziju Turu, li jiġi ħu n-nanna u jfasslu u jaqtgħu d-drapp flimkien. Imbagħad matul il-ġimgħa, in-nanna tħit minnlibsa għall-oħra, minnqalziet għall-ieħor jew minnġakketta għall-oħra.

Il-Ħadd li għadda, kmieni filgħodu, mort magħha fuq il-Monti, fi Triq il-Merkanti l-Belt. Hemm miksi bil-karettuni, ilkoll ibigħu minndrappijiet, ġugarelli, xtieli, ħut tal-ilma ħelu, żrieragħ eċċ. Man-nanna Aliceimmur biex tagħmel ix-xirja tad-drappijiet. Kif tilmaħ drapp polka dot,  fuq l-iswed, wiċċha jieħu d-dawl. L-iswed tħobbu wisq, għax tgħid li hu l-aktar kulur eleganti.

Nersqu lejn il-bejjiegħ u għall-prezz li jagħtiha, tnaqqaslu. Ma jaqblux, u nitilqu minnhemm, sa xħin wara ftit nisimgħu lill-bejjiegħ isejħilha u jaqbel li jagħtiha d-drapp bil-prezz li tkun trid.

Id-dar għandna gradenza mimlija bid-drappijiet. Metajiġu waqthom, in-nanna tfassalhom u tħithom.

Il-ħjata tagħmilha bil-magna tal-ħjata tad-ditta Singer li titħaddem bis-saqajn. Tgħid li kien ġabhielha n-nannu Karm. Kien ħadem xi għamara lil xi ħadd u ma kellux biex iħallsu. Allura qablu li jpartu x-xogħol mal-magna. Il-mejda tagħha għandha l-ġnieb tal-ħadid fondut bid-disinn u l-wiċċ tal-injam. Fuq in-naħa tax-xellug hemm kexxun ċkejken għall-labar, imqass, ħajt u inch tape, li ngħidulu inches u mal-ġenb tiegħu jinżel bħal ġewnah, imwaħħal biċ-ċappetti, biex il-wiċċ tal-magna jkun jista’ jitwal u d-drapp jitqiegħed aħjar.

Mill-magna għall-pedala tas-saqajn tinżel ċinga tal-ġilda, li ddawwar ir-rota żgħira, fuq nett, in-naħa tal-lemin tal-magna ma’ rota ferm ikbar fuq l-istess naħamal-ġenb t’isfel. Din iċ-ċinga ġieli tinqata’ minnfejn tkun imġonġija bi speċi ta’  staple tal-fildiferru kemxejn oħxon. Din iċ-ċinga ġieli nixtruha ġdida mingħand il-ħanut ta’ Singer fi Triq Irjali, l-Belt.

Metan-nanna Alicema tkunx qed tħit u lanqas tkun qiegħda viċin tal-magna, nieħu gost noqgħod bilqiegħda fuq il-pedala u ndawwar ir-rota l-kbira tal-magna, taparsi qed insuq karozza. Jekk tilmaħni tibda tgorr, għax tgħid li nista’ nagħmlilha l-ħsara.

In-nanna Alice hi ħajjata prima.

Meta mmur għand in-nanna Nes, insib xena oħra — din id-darba ta’ tiswija. In-nanna Nes ma tħitx,iżda n-nannu Pawl kien ġabilha qisha boċċa tal-irħam, li tużaha biex issewwi l-irqajja’ tal-peduni. Hi taqleb ta’ taħt fuq il-peduna mtaqqba, iddaħħal il-boċċa min-naħa ta’ barra u tħit minndik ta’ ġewwa t-toqob li jkun hemm. Il-punti tat-tiswija tagħmilhom forma ta’ kannizzata, biex mhux talli r-roqgħa tkun b’saħħitha, iżda minnbarra tkun inviżibbli u ma jintremewx peduni bla bżonn.

Bħalissa, s-snin ħamsin, il-pagi u l-flus fl-idejn għadhom skarsi. Tista’ tgħid li n-nisa tad-dar, kollha jafu jħitu u rari ferm jixtru xi ħwejjeġ lesti. L-għaqal ta’ kull mara Maltija u Għawdxija hu xi ħaġa tal-għaġeb!

