Infendi waħdi

Kemm aħjar taħseb fl-oħrajn, tieħu minn ħinek biex taqdi u tgħin !  Imma meta togħtor int, lil min se ssib?  Isir ħafna diskors fil-knejjes, fir-rivisti reliġjużi, ċivili u ta’ gruppi għal rashom:  xħin tiġi s-siegħa tal-prova tibqa’ ssaffar.

Iva:  tgħid x’tgħid, tagħmel x’tagħmel, inti waħdek!  Mhux l-istess li tħossok waħdek.  Tkun waħdek tfisser li m’għandekx nies ħdejk u miegħek imma f’qalbek taf li hemm min jgħożżok u jridlek il-ġid.

Iżda sew li żżomm f’moħħok u ċar li dak li tista’ tagħmel int, agħmlu u dak li ma tistax tagħmel agħmlu, għax se jiġi waqt li ma tkunx tista’; u tbati u tokrob u tibqa’ fejn tkun.

Jekk tiftaħ oqsma bħall-qari u kotba rqaq, jew qsari ċkejknin, jew inkella namriet bħal pittura, bizzilla, ħjata, mixjiet, żjarat fi mkejjen kulturali ssib li moħħok imqassam u frisk, jaħdem u jrid.  Mhux f’kollox issuq int, hemm dawk li jmexxi ħaddieħor; storbju, żbalji, ngombru, gideb u dawn jekk ma’ tkunx imħarreġ ikissruk u jherruk. Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu; dan jista’ jsir apposta u jista’ jsir għax il-bniedem ma’ jkunx jaf.

Jaqbillek tibda minn issa mingħajr ma tiffissa; lest it-testment jew beħsiebek tagħmlu meta moħħok ikun tar?  Ħabbatt bibien biżżejjed biex meta tiġi fil-ħtieġa ssib?  Mort f’xi dar tax-xjuħ tara kif inhuma u x’jonqoshom?  Xi darba se tispiċċa hemm, trid jew ma tridx.

Ibda għix; orqod bil-qalb, kull bl-aptit, imxi bis-saħħa, aqra kotba li ma jdoqqulekx, ipprova toroq ġodda.  Awstraljan magħruf li deher f’qabda stazzjonijiet tar-radju u  televiżjoni, li kien nieqes sew mis-saħħa stqarr fuq ir-radju Ingliż:  ‘Kont inkun iżjed ħanin u kont nimxi dejjem sew ukoll meta ma rawnix in-nies.  Nagħmel li għandi nwettaq issa; imbagħad għada min rah?

Niftaħ moħħi !

Ġieli jinstaddu l-katusi tar-rimi u trid u ma tridx ikollok tiftaħ għax l-irwejjaħ ma tiflaħhomx.  Jista’ jkun li jkollok tiċċaqlaq għax bniedem diskorsu jdejqek, ukoll tieħu xogħol ġdid għax tkun tlaqt l-ieħor, imma li tiftaħ moħħok mhux lakemm isseħħ.

Int, mlaħħaq u m’intiex, taqra jew ma taqrax, tal-Knisja jew bil-maqlub, taf li kollox tiegħek tajjeb u int biss isib it-tarf tax-xkiel ukoll jekk taħseb li tiżloq u hekk temmen għax jekk xi ħadd ifettillu juri triq, dawl, mogħdija, ħsieb, mhux bħal tiegħek, tibilgħu u tieklu.  Twerwer ukoll minn min jaħseb li hu ċkejken: ukoll jekk ikun tal-Knisja għax ma’ jkunx:  Il-ġrajja ta’ qabilna u  ta’ madwarna dan sqitulna bil-provi.

Biex tiftaħ moħħok l-ewwel ma trid tagħmel hu li trid, ukoll jekk dan ma teħtieġux; hekk taħseb.  It-tieni trid tieħu l-ħin mhux kemm tixtieq int, imma kemm jeħtieġ; smajtu l-qawl: ‘Qattusa għaġġilija frieħ għomja tagħmel’.

Fittex nies li ma jingħalqux u li tarahom barra , ersaq lejhom, tħallat magħhom, tara kemm titgħallem li tinkwieta għalxejn.  Sib mexxej tal-ħsieb u ftehim miegħu jew magħha u ara x’ilissinlek u isma’ u xtarr.

Għama jmexxi l-għama:  it-tnejn jaqaw fil-ħofra.  Moħħ miftuħ ifisser moħħ ħaj u li ħaddieħor ukoll iħossu tassew frisk u ħieles miegħek.  Moħħ miftuħ ifisser li kull persuna timxi skond waqtgħa u għalxejn tgħaġġilha għax timxi għal rasha.  Jekk qrajt dan hu xebbgħek m’għandekx għax tinħassad, moħħok mhux frisk.  Ħasra jekk ma’ ntbaħtx.

Uġigħ

altJekk qatt qattajt lejl fi sptar, ġod-dar u titqalleb min-naħa għall-oħra tistenna li jgħaddi l-lejl għax qawwi l-uġigħ kif tara din il-kelma tiksaħ, tibjad u tegħreq !

Imiss lil kulħadd, żgħar, kbar, m’hemmx ilqugħ, jidħol biex joqgħod.

Hemm l-uġigħ tal-ġisem ġewwa jew barra, jidher jew ma’ jidhirx.  Hemm tbatija tal-moħħ tixtieq in-nies jifhmuk, iserrħuk, ikunu miegħek u dan ma’ ssibux.  U tfittex u tibqa’ tfittex.

Hemm l-uġigħ tal-qalb.  Tistenna li jħobbuk, ifissduk, li jduru miegħek u dan ma ssibux u tistenna u tinfena bil-mod jew malajr.

Hemm l-uġigħ tar-ruħ fejn ta’ madwarek u tal-bogħod m’hemmx wisgħa għal Alla f’qalbhom.

Tista’ f’ġenn taż-żgħożija titħabat biex tneħħi l-uġigħ tal-oħrajn u ma jirnexxilekx u taqta’ qalbek u taqsamha u tieqaf hemm.

Tista’ twebbes qalbek u taħseb għal rasek u l-uġigħ tal-oħrajn iżżommu barra minnek.  Jiġi waqt meta ġġarrab il-madmad tal-uġigħ.

Tista’ iżda toħroġ minnek innifsek, tgħix bil-għaqal u qies u l-uġigħ f’ġismek, f’moħħok, f’qalbek u f’ruħek jibda jiċkien. Jekk ħaddieħor jara fik imħabba, hena u għożża flimkien ma’ ħbiberija, dak li kien uġigħ niffiedi, iebes, jibda jerħi u jnaqqas:  tkunx int il-kaġun tal-uġigħ tiegħek u ta’ ħaddieħor.

Tabib

altImħabbat bix-xogħol, imdejjaq b’ta madwarek u ma għandekx ħin għal saħħtek.  Jiġi waqt fejn kollox jinġabar ma’ kollox u tispiċċa l-isptar bl