Għeluq

“Kemm nixtieq ngħix ġo toqba fejn la nara u lanqas nisma’.”  Id-daqqiet tal-ħajja jġagħluk taħseb u tfittex il-kenn, toqgħod qrib min taf, u tiltaqa’ ma’ min jogħġob lilek. Tkun qisek brimba tgħix fuq l-għanqbuta tiegħek.

Iżda b’hekk qatt ma tinfetaħ u tgħix il-ħajja tiegħek għax ikollok kollox maħsub u komdu.  Jien ġieli tlajt Għawdex bil-vapur u bil-mixi u tieqaf fl-ewwel ħanut li ssib miftuħ u titrejjaq?  Ġieli qrajt xi ktieb b’ilsien li taf u li qatt ma tħajjart taqra?  Ġieli mort dawra sal-isptar u tara qraba deħlin u ħerġin?  Ġieli jekk tista’, rsaqt biex tagħti d-demm?  Ġieli ppruvajt tagħmel ħbieb ġodda f’librerija, f’każin?  Ġieli tħajjart tmur tara logħba ballun Ta’Qali, l-Mosta u tara x’inhu jiġri?  Ġieli dħalt f’xi kappella mwarrba għal xi ħames minuti u tiftakar fil-bdiewa li kienu jżuruhażminijiet ilu?

Mid-dehra dan ma’ jidħolx fil-mudullun ta’ moħħok u għalhekk qisek ferrovija għaddejja fuq l-istess linja ’l hemm u ’l hawn:  tmur biss fejn hu maħsub.  Biex tiffriska bħala karattru; biex kliemek ikun interessanti trid tiddakkar  mill-ward bħalma jagħmlu n-naħal għall-għasel.

Scrooge kien iħobb id-dlam; id-dlam kien irħis.  Inti tista’ tkun xħiħmiegħekinnifsek u tgħix ħajtek fil-qamel tal-ħsieb. Tista’ tkun qalbek kbira u tbexxaq il-bieb ta’ qalbek u jkollok moħħok persjana li minnha tgħaddi ż-żiffa u l-frisk.

Bil-kavallieri f’Malta nftaħna. Ara xi ġmiel għandna mhux għax il-Malti ma’ batiex. 

Int tista’ tagħżel li toħroġ mit-tinda ta’ ħajtek, taqsam id-deżert tad-dwejjaq u dduq il-benna tal-għejxien.

Għall-Kirjanza

Kemm hawn min jaf jitkellem u togħxa tisimgħu u l-kliem li jingħad idoqq kordi ħelwin ġo qalbek u toħroġ b’għajnejk jgħumu fil-fehma u qalbek tintelaq tistrieħ.  Iżda l-miżien jurik jekk il-kliem li nstema’ kienx mill-qalb jew mill-fomm.

Mhux darba tnejn, tlieta’, erbgħa.  Kemm nixtieq nistiednek id-dar u nitkellmu. Kemm xtaqt inżurek l-isptar. Kemm nieħu pjaċir niltaqa’ ma’ ommok u missierek. Bik ħdejja d-dinja tħossha teħfief.

Għidut bħal dan intqal u billi tkun fl-uġigħ temmnu u maż-żmien tintebaħ bid-daqqiet f’qalbek li min qalu semma bil-ħsieb li jaqlik, li jżommok biered u kwiet u hu jibqa’ għaddej bi ħsiebu.

Tista’ tħajjar int ukoll u diskorsok ikun biex jimla, biex ikompli, biex isebbaħ.  Maż-żmien jinduna u bil-mod il-bniedem jibda jżomm ’il bogħod. Iżommok ta’ li int u jħallik taqta’ għal rasek.  Minn ġewwa tibda tħoss il-kruha ta’ waħdek:  mhux li tkun waħdek, imma li tħossok waħdek. U din il-ġrajja tkun ħloqtha int.

La bniedem dħaqt bih għax tajtu tamiet fiergħa, għax wasaltlu xbihat mistħajla,mhux se ssibu jersaq lejk, għax tkun għamiltlu ġerħa.  Dak li tiżra’ taħsad u l-kliem ma jmurx mar-riħ iżda jibqa’ jgħum fil-moħħ u fil-qalb.  Aħjar fomm sieket milli paroli.  Aħjar fomm mitbuq milli ħsejjes bla fejda.  Bostaħakkiema wiegħdu, għadd ta’ għemejjel.Taw ħoss ta’ kelma.  Is-snin ta’ wara wrew li kollox kien duħħan.

Aħseb:  ħabib jgħidlekk ‘ok niġi’ u ma jiġix u negozjant jgħidlek naqdik u ma tarahx.  Dan darba jkun hu minn fuq; darb’oħra tkun int.  Kelma jew tifhimha u għedtha, inkella żommha midfuna.

Tabilħaqq

Il-moħħ mhux dejjem jixgħel il-ħin kollu.  Hemm waqtiet meta xi kantunieri ma jarahomx u b’hekk issir ħabta:  ħabta tal-moħħ jiġifieri jew ikun nesa jew qabeż xi mġiba jew kliem.

Tiġri li tgħaddi minn triq bosta drabi u xi ħadd isemmilek li hemm lapida jew mafkar u int maħsub tifhem li qatt ma rajtu qabel qribek, ħdejk, taħtek u ma lmaħtux.