Il-fran u l-ikel fil-Ħdud u l-festi

BDL Books - Dak kien Żmien

Fil-kantuniera l-oħra tar-Radio City, lejn il-Ħamrun hemm sqaq bejn il-bini u l-forn tal-Bażikk. Faċċata tagħhom tul dan l-isqaq, għalina t-tfal hemm qisha muntanja ta’ blata sħiħa min-naħa għall-oħra.

Il-Bażikk ikollu ħobż tal-Malti mit-tajjeb u għal xi żmien, flok ma mmur għand Pierino għall-ħobż tal-kexxun (tal-Franċiż), jew tal-Malti, li hu kategorizzat bħala tas-sikkina jew tas-salib, immur għandu. Anki bil-forn ġieli mmur, għalkemm hawn, fil-Blata l-Bajda, u fil-qrib, għandna erbat ifran – ta’ Pierino; ta’ Nicholas Borg, magħruf bħala tal-kafè, għax ibigħu u jitħnu l-kafè; tal-Bażikk u ftit aktar ’il bogħod, kif indur mal-aħħar mina u ninżel lejn il-Marsa hemm ieħor, li ma tantx immur għandu.

L-aktar forn li jidher antik hu tal-Bażikk. Il-Bażikk raġel qsajjar, b’żaqq forma ta’ katuba u jpejjep is-sigarru. Dejjem b’xi sarvetta mdawra ma’ għonqu. Ta’ Pierino u ta’ Borg aktar moderni u aktar indaf. L-akbar wieħed hu ta’ Borg u fil-Ħdud u l-festi, għandu l-aktar li jaqgħu nies biex isajru l-ikel.

Fil-faċċata ta’maħżen imdaqqas sew, hemm il-forn. Aktar lejn il-bieb ta’ barra, fil-jiem tal-forn jagħmel imwejjed twal li jifirdu lin-nies mill-parti ta’ ġewwa fejn ikun hemm Ninu jew ħutu jservu d-dixxijiet imsajrin. Bejn il-mejda u l-forn, speci ta’ dresser bla bibien, iżda b’purtiera, fejn iqiegħdu d-dixxijiet ta’ dawk li ma jaslux għalihom fil-ħin li jgħidulhom.

Allura mad-9.30 a.m. jew l-10.00 a.m. immur bl-ikel nej, f’dixx mgħotti b’karta strazza u fuqha sarvetta, jew inkella sarvetta mill-ewwel, nidħol u nqiegħdu fuq il-mejda. Ninu jew xi ħadd minn ħutu, jaqbad żewġ pjanċi żgħar bl-istess numru msammar fuqhom, jagħti wieħed lili u l-ieħor ideffsu fl-ikel. Jgħidli wkoll xħin għandi mmur għalih.

In-nanna dejjem tgħidli biex ngħidilhom joħorġuh f’nofsinhar – naturalment biex jibqa’ sħun u biex tal-forn ikun jaf xħin għandu jdaħħlu.

Kull forn għandu buqar mimli ilma, biex jekk is-sid jara li d-dixx ma jkollux ilma biżżejjed, iżidlu. Dan minħabba li jekk ma jagħmilx hekk, l-ikel, jinħaraq.

Għall-ħabta ta’ nofsinhar immur għad-dixx. Ġieli mqarrun jew lasagne (li aħna nirreferu għaliha bħala fdewwex) u ġieli laħam, tiġieġa jew qarabagħli mimli. Meta d-dixx ma jkunx bl-għaġin, dejjem ikollu l-patata l-forn miegħu. Ir-riħa bnina li jkun hawn f’kull forn, taqsamlek l-aptit, għax f’forn bħal dawn, l-ikel differenti ta’ kulħadd qisu jagħti palat differenti u aktar appetituż lill-ikel ta’ kull wieħed u waħda.

Għal biex inġib id-dixx id-dar, nerġa’ nieħu l-karta strazza u s-sarvetta, jew is-sarvetta biss u biċċtejn kartun, biex jekk id-dixx ikun jaħraq, naqbad il-widnejn tad-dixx bihom.

It-tentazzjoni tul il-biċċa triq mill-forn għad-dar hi kbira mmens. Nixtieq nieqaf fuq tarġa ta’ xi ħadd fit-triq biex innaqqar imqarruna maħruqa, jew niġbed xi patata tal-wiċċ. Iżda peress li n-nannu bil-ħanut tal-bazaar u lin-nanna jkellmuha ħafna nies, malajr jgħidulha xi nkun għamilt. U jekk issir taf li kilt xi ħaga fit-triq, għajr għal xi biċċa ċikkulata jew ħelwa, tagħmilli qorti sħiħa.

Għalhekk nagħmel mortifikazzjoni sa ma nasal id-dar, u nwassal id-dixx fuq il-mejda tal-ikel. Hemmhekk ningħata permess niġbed għaġina jew patata l-forn.

Meta npoġġu mal-mejda mdaqqsa, in-nannu u z-ziju Fred joqogħdu f’irjus tal-mejda, in-nanna Alice u jien f’ġenb u z-zija Connie u z-ziju Willie faċċata tagħna.

Ġeneralment, iz-ziju Dward, jew jiekol aktar tard, xħin jiġi mingħand Ċikku tat-titotla, fejn jiekol xi rock cake mal-inbid, inkella jintasab fuq mejda ċkejkna fil-kċina u jiekol fuqha waħdu, mdawwar bil-kelba Funny u l-qattusa Tanaxja.

L-ikel li jifdal fil-platti, niġbruh u z-ziju Dward iqattgħu irqiq bil-mus biex jitimgħu lill-ħamiem, tiġieġ u fniek, li għandna fuq, fit-terrazzin.

It-torri tal-kartun

Il-lum l-1959. Ġurnata sabiħa tas-Sibt. Miegħi id-dar hawn ħija Mario, ir-raba’ wieħed fost l-aħwa. Ġie hawn biex inaqqas l-istorbju mid-dar tal-mamà u forsi biex jien ma noqgħodx waħdi.

Jumejn ilu qgħadt nilgħab b’kaxxa tal-kartun ftit kbira. Domt ħafna ndawwar biex fl-aħħar għamilt torri tal-kartun il-ġmiel tiegħu għall-età tiegħi ta’ tmien snin. Dan it-torri hu mingħajr saqaf biex inkun nista’ ndaħħal u nċaqlaq lis-suldati tal-lastiku li għandi.

Bil-kolla waħħalt taraġ u permezz ta’ rukkell tal-ħajt, għamilt il-bieba ta’ quddiem titla’ u tinżel qisha rixtellu tat-torrijiet li naraw fil-kotba. Kemm ġieni sabiħ!

Lil ħija qed jogħġbu wkoll. Irid li ma nibqgħux nilagħbu bil-karozzi tal-landa, li bdejna nilagħbu bihom għal xi ftit ħin. Minflok, irid li nilagħbu bis-suldati. Naf għaliex! Biex jilgħabli bit-torri. Minħabba f’hekk li jien irrid nilgħab bil-karozzi. Għax nibża’ li jekk nilagħbu bit-torri, jista’ jkissirhuli.

Bil-kwiet ġbidtu fit-terrazzin. Kulma hemm jiġru barra huma t-tiġieġ. Qfilthom malajr fil-gallinar tagħhom u għalhekk it-terrazzin hu kollu  għalina, biex nilagħbu fih. Fin-nofs għad fadal ftit bċejjeċ tal-ħobż, għaġin mgħolli mqatta’ rqiq, bċejjeċ tal-ħaxix u nofs ġidra, li t-tiġieġ xebgħu jnaqqru minnha.

Permezz ta’ rumnell imdawwar ma’ wara ta’ għonq ħija għal quddiem sidru u biż-żewġt itruf jgħaddu minn taħt spallejh, qed nilgħabu taż-żiemel. Jien il-kuċċier! Madankollu ma għandniex frosta biex żgur ma jweġġa’ ħadd.