Kull tant żmien il-moħħ irid rifda,jeħtieġ għajnuna biex iżomm ġdid, fuq ruħu, ċar.

Dawn ikunu kitbiet ċkejkna ’l hemm u ’l hawn.  Għajnuniet ta’ ħwejjeġ differenti, ilwien, daqs ħoss biex ma jgħaddix iż-żmien u l-ġrajja għal qalbek ma’ sseħħx.

Għaliex għandna kemm il-mafkar Malta u Għawdex?  Biex ikollna ċar x’ġara u bis-saħħa ta’ min seħħ.

Ukoll il-bnedmin qrib tagħna għidulhom għeżież jekk tridu jew maħbubin jekk jaqbel, jew qraba jekk jgħid id-demm. Dawn ikunu ħdejna u ma nintebħux, inħarsu u ma narawx.  U dan għax m’aħniex naraw tagħna biss; inħossu tagħna biss; nifirħu b’tagħna biss; nibku b’tagħna biss.

Jinqala’ l-għawġ, jintemmu ħbiberiji għax kulħadd għal riħu u TABILĦAQQ ma ntebaħx .

Qum minn nagħas u l-ħedla:  taf x’inhu jsir madwarek?  Qed tonqos lil xi ħadd li għandu jeddgħal ħinek; għall-għożża tiegħek; għall għajnuna; għall-flus li għandek tagħtih?

Moħħok hemm xħin tgħid il-kelma ‘tabilħaqq’ jista’ jkun li dak li ġara ġara u ma tistax iġġibu sew. Aħseb issa biex fis-siegħa tal-prova ma toħroġx tellief.

Kultant, lil moħħok agħtih tiġbida ta’ mħabba!

Maltese for Foreigners

Maltese for Foreigners

Course Books Series

14 books, CD or USB, 3 Syllabi

Maltese for Foreigners is a bilingual (Maltese/English) book series based on the Common European Framework of Reference for Languages (CEFR). It consists of three levels:alt

Level A1 (Beginners–Elementary) includes three books: My First 750 Words in Maltese, Maltese Grammar Essentials in Context 1 (with sections on Maltese culture) and Speaking Maltese 1.

Level A2 (Elementary–Pre-Intermediate) includes three books: More Words in Maltese, Maltese Grammar Essentials in Context 2 (with sections on Maltese culture) and Speaking Maltese 2.

Level B1 (Intermediate) includes Further Words & Expressions in Maltese, Maltese Grammar Essentials in Context 3 (with sections on Maltese culture), Speaking Maltese 3 and two bilingual readers: Reality and Rocco Learns Karate.

Level B1 (Medical Maltese) includes three books specifically designed to teach Medical Maltese named: Medical Maltese Words & Phrases, Speaking Medical Maltese 1, Speaking Medical Maltese 2.

The book series is complemented with a CD or a USB containing the audio files linked to the books so learners can listen to native Maltese speakers reading the text and dialogues. In addition it also has a syllabus for each level based on the CEFR which can be downloaded for free.

The bilingual series is based on a needs analysis, which Charles Daniel Saliba (PhD) has conducted with foreigners learning Maltese and instructors teaching Maltese to foreigners. He published his research, ‘Teaching Maltese as a second language to adults,’ as a chapter in Informing Educational Change: Research Voices from Malta, edited by D. Hyatt, P. Clough and C. Nutbrown. The book was published by the University of Sheffield.

The three books in the A1 level of this series are available in Italian-Maltese versions: Le mie prime 750 parole in Maltese, Grammatica Maltese essenziale e contestuale 1 and Parlo Maltese 1.

For more information, please visit: www.charlesdanielsaliba.com

Disgħa min-nies f’garaxx

altHi ħajja differenti li fis-sajf ikollok post ħdejn il-baħar. U bħalissa hekk qed nagħmlu. Qed noqogħdu Buġibba għas-sajf. Il-papà jibqa’ ġewwa, għax ix-xemx u l-baħar ma jħobbhomx u jien u ħuti, mal-mamà u n-nanna ninżlu ħdejn il-baħar.

Qed noqogħdu f’garaxx li z-ziju Willie kera xhur ilu mingħand wieħed furnar mir-Rabat, magħruf bħala l-Bloqq. Jien mort miegħu meta krieh. Jidhirli Lm12 fis-sena. U qabel ma tlaqna mill-forn, il-Bloqq żerżaqli borża qagħaq f’idejja.

Maż-żmien, iz-ziju Willie rranġa l-garaxx mill-aħjar li seta’. Qasam il-fond fi tnejn, b’ħajt diviżorju tal-injam, b’bieb fin-nofs u żewġ twieqi fil-ġnieb.

 Il-parti ta’ barra sservi bħala salott u kamra għall-ikel u fuq ġewwa għal xi sodod. F’rokna n-naħa ta’ ġewwa nett ħalla qatgħa għall-kċina u n-naħa l-oħra għalaq parti għal sedil tal-injam li jeħel mal-ħajt fuq barmil.