Mario jiġri mhux ħażin mad-dawra kollha tat-terrazzin, iżda bħas-soltu malajr jiddejjaq. Uff! Għadu moħħu fit-torri tal-kartun!

Logħba oħra biex indawwarlu l-ħsieb. Noli! Iva. Jaqbel miegħi ukoll u nibdew nilagħbu. Biex ma jsibnix, qed jiġini f’moħħi li nidħol fil-gallinar il-kbir fejn hemm il-fniek. Il-bieb, li l-parti ta’fuq hi bil-gauze wire u l-parti ta’taħt hi tal-injam, mhux imsakkar. Minn toqba żgħira fl-injam qed nara lil Mario jdur u jfittixni fl-irkejjen kollha tat-terrazzin u wara l-affarijiet imdaqqsa li hawn. Issa rani u għamilli l-firroll. Għall-bidu taparsi m’jienix hemm ġew. Hu mhux jagħti kas.

Iżda issa, għalkemm iddejjaqt, ma nistax noħroġ minn fejn ninsab. Insejjaħlu, għalxejn. Inwerżaqlu, għalxejn. Ma jridx jiftaħli. Minn isfel mhu jismagħni ħadd. It-taħbit fuq l-injam kollu għalxejn. Il-fniek qed jitgerrxu u jinxteħtu gozz fuq xulxin. Jien maqful ġewwa u Mario jdur u jiċċaċċra, qisu mhux hu. M’għadux, la jġorr mil-logħob li nilagħbu u lanqas għax jinsab waħdu!

B’sabar kbir, b’biċċa wire  li sibt ma’ guva fil-gallinar ta’ fuq, fejn hemm il-ħamiem qed nipprova niftaħ. Sa fl-aħħar jirnexxili. Mario maħsud mhux ħażin xħin jarani rrabjat. Ma rridx insawtu, iżda rrid inbeżżgħu. Għalhekk naqbad f’idi l-ġidra li hemm fl-art u nixħethielu. Bil-biża’ jersaq minn fejn hu u nolqtu fil-qarquċa ta’ widintu. Tgħidx kemm ħiereġ demm u ma jridx jieqaf. Jibda l-biki ħerqan, għax hu wkoll qed jara d-demm.

Iz-zija Connie u n-nanna Alice qed iduru b’Mario u jirrabjaw miegħi. Id-demm ma jridx jieqaf. Ma nafx x’se naqbad nagħmel għax waranofsinhar għandhom jiġu l-mamà u l-papà. Jekk id-demm jibqa’ ħiereġ żgur li ma jiħdux gost bija u l-papà jirrabja wkoll, jekk ma jsawwatnix.

Mario ma jridx jilgħab miegħi. Għadu jolfoq, bid-demm nieżel minn widintu. Fl-aħħar qed jipprova jkellimni. Irid it-torri tal-kartun. Kontra qalbi, iżda biex nevita xi xebgħa aktar tard, qtajtha li nagħtihulu u filgħaxija jtellgħu miegħu id-dar tal-mamà biex sal-għada jsir biċċiet. Min jaf kieku lgħabna bih aktar qabel kienx jibqa’ għandi, fl-istess sura li kien? Jiġi min jiġi minn ħuti għand in-nanna, żgur li ma nerġax nivvinta li nilgħab noli. U jekk ikunu jridu nilagħbu din il-logħba, żgur li ma nistaħbiex mill-ġdid fil-gallinar tal-fniek!

Ħruġ bil-privates

altKarozza ma għandniex. Ħadd ma għandu fit-triq għajr għas-Sur u s-Sinjura Simmler. Huma tnejn min-nies xjuħ li ma għandhomx tfal. Iżda minflok għandhom karozza Hillman Minx  qisha ġdida. Joqogħdu faċċata tad-dar tan-nanna u l-garaxx mal-bankina tagħna. Forsi għax is-Sur Simmler hu qasir, xi nies jafuh bħala ‘s-sold u nofs’.

Meta jiġi biex jipparkjaha, immur niġri nagħmillu l-injam taħt il-bankina. Dejjem jgħidli thank you, iżda lili u lin-nanna qatt ma joħroġna dawra.

Biex noħorġu dawra mhux tas-soltu, mmur għand mara xiħa li toqgħod ħdejn il-garaxx tas-Sur Simmler. Ngħidulha Mrs Steer. Ir-raġel tagħha, li hu xiħ aktar minnha hu Ingliż. Kultant tiġbor numru ta’nies u torganizza ħarġa bil-private. Meta n-nanna tkun taf, tibgħatni naqta’ żewġ biljetti, għalija u għaliha. Biex tidħol fid-dar tagħha trid tinżel tarġa. L-ewwel kamra miżgħuda għamara mudlama. Fuq is-siġġu, bilkemm jitħarrek hemm Mr. Steer, b’kutra fuq saqajh.

Issa, li hi ma baqgħetx torganizza, nibtet mara oħra. Id-Dolly. Din toqgħod fi Sqaq Miggiani. Id-dar tagħha qatt ma rajtha għax tilqagħni fil-bieb. Ġieli meta noħorġu magħha tiġi Marija tal-ħanut u Lolly. Jien u Lolly noqogħdu nilagħbu u nħobbu noqogħdu fuq wara tal-private, ninbxu lis-sewwieqa ta’warajna u nxejrulhom.

Wara kull ħarġa, li ddum xi sagħtejn jew tlieta u ġeneralment tkun sa ħdejn xi xtajta, nerġgħu ninġabru fil-private. Fit-triq lejn id-dar, Dolly  tgħid ir-rużarju. Kulħadd jgħid magħha.

Għada għandna ħarġa speċjali. Ġejjin ukoll iz-zija Connie u z-ziju Dward. Se mmorru Għawdex. Għalhekk il-lum telgħin norqdu aktar kmieni mis-soltu.

altMas-sebħ, f’xi l-ħamsa, diġà lbisna. In-nanna tridni mmur għand Ciscaldi, għax ordnat il-qassatat. Irridu noħduhom magħna għall-ikel. Sakemm immur, iz-zija Connie qed tlesti basket kbir bix-xorb.

L-ikel għan-nannu u z-ziju Fred jinsab lest. Kemm isaħħnuh. Jinsab mgħotti fi platt tal-plastik.

Il-private diġà ġiet. Qed inħaffu biex insibu post ħdejn xulxin. Bilkemm m’għadux id-dlam. It-triq hi twila bosta. Taqtagħli nifsi u ttellagħli l-istonku, l-aktar għax il-karozza mballata bin-nies u bl-affarijiet kollha li se jtellgħu magħhom. Saflaħħar qed nara l-baħar. Iżda jonqos x’naqdfu biex naslu l-Marfa!

Il-vapur jidher. Maġenbu hemm privates oħra b’nies li waslu qabilna. Iżda tiskanta kemm jesa’l-vapur!

Għawdex sabiħ. Se mmorru Ta’ Pinu għall-quddiesa u wara mmorru r-Rabat. Hemmhekk jarma s-Suq. Iz-zija Connie ġġorr il-basket bl-ikel u x-xorb, miegħi. Aktar hi milli jien. Iz-ziju Dward ma jissaportix qalb in-nies. Qalilna li se jaqta’ftit għal rasu u jdur għalih waħdu. Ħalliena nimxu u waqaf ikebbes il-pipa.

Hawn, it-Tokk, qisu l-Monti tal-Belt iżda ferm iżgħar. Hawn ħafna affarijiet x’tixtri. Frott kemm trid u n-nies qed jgħidu li hu orħos. In-nanna dejjem iddur id-drappijiet. U jaħasra, taf kemm għandha qatgħat fil-kxaxen? Iżda tgħid li dak li tixtri llum issibu għada. L-aqwa li jkun jogħġobha u tħallas kemm tkun trid hi.

altTgħaddi kważi siegħa. Dolly qed issejħilna għall-private. Kulħadd qed jirkeb u aħna għadna nistennew. Iz-ziju Dward ma jidhirx. Beda l-garr u kellna nitilquh l-art inkella nibqgħu aħna wkoll. Issa sejrin sax-Xlendi, għax hawn numru ta’ Maltin li jridu jgħumu. Magħhom hawn ukoll jien u z-zija Connie, li tellajna l-malji magħna.