Iż-żminijiet għadhom bikrin. Fil-fetħa fejn hawn dan il-garaxx, jinsabu oħrajn, kollha bħalu. F’tarf tal-fetħa hawn sqaq li jagħti għal Triq ….. u fil-genb tiegħu hawn kamra ċkejkna mgħammra b’WC wieħed, komuni  għal kulħadd u vit tal-ilma wieħed, li minnu nimlew l-ilma għall-bżonnijiet kollha ta’ matul ix-xhur li nqattgħu hemm. Anki għad-dawl għandna ftit problema. Ħadd ma għandu provista elettrika. Allura kulħadd bix-xema’ jew bil-lampi tal-pitrolju. Fil-garaxx tana għandna mantel light, li tagħti aktar dawl. Iżda kultant hu gost tidħol fil-garaxx u tara d-dell tiegħek stess jiżfen skont it-tbandila tal-ilsien tan-nar jew il-fjamma.

altMoħħ iz-ziju Willie jaħdem mhux ħażin. Minħabba f’dawn il-problemi naturali ħaseb għal speċi ta’ WC  privat li kull xħin xi ħadd jużah imur ibattlu. Naturalment l-aktar li jaqa’ dan ix-xogħol ikun fuqi, fuq ħija Paul u forsi tnejn oħra li mhumiex ċkejknin wisq.

Ħaġa oħra li ħaseb sew iz-ziju Willie hi speċi ta’ kaxxa kwadra li qegħidha fuq is-saqaf ta’ din il-kamra tad-WC, u nistgħu nimluha bl-ilma, li jinżel minn kanna għal vit fil-kċina. Ta’ kuljum, nistenbħu u mmorru noqogħdu fil-kju għall-ilma. In-nies l-oħra joħduh biex jinqdew bih dak il-ħin, u aħna biex dejjem inżidu l-provista fit-tank li għandna fuq is-sink tal-kċina.

Issa li z-ziju Willie jislifna dan il-post, hu l-għors tagħna t-tfal, li niltaqgħu ma’ tfal oħra u noqogħdu nilagħbu s-sajf kollu. Mill-istess inħawi qed nagħmlu ħafna ħbieb tamparna. Fosthom jiġu John u Manol, it-tfal tal-Avukat Buttigieg mill-Ħamrun. Noqogħdu nilagħbu b’kulma jiġi f’idejna. Xi mindaqqiet in-noli ma tonqosx għalkemm qisna f’bitħa tal-ġenna fejn lanqas karozzi ma tara. In-naħa l-oħra tal-isqaq għandna ċint b’veduta ta’ għelieqi li twassal sal-lukanda Canberra, fil-bidu ta’ San Pawl il-Baħar. Tassew ġenna tal-art għal nannti, ommi u missieri, li ta’ kull filgħaxija, wara li x-xemx iċċedi postha għall-qamar ta’ dawl dgħajjef, nintasbu fuq siġġu ħdejn iċ-ċint għar-rużarju u wara li nidħlu nieklu xi ħaġa, nerġgħu noħorġu u ninġemgħu mar-residenti kollha tal-garaxxijiet, inpaċpċu sa ma jagħmel bina n-nagħas.

Kontra l-Blata l-Bajda, il-ħwienet jinsabu ftit ’il bogħod. Għalhekk meta niġu biex nixtru, immorru jien u Paul. Meta tkun se tixtri n-nanna nkun irrid inħallas jien biex inżomm xi ħaġa żgħira għaz-zija Connie, li tibqa’ warajna ddur bin-nannu u z-ziju Fred, li ma jiġux magħna.

Iżda lanqas kieku jridu ma hemm fejn joqogħdu, għax għal disgħa min-nies, il-garaxx bilkemm mhux ċkejken. Għalhekk, għax inħoss għaz-zija Connie, nfaddlilha xi sold ħalli jkollha biex tixtri s-sigaretti.

Dan l-aħħar Paul induna u kżani. Għalhekk m’hemmx aktar flus għas-sigaretti. Dawk jagħmlu ħażin għas-saħħa!

Nixtieq li dan is-sajf ma jgħaddix. Għalkemm f’dan il-garaxx, ta’ forsi 22 pied b’għaxra, ninsabu l-mamà il-papà, in-nanna u sitt itfal, xorta nħoss li għandna ferħ akbar minn dak li toffri d-dar tal-Blata l-Bajda. U l-irqad fuq il-kutri fl-art flimkien ma’ ħuti, hi esperjenza ġdida.

It-tqaxxir tal-leħja

Fid-dar għadna bil-buqari u l-friskaturi għall-ilma. Taħt il-vitien għandna t-trepied tal-ħadid u fuqu friskatur tal-enamel. Fil-kmamar tas-sodda, għandna l-lavamani tal-kewba, bil-wiċċ tal-irħam b’toqba kbira tonda fiha. Hawnhekk jidħol il-friskatur taċ-ċaqquf, waqt li fil-ġenb tal-irħama, jitqiegħed il-buqar pariġġ.

Ta’ kull filgħodu, meta nqum, immur naħsel wiċċi fil-kamra tal-banju, li tikkonsisti f’WC, u trepied bil-friskatur tal-enamel. Iz-ziju Fred juża l-ilma li għandu fil-buqar tal-lavaman, li jferrgħu fil-friskatur. Ix-xugaman jużah għalih waħdu u wara li jlesti minnu jitwih pulit mill-ġdid u jqegħidu fuq il-buqar.

Lin-nannu ma nilħqu qatt iqum jaħsel wiċċu, għax iqum ferm qabli, iżda wiċċu dejjem nadif u lixx. Lanqas leħja ma taralu. Bilfors li jqaxxarha filgħodu kmieni. Naf li għandu pinzell bħal taz-ziju Fred u naf ukoll li juża x-xafra tal-marka Nacet.