Tul il-jum ma rajniehx iktar liz-ziju Dward, għajr xħin ġejna biex nerġgħu nitilgħu l-vapur. Kien hemm jistenniena. L-għejja fuqi hi tremenda. Kieku ninxteħet fl-art norqod.

Id-dlam beda jraxxax ġmielu. It-triq ma rajthiex, għax waqajt ċomb fil-private.  Qajmuni xħin wasalna ħdejn id-dar.

In-nannu u z-ziju Fred ma kilux l-ikel li kellhom lest, għax bil-fixla z-ziju Fred saħħan kollox fuq il-Valor fil-platt tal-plastik. Issa, lanqas il-Valor ma trid tixgħel. 

Il-qroqqa u l-flieles

Filgħodu kmieni, mas-sebħ, jibda t-tiddin tas-serduq. Fil-viċinanzi hawn bosta nies irabbu t-tiġieġu bħalna għandhom xi serduq. Dawn l-imniefaħ ta’ sriedaq qishom jiftiehmu. Jibda jidden wieħed, u l-oħrajn, wara xulxin jiddnu wkoll. Speċi ta’ kantaliena jew litanija li jibdieha wieħed u jkompli l-ieħor, bit-tiddina tmur ’il bogħod u terġa’ tersaq fil-qrib qisha mewġa. Idumu biex jieqfu.

altAktar tard mal-jum, it-tiġieġ jibdew iqaqu. Huma ma jagħmlux dan għalxejn, iżda bi twissija li jkunu biedu bajda. Meta nkun id-dar, noħroġ niġri fit-terrazzin u niġborha sħuna sħuna minn taħtha, għax inkella, ġieli jnaqqruha b’munqarhom. It-tiġieġ tagħna jbidu jum iva u jum le.

Il-lum, in-nanna qiegħda miegħi fit-terrazzin meta tiġieġa minnhom tibda tqaqi. Ingerrixha u minn taħtha noħroġbajda ta’ lewn kannella, li għadha kif biedet. Din il-kwalità ta’ bajd inħobbha wisq. In-nanna taf b’dan u għalhekk araha ttaqqabhieli rqiq mit-truf u tagħtihieli.

Drajt nagħmilha ma’ xufftejja u niġbed nifs qawwi ’l ġewwa. Il-bajda friska u sħuna tinżel għasel. Iżda b’dan il-mod ma noħodhiex kuljum.

Mat-tużżana tiġieġ li għandna, hawn waħda li dejjem toqgħod b’żaqqha fl-art. Kultant naħsibha bla saqajn. In-nanna spiss tirrepetili biex ma ngerrixhiex, għax dik hi qroqqa. U allura nħalliha f’postha. Minn filgħodu sa tard filgħaxija tibqa’ fl-istess qagħda.

Issa qed tibgħatni nixtri t-tiben. Qattgħa mhux ħażin. Dawn l-aħħar erbat ijiem qed niġbru l-bajd kollu li jbidu t-tiġieġu n-nanna tistivah f’kaxxa tal-kartun taż-żraben. Fil-kamra ta’ ġewwa, li tmiss mat-terrazzin tridni ndaħħal banju taż-żingu. Fih nagħmlu t-tiben u n-nanna tnewwilli l-isbaħ tlittax-il bajda milli ġemmgħat fil-kaxxa, biex inqiegħdu fuqu, fin-nofs tal-banju u f’ċirku tond maġenb xulxin.

Meta nlesti kollox immur fil-gallinar, nerfa’lill-qroqqa u ndaħħalha ġewwa fuq il-bajd tal-banju. Kemm toqgħod kwieta!