Jien ma nħobbx immiss dawn ix-xfafar, għax fuq il-karta tagħhom jidher kukkudrill kbir u xafra minnhom qed taqtagħlu rasu! Aħseb u ara x’tagħmilli lil subgħajja!

’L isfel minna hawn ħanut ta’Ġorġ Pintley li jinsab fil-kantuniera ma’ Sqaq Miggiani. Fost ħafna affarijiet oħra, Ġorġ ibigħ is-sapun tal-leħja, bħalma juża n-nannu, bl-użin. Bi ftit minnu mal-pinzell, tgħidx kemm titla’ rawgħa!

Iz-ziju Fred ma jużax xfafar. Darba iva u darba le, narah jagħmel il-leħja. Juża mus apposta. Fil-kamra tas-sodda, maġenb il-lavaman għandu stand twil tal-injam li ma ’fuq nett tiegħu hemm grampun. Miegħu idendel mera ħoxna bi kwadrant tal-injam ta’ xi pulzier. Is-sapun tal-leħja li juża z-ziju Fred għandu għamla pulita. Mhux minn tal-użin iżda jixtrih f’bott tal-landa blu skur. L-isem tiegħu hu Erasmic. Ifuħ ħafna meta jagħmlu ma’wiċċu.

Qabel ma jkollu wiċċu kollu rawgħa, iz-ziju Fred isinn il-mus. Jagħlaq il-kontraporta ta’ bieba  waħda tal-bieb tal-kamra tas-sodda bil-firrolli għax wara din il-bieba għandu biċċa ġilda twila, apposta, biex magħha jsinn il-mus. Din il-ġilda tinsab marbuta min-naħa minnhom. It-tarf l-ieħor jaqbdu b’idu x-xellugija u bil-mus fl-id l-oħra jsinn naħa hu u jtella’ idu ’l fuq u n-naħa l-oħra meta jinżel lura. Jagħmel hekk xi sitt darbiet.

Imbagħad għandu qisha lembuba, iżda flok b’żewġ mankijiet, b’manku wieħed u flok tonda, ċatta. Din hi magħmula minn speċi ta’ sufra ħoxna, u wara li jsinn il-mus mal-ġilda, jgħaddi ġenb u wara ieħor minn fuqha. Ladarba dan ix-xogħol ilestih, ikun jista’ jagħmel is-sapun ma’ wiċċu u jibda jqaxxar.

Ikollu kollox lest miegħu. Għal-leħja, flok ma juża ilma kiesaħ, kif nagħmel jien u wkoll hu meta jaħsel wiċċu, ikollu stanjata bil-misħun u jferrgħu fil-friskatur. Dan il-misħun tlestihulu z-zija Connie, fuq il-kuċinieri, isfel.

Idejn iz-ziju Fred huma tal-għaġeb, għax fejn taf b’liema mod iduru ma’ wiċċu kollu hu u jqaxxar il-leħja. U bil-mus ma tilgħabx! L-ewwel nett għax hu perikoluż aktar mix-xafra ċ-ċkejkna u wkoll għax peress li hu ikbar, jaf jaqta’ iktar malajr.

Kemm in-nannu, kif ukoll iz-ziju Fred għandhom qisha silġa. Fit-togħma mielħa wisq. Huma jużawha biex iwaqqfu d-demm li joħorġilhom jekk jolqtu wiċċhom. Jgħidulha ‘xedd il-ġmied’.

Wara t-tqaxxira tal-leħja ngħid liz-ziju Fred biex immisslu wiċċu. Il-istrina, kemm hu lixx u jiżloq! La nikber ma nużax xfafar. Bil-mus, il-wiċċ jiġi isbaħu tqaxxira bih iddum iżjed!

Kultant, meta mmur għand Ġeraldu naqta’ xagħri, ġieli jmissli n-naħa t’isfel tal-barbetti  u n-naħa ta’ wara ta’ għonqu bil-mus tiegħu. Kif narah f’idu, nisserja u noqgħod dritt stirat, li ma jmurx jolqotni ħażin. L-iskola, mhux darba u tnejn li meta xi ħadd jaqta’ xi mistoqsija diffiċli tal-għalliem, ngħidulu li “jaqta’ daqs mus tal-leħja!” Allura, xi trid aktar?!

Il-forn tal-ħobż u l-ikel

altWara li nasal mill-iskola, li tispiċċa fl-erbgħa, niekol u għal xi l-erbgħa u nofs immur għall-ħobż. Il-furnar li nixtru mingħandu jinsab fi Triq Nazzarenu u maġenbu hemm il-Mużew tad-Duttrina li nattendi wkoll.

Il-ħobż, bħall-għaġin, zokkor u żejt, hu bir-razzjon. Irrid nieħu miegħi il-kartun biex iniżżilli fuqu li nkun ħadt sehem il-familja tan-nannu u taz-ziju Fred u Dwardu. Sid il-forn hu Taljan. Jismu Pierino Perotti. Raġel xiħ u oħxon. Fil-forn ikollu n-nies  jaħdmu l-ħobż. Ibnu Remo jservi lin-nies u Pierino jitħallas.