Kull filgħodu kmieni nqum nagħmlilha l-ilma, il-qamħirrum u tagħsida ħobż imxarrab bin-nuħħala rqiqa li nixtri kull ġimgħa mill-Marsa. Kemm hi ħelwa l-qroqqa. Qisha tintebaħ xħin inlestilha l-ikel, u dritta dritta tqum, tistira u toħroġ mill-banju. Ma titlifx wisq ħin biex tiekol, tixrob u tħammeġ. Imbagħad iddur dawra mal-banju biex tara mnejn għandha taqbeż lura, u terġa’ tinxteħet fuq il-bajd, biex iżżommu sħun u aktar tard  tfaqqsu.

Jum wara ieħor itir bħal ħolma. Il-lum is-Sibt, m’għandiex skola u għal waqt  twil noqgħod bilqiegħda fuq banketta ċkejkna nitkellem mal-qroqqa, mingħajr ma tweġibni. Ħin bla waqt nisma’ bħal ċekċika rqiqa. Qoxra ta’ bajda tinqasam, u ftit ftit jinqasmu kollha.

Biex nara lill-flieles li għadhom kemm twieldu, nipprova nerġa’ nagħti l-ikel lill-qroqqa. Iżda din ma tqumx malajr. Fiha qisu għandha arloġġ, li jikkmandaha kull xħin imissha toħroġ mill-banju. Iżda fl-aħħar qed jirnexxili narahom. Ċkejknin ċkejknin, ixenglu rashom ’l hemm u ’l hawn, ’il fuq u ’l isfel. Fil-kobor, forsi huma żewġ pulzieri kollox u lewnhom hu isfar ċar. Mhumiex bħat-tiġieġa, għax m’għad m’għandhomx rix.

In-nanna tgħidli li hi tqiegħed 13-il bajda biex jekk xi wieħed ma jitwilidx jew imut, ikollha tużżana. Għalkemm il-flieles ifaqqsu, xorta jridu s-sħana biex jikbru, u l-qroqqa ma tħallihomx wisq mikxufin għax kif tiekol u tixrob terġa’ titla’ fuqhom. Jien ġieli ngħattihom b’kollox għal matul il-lejl.

F’din il-kamra, lill-flieles inħalluhom sakemm jibdew joħorġu mill-banju weħidhom. Imbagħad nagħmluhom f’gallinar għalihom. Meta jitfarfru ftit sew, fihom gost. U meta jibdew ibidu, aktar u aktar! Madankollu, għal mal-ikel xorta nixtru l-bajd mingħand Salvu. Tat-tiġieġ tagħna nużawh meta nkunu rridu l-frisk tabilħaqq.

It-telqa u l-baħar fis-sajf

Il-vaganzi tas-sajf bdew. Il-jiem jaħarqu, u ħadd ma jissaporti wisq ħwejjeġ fuqu. Il-qadi qed idejjaqni, ladarba titla’ x-xemx. Wara l-quddiesa tas-6.30 a.m. fil-kappella tal-Museum, immur nieħu l-bajda u t-te u nlesti x-xiri kollu. L-aktar li ndum għand Ninu tal-laħam u għand Ġanni tal-ħaxix.

altGħandi qatla għax la l-papà,la n-nanna u lanqas in-nannu ma jkunu jriduna bil-flokk ta’ taħt jew ħafjin fit-triq. Għalhekk nobgħod meta jkun jonqos xi ħaġa, imqar mingħand Marija tal-grocer, li hi tliet bibien ’il bogħod minna. Jintesa t-tgergir meta Marìjew żewġha Ġorġ jiftħu xi landa perżut li fiha jibqa’l-grass. Kulħadd, l-aktar aħna t-tfal, bil-ġirja min jixtri dak il-grass, għax fih togħma tajba wisq. Id-dar, in-nanna ġieli ssajru mal-kawlata.

Jien inħobbu ħafna. Nippreferih mil-laħam immellaħ li nixtri lin-nannu mingħand il-ħanut tal-laħam ta’ Ċesula mill-Ħamrun, għax il-kosbor ma nħobbux. U ħaġa oħra li ddejjaqni anki naraha, hi l-ħobż midluk bix-xaħam, li n-nannu jiggosta kull filgħodu.

Matul il-ġimgħa, in-nanna kuljum issib ħin biex nagħmlu reviżjoni tal-istudju. Xħin jiġi z-ziju Willie d-dar, f’xi s-6 a.m., qabel ma jmur għax-xogħol, itella’miegħu l-gazzetti mill-ħanut. Insellimlu, nilbes għall-quddies u wara l-qadi noqgħod ħdejn in-nanna naqralha l-istejjer. L-aktar li nħobb naqra hi Il-Berqa. Forsi għax bil-Malti u nifhimha aktar malajr.

Bħalissa qed jissemma u jingħad ħafna dwar qtil ta’tifel ċkejken — Toni Aquilina. Qed isostnu li qatlitu ommu, Ġiġa. Qed jingħad ukoll li missieru ġieli jorbtu mal-gallarija u joqgħod jaħarqu b’sigarett. L-omm, taparsi ma tafx min qatlu u qed tgħid li jekk issir taf, tieqaf milli tpejjep is-sigaretti. U jien naqra ngħajjat biex in-nanna tismagħni sew.

Il-baħar inħobbu, iżda n-nanna ddejjaqha x-xemx, il-papàma jgħumx u minħabba li aħna bosta aħwa mhux se joħodna kollha b’ tal-linja. Għalhekk, għal għawma jrid ikun ħmar l-arblu f’xi jum tal-Ħadd. U l-unika persuna li tista’ toħodna magħha hi z-zija Connie.

Minħabba li għadni żgħir u ma nafx ngħum mingħajr is-salvawomo, dejjem toħodni fl-istess post. L-Għadira. Hemmhekk hemm ħafna ramel u toħroġkemm toħroġ’il barra, il-baħar qisu dejjem ilaħħaqlek. Magħna nieħdu l-kpiepel, ħobż biż-żejt, ilma u luminata u barmil u pala minn tal-ħanut tan-nannu, biex noqgħod nilgħab bir-ramel u nagħmel il-kastelli kif għandi fil-ktieb tal-Ingliżli nuża l-iskola. Kultant, ninżel nitbaħbaħbl-ilma baħar u taparsi ngħum biċċa, għax għalkemm l-ilma baħar hu mielaħ, jaqtagħli s-sħana li tiżreġ fuq dahri minkejja li z-zija Connie tidlikli krema apposta għal kontra x-xemx.

Illum, flimkien miegħi u maz-zija Connie ġejjin xi ħbieb tagħha. Se nagħmlu ġurnata sħiħa ħdejn il-baħar. Waħda mill-ħbieb għandha sorra mdaqqsa f’idejha u salt lasti tal-injam. Qed iġġorr kamp taċ-ċarruta, li minnhom jintramaw ħafna fuq ir-ramel fl-Għadira. Jiġu qishom kmamar imdaqqsin u jarmu dell ġmielu. Fihom inqiegħdu l-affarijiet u ninżlu ngħumu rasna mistrieħa. Hekk kif nitilgħu mill-ilma, dritt għal ġol-kamp. Joffri wkoll ċerta privatezza, għax tista’tbiddel il-malja mxarrba b’kumditàu bla biża’li jaqagħlek ix-xugaman.

L-ikla tal-lum qed nagħmluha fis-1.30 p.m. Iz-zija Connie u ħbiebha se jerġgħu jinżlu jgħumu. Jien nippreferi noqgħod fil-kamp. Nifrex xugaman fuq ir-ramel u nintefa’ fuqu. Għajnejja qed inħosshom tqal, u qed noħlom stejjer tal-cowboys u l-Indjani. F’salt wieħed naf li ma bqajt naħseb u noħlom xejn. Għajnejja ngħalqu.

Saru l-5.30 p.m. Ħafna nies li waslu fl-istess ħin li wasalna aħna żarmaw il-kamp u telqu. Lili jqajmuni z-zija Connie u ħbiebha, għax iridu jżarmaw huma wkoll. Kos hux, biċċa ċarruta u taqtagħlek ix-xemx kollha. Naħseb li kieku n-nanna kienet taf bil-kamp, kienet tiġi magħna hi wkoll!