Il-forn hu kbir. Imqassam f’żewġ kmamar kbar. F’waħda hemm il-forn u n-nies jaħdmu u fl-oħra li hi kbira wkoll hemm qatgħa b’bank bħal tal-lottu, qisha gaġġa b’kaxxier, (fejn joqgħod Pierino) u l-kumplament imdawwar b’tilari tal-injam li fihom jitqiegħed il-ħobż jaħraq nar. Imbagħad bank ċkejken b’miżien fuqu. Il-ħobż ta’ Pierino fih l-għamliet. Barra mill-kbir (tar-ratal) u ż-żgħir (tan-nofs artal) Pierino għandu l-ħobż tal-Malti, tas-Salib u dawk magħrufin bħala tal-kexxun. Kollu ħobż frisk u nadif. Tant li bi xkupilja apposta, Pierino jfarfar kull qiegħ ta’ ħobża biex itajjar mid-dqiq żejjed. Ħadd ma jpejjep fil-ħanut tal-forn.

Għall-użin ma jilgħablu ħadd. Kważi rett iżżejjed. Tieħu jew tagħżel ħobża: bieba jew ġenbha (jiġifieri mdawra kollha bil-qoxra) u Remo jqegħidha fil-miżien. Jekk tieħu aktar minn waħda xorta wkoll. Jintiżnu u jekk il-piż ma hux skont ma trid int, iżidlek bil-ġonta. Jekk il-ħobża li trid hi iktar fil-piż, jew tħallas aktar, jew jaqtagħlek biċċa minnha.

Hu l-gost tiegħi meta nixtri l-ħobż ftit ħafif. Remo jdawwar is-sikkina ma’ ħobża friska u jaqta’ kisra biex il-miżien jinżel. It-triq sad-dar isservi biex nilħaq niekol dik il-biċċa ġonta sħuna u tajba.

Mhux darba w tnejn li n-nanna tinduna x’inkun għamilt, għax ma’ ħalqi jibqagħli xi trab tad-dqiq tal-ħobż. Tgerger u tirrabja, għax tgħid li barra m’għandu jiekol ħadd. “Jekk tiekol barra ma tiżżewwiġx”, spiss tirrepetili. U jien noqgħod attent biex nipprova nobdi għax nismagħhom jgħidu li kliem ix-xiħ żomm fih.

Bejn il-forn tal-ħobż u d-dar tan-nanna hawn forn ieħor. Insibuh bħala l-forn tal-kafè. Meta jqabbduh, tgħidx x’riħa jkun hawn fl-inħawi. Mingħand Ġużeppi tal-kafè mmur nixtri bin-nofs kwart. Ġieli xtrajt żewġ nofs kwartijiet separati u differenti. Iżda ngħid għalija t-togħma nsibha xorta. U jekk il-kafè tal-użin ma tkunx tħobbu trid tieħu bilfors it-tè, li wkoll hu tal-użin u msajjar. Madankollu jien inħobb kollox, la mid-dar.

Il-forn tal-kafè nużah ukoll biex nieħu l-ikel nhar ta’ Ħadd. Ġużi jkun jistenna lil kulħadd. Nagħtih id-dixx u jekk ikun bil-patata u laħam ngħidlu jżidlu l-ilma, għax in-nanna  u z-zija jħalluh skars biex ma nwaqqax fit-triq. Fuq patata minnhom iwaħħal pjanċa b’numru, li ieħor bħalu jagħtihuli biex nieħdu miegħi. Meta mmur għall-ikel mill-forn, nagħtih in-numru u hu jsib dak pariġġ minn fuq it-tilari tiegħu.

Kull dixx jitqiegħed fuq mejda kbira, li taħtha għanda kexxun imdaqqas. Meta ma nagħtihx flus eżatt, Ninu jew ħutu, jiftħu l-kexxun tal-mejda u jagħtuni l-bqija minn bosta bwieqi li hemm.

Xħin f’nofsinhar nasal għand Ġużeppi, il-ġuħ ikun qed jagħmel tiegħu. U meta tilmaħ lin-nisa kollha u tfal jimbuttaw biex jieħdu l-ikel tagħhom l-ewwel, nagħmel bħalhom. Għax fejn taf xi tħoss, tara dawk id-dixxijiet kollha b’ikel differenti u tiegħek għadu ma wasalx. Jagħtik l-aptit tinxteħet fuq tarġa u tnaqqar sa ma tixba’. Iżda kliem in-nanna dwar l-ikel fit-triq nisimgħu f’widnejja l-ħin kollu.

Madankollu, wara li nieklu, ninduna kemm in-nanna, iz-zija Connie u ġieli n-nannu, jieħdu ħin biex isajru, ħalli mbagħad, f’nofs siegħa nkunu kilna kollox. Iżda wara l-ikel…. ikun fadal il-ħasil tal-platti. Miskina z-zija Connie. Ix-xogħol tat-tindif tad-dar, kollu fuqha jaqa’. 

Għand tal-grocer

Fi Triq il-Kbira l-Ħamrun m’aħniex neqsin mill-“grocers”. Ħanut minnhom maġenbna, tliet bibien bogħod mid-dar. Insibuh bħala ta’ Marija l-Għawdxija, għax hi minn Għawdex. Ieħor fil-kantuniera, ta’ Ċikka, u kif taqsam il-kantuniera u taqbad il-bankina l-oħra hawn il-“grocer” ta’ Toni ta’ Balalu.

Meta n-nanna tkun tridni nixtrilha xi ħaġa mmur għand Marija, l-ewwel nett għax viċin tagħna u t-tieni għax it-tfal tagħha, Nenu, Ġużi u Lolly huma ħbieb tiegħi. Id-dehra tat-tliet ħwienet hi antika ħafna. Xkaffar għoljin bil-prodotti fuqhom, kaxxi mferrxin kullimkien fl-art, kxaxen goffi għall-għaġin tar-razzjon, tankijiet tal-45 gallun biż-żejt, li wkoll jinbiegħ bir-razzjon, vetrini għall-ħelu u oħra għall-ġobniet u l-laħmijiet bħal perżut, murtadella u luncheon meat tal-użin.

Sa issa, kollox tixtri bin-nofs kwart u nofs nofs kwart. Ġieli nixtru x-xaħam bl-użin, li jkun f’laned kbar. Ir-riħa tiegħu tinten. Bih nagħmlu l-qali tal-ikel, u lin-nannu ġieli narah jidlek il-ħobż bih. Fit-tisjir, ir-riħa tiegħu inxommha wkoll, iżda ħaġa tal-iskantament naħseb li fit-togħma, l-ikel jiġi aktar bnin.

Anki l-kunserva tinbiegħ bl-użin. Tal-ħanut iqegħidha fil-karta strazza u jiżinha. Ta’ tfal, l-aktar li jogħġobna hu l-grass fil-landa tal-perżut. Joħloq furur. It-tfal kollha tat-triq bl-imħatra min jilħaq jixtrih l-ewwel. Lolly ġieli javżani u jerfagħhuli. Aħna ħbieb sew, tant li anki meta ħarġu kupuni ma’ kull xirja, li ħafna minnhom jitbiddlu ma’ xirja b’xejn, ibigħli wieħed b’xi sitt ħabbiet. Naħseb li nannti jaqblilha wkoll.

Mingħand Ċikka n-nannu jibgħatni nixtrilu l-aringi ppurfumati. Ir-riħa tagħhom tfuħ wisq. Ikun iridhom bl-attun, għax l-aringi tista’ jew tixtrihom bil-bajd jew bl-attun. Ngħid għalija t-tnejn inħobbhom sal-lum. Ma’ aringa, kemm jien kif ukoll hu nieklu ħobża kbira. Għall-ikel, lil nannuwi tilgħablux. Anki rota ħobż, trid tkun qisha bankina, inkella jgħidlek li l-“ostji għall-knisja biss tajbin”.

Għand Ċikka nħobb immur għax ma’ barra, fuq it-tarġa għandha vetrina bil-ħelu li hu differenti minn tan-nannu. Fosthom għandha pakketti bi “chewing gum” ċkejkna li magħha jkollok tliet ritratti kbar tal-ġungla. Meta nakkwista xi sold ’l hawn u ’l hinn nerfgħu għal meta mmur għandha. Imbagħad inpartat l-istampi pariġġ ma’ ħbiebi tal-iskola.

Il-ħanut ta’ Toni ta’ Balalu hu l-aktar ’il bogħod. Toni raġel kwiet u nadif. Għandu kalma tal-għaġeb. Qisu qaddis. Fuq il-bank, għandu nkwatru bil-bambin dejjem mixgħul. Bħala ħanut naħseb li hu l-aktar kwiet. Forsi għax ibigħ raġel u għalhekk in-nisa ma jaqbdux parlati.

Fil-ġenb tal-lemin għandu bankijiet tal-injam fejn iżomm l-affarijiet tar-razzjon. Fuqhom għandu l-ixkafef bil-bottijiet. Man-naħa l-oħra bank wiesa’ u fuqu xkafef b’tazzi u maggijiet għall-bejgħ. It-tazzi dejjem mingħandu nixtrihom. Sikspenz (2ċ5m) ’il waħda. Il-maggijiet għandu ħafna kwalitajiet. Żgħar u kbar, tal-pyrex jew taċ-ċaqquf, lewn isfar skur b’kannizzati suwed fuqhom.

Nhar ta’ Sibt filgħodu n-nies ma tabbastax tixtri. Immur xħin immur fil-grocers, dejjem mimlijin nies. Il-Ħdud jiftħu wkoll, sa nofsinhar. L-agħar ħinijiet huma meta jitqassam ir-razzjon. Min jaf s’issa kemm xtrajt razzjonijiet. Immur b’żewġ kartuniet ħodor (ir-ration card) li jġibhom minn xi uffiċċju z-ziju Fred, u tal-ħanut jingassali d-dati u l-affarijiet li nieħu. Naturalment għandna żewġ razzjonijiet, għax in-nannu, in-nanna u z-zija Connie huma familja għalihom u z-ziju Fred u z-ziju Dward huma żewġ aħwa li jgħixu flimkien magħna.

Ir-razzjon jikkonsisti f’ħalib tal-bott bħall-ieħor li nixtru iżda orħos fil-prezz, żejt, li wkoll ikun irħis, zokkor u għaġin. Dan tal-aħħar hu bl-għażla – sakemm jibqa’ — jew imqarrun twil pied u spagetti, pinen, tarja, tal-brodu jew makkarunelli. Peress li hu bl-użin, u jasal għand tal-ħanut fi xkejjer ma tantx jibqa’ sħiħ, almenu tal-qiegħ u tal-ġnub. Iżda kulħadd jixtrieh u jikkunsmah.  

Ħjata tal-ħwejjeġ u traqqigħ

altMatul il-ġimgħa, hekk kif bħalissa; fil-jiem xitwin, nirritorna mill-iskola primarja ta’ wara l-Għassa tal-Pulizija, tal-Ħamrun, fl-erbgħa ta’ filgħaxija, spiss insib lin-nanna Alice tħit il-ħwejjeġ. Il-membri tal-familja tagħna lkoll nilbsu minntaħt idejn in-nanna Alice.

Ġeneralment, is-Sibt tifrex id-drapp fuq il-mejda tal-kewba fil-kamra tal-pranzu, tfassal u taqta’ d-drapp għal-lest. Mhux darba u tnejn li f’xi Sibtijiet, minn filgħodu tiġi z-zija Carm, il-mara taz-ziju Turu, li jiġi ħu n-nanna u jfasslu u jaqtgħu d-drapp flimkien. Imbagħad matul il-ġimgħa, in-nanna tħit minnlibsa għall-oħra, minnqalziet għall-ieħor jew minnġakketta għall-oħra.

Il-Ħadd li għadda, kmieni filgħodu, mort magħha fuq il-Monti, fi Triq il-Merkanti l-Belt. Hemm miksi bil-karettuni, ilkoll ibigħu minndrappijiet, ġugarelli, xtieli, ħut tal-ilma ħelu, żrieragħ eċċ. Man-nanna Aliceimmur biex tagħmel ix-xirja tad-drappijiet. Kif tilmaħ drapp polka dot,  fuq l-iswed, wiċċha jieħu d-dawl. L-iswed tħobbu wisq, għax tgħid li hu l-aktar kulur eleganti.

Nersqu lejn il-bejjiegħ u għall-prezz li jagħtiha, tnaqqaslu. Ma jaqblux, u nitilqu minnhemm, sa xħin wara ftit nisimgħu lill-bejjiegħ isejħilha u jaqbel li jagħtiha d-drapp bil-prezz li tkun trid.

Id-dar għandna gradenza mimlija bid-drappijiet. Metajiġu waqthom, in-nanna tfassalhom u tħithom.

Il-ħjata tagħmilha bil-magna tal-ħjata tad-ditta Singer li titħaddem bis-saqajn. Tgħid li kien ġabhielha n-nannu Karm. Kien ħadem xi għamara lil xi ħadd u ma kellux biex iħallsu. Allura qablu li jpartu x-xogħol mal-magna. Il-mejda tagħha għandha l-ġnieb tal-ħadid fondut bid-disinn u l-wiċċ tal-injam. Fuq in-naħa tax-xellug hemm kexxun ċkejken għall-labar, imqass, ħajt u inch tape, li ngħidulu inches u mal-ġenb tiegħu jinżel bħal ġewnah, imwaħħal biċ-ċappetti, biex il-wiċċ tal-magna jkun jista’ jitwal u d-drapp jitqiegħed aħjar.

Mill-magna għall-pedala tas-saqajn tinżel ċinga tal-ġilda, li ddawwar ir-rota żgħira, fuq nett, in-naħa tal-lemin tal-magna ma’ rota ferm ikbar fuq l-istess naħamal-ġenb t’isfel. Din iċ-ċinga ġieli tinqata’ minnfejn tkun imġonġija bi speċi ta’  staple tal-fildiferru kemxejn oħxon. Din iċ-ċinga ġieli nixtruha ġdida mingħand il-ħanut ta’ Singer fi Triq Irjali, l-Belt.

Metan-nanna Alicema tkunx qed tħit u lanqas tkun qiegħda viċin tal-magna, nieħu gost noqgħod bilqiegħda fuq il-pedala u ndawwar ir-rota l-kbira tal-magna, taparsi qed insuq karozza. Jekk tilmaħni tibda tgorr, għax tgħid li nista’ nagħmlilha l-ħsara.

In-nanna Alice hi ħajjata prima.

Meta mmur għand in-nanna Nes, insib xena oħra — din id-darba ta’ tiswija. In-nanna Nes ma tħitx,iżda n-nannu Pawl kien ġabilha qisha boċċa tal-irħam, li tużaha biex issewwi l-irqajja’ tal-peduni. Hi taqleb ta’ taħt fuq il-peduna mtaqqba, iddaħħal il-boċċa min-naħa ta’ barra u tħit minndik ta’ ġewwa t-toqob li jkun hemm. Il-punti tat-tiswija tagħmilhom forma ta’ kannizzata, biex mhux talli r-roqgħa tkun b’saħħitha, iżda minnbarra tkun inviżibbli u ma jintremewx peduni bla bżonn.

Bħalissa, s-snin ħamsin, il-pagi u l-flus fl-idejn għadhom skarsi. Tista’ tgħid li n-nisa tad-dar, kollha jafu jħitu u rari ferm jixtru xi ħwejjeġ lesti. L-għaqal ta’ kull mara Maltija u Għawdxija hu xi ħaġa tal-għaġeb!

Il-fran u l-ikel fil-Ħdud u l-festi

BDL Books - Dak kien Żmien

Fil-kantuniera l-oħra tar-Radio City, lejn il-Ħamrun hemm sqaq bejn il-bini u l-forn tal-Bażikk. Faċċata tagħhom tul dan l-isqaq, għalina t-tfal hemm qisha muntanja ta’ blata sħiħa min-naħa għall-oħra.

Il-Bażikk ikollu ħobż tal-Malti mit-tajjeb u għal xi żmien, flok ma mmur għand Pierino għall-ħobż tal-kexxun (tal-Franċiż), jew tal-Malti, li hu kategorizzat bħala tas-sikkina jew tas-salib, immur għandu. Anki bil-forn ġieli mmur, għalkemm hawn, fil-Blata l-Bajda, u fil-qrib, għandna erbat ifran – ta’ Pierino; ta’ Nicholas Borg, magħruf bħala tal-kafè, għax ibigħu u jitħnu l-kafè; tal-Bażikk u ftit aktar ’il bogħod, kif indur mal-aħħar mina u ninżel lejn il-Marsa hemm ieħor, li ma tantx immur għandu.

L-aktar forn li jidher antik hu tal-Bażikk. Il-Bażikk raġel qsajjar, b’żaqq forma ta’ katuba u jpejjep is-sigarru. Dejjem b’xi sarvetta mdawra ma’ għonqu. Ta’ Pierino u ta’ Borg aktar moderni u aktar indaf. L-akbar wieħed hu ta’ Borg u fil-Ħdud u l-festi, għandu l-aktar li jaqgħu nies biex isajru l-ikel.

Fil-faċċata ta’maħżen imdaqqas sew, hemm il-forn. Aktar lejn il-bieb ta’ barra, fil-jiem tal-forn jagħmel imwejjed twal li jifirdu lin-nies mill-parti ta’ ġewwa fejn ikun hemm Ninu jew ħutu jservu d-dixxijiet imsajrin. Bejn il-mejda u l-forn, speci ta’ dresser bla bibien, iżda b’purtiera, fejn iqiegħdu d-dixxijiet ta’ dawk li ma jaslux għalihom fil-ħin li jgħidulhom.

Allura mad-9.30 a.m. jew l-10.00 a.m. immur bl-ikel nej, f’dixx mgħotti b’karta strazza u fuqha sarvetta, jew inkella sarvetta mill-ewwel, nidħol u nqiegħdu fuq il-mejda. Ninu jew xi ħadd minn ħutu, jaqbad żewġ pjanċi żgħar bl-istess numru msammar fuqhom, jagħti wieħed lili u l-ieħor ideffsu fl-ikel. Jgħidli wkoll xħin għandi mmur għalih.

In-nanna dejjem tgħidli biex ngħidilhom joħorġuh f’nofsinhar – naturalment biex jibqa’ sħun u biex tal-forn ikun jaf xħin għandu jdaħħlu.

Kull forn għandu buqar mimli ilma, biex jekk is-sid jara li d-dixx ma jkollux ilma biżżejjed, iżidlu. Dan minħabba li jekk ma jagħmilx hekk, l-ikel, jinħaraq.

Għall-ħabta ta’ nofsinhar immur għad-dixx. Ġieli mqarrun jew lasagne (li aħna nirreferu għaliha bħala fdewwex) u ġieli laħam, tiġieġa jew qarabagħli mimli. Meta d-dixx ma jkunx bl-għaġin, dejjem ikollu l-patata l-forn miegħu. Ir-riħa bnina li jkun hawn f’kull forn, taqsamlek l-aptit, għax f’forn bħal dawn, l-ikel differenti ta’ kulħadd qisu jagħti palat differenti u aktar appetituż lill-ikel ta’ kull wieħed u waħda.

Għal biex inġib id-dixx id-dar, nerġa’ nieħu l-karta strazza u s-sarvetta, jew is-sarvetta biss u biċċtejn kartun, biex jekk id-dixx ikun jaħraq, naqbad il-widnejn tad-dixx bihom.

It-tentazzjoni tul il-biċċa triq mill-forn għad-dar hi kbira mmens. Nixtieq nieqaf fuq tarġa ta’ xi ħadd fit-triq biex innaqqar imqarruna maħruqa, jew niġbed xi patata tal-wiċċ. Iżda peress li n-nannu bil-ħanut tal-bazaar u lin-nanna jkellmuha ħafna nies, malajr jgħidulha xi nkun għamilt. U jekk issir taf li kilt xi ħaga fit-triq, għajr għal xi biċċa ċikkulata jew ħelwa, tagħmilli qorti sħiħa.

Għalhekk nagħmel mortifikazzjoni sa ma nasal id-dar, u nwassal id-dixx fuq il-mejda tal-ikel. Hemmhekk ningħata permess niġbed għaġina jew patata l-forn.

Meta npoġġu mal-mejda mdaqqsa, in-nannu u z-ziju Fred joqogħdu f’irjus tal-mejda, in-nanna Alice u jien f’ġenb u z-zija Connie u z-ziju Willie faċċata tagħna.

Ġeneralment, iz-ziju Dward, jew jiekol aktar tard, xħin jiġi mingħand Ċikku tat-titotla, fejn jiekol xi rock cake mal-inbid, inkella jintasab fuq mejda ċkejkna fil-kċina u jiekol fuqha waħdu, mdawwar bil-kelba Funny u l-qattusa Tanaxja.

L-ikel li jifdal fil-platti, niġbruh u z-ziju Dward iqattgħu irqiq bil-mus biex jitimgħu lill-ħamiem, tiġieġ u fniek, li għandna fuq, fit-terrazzin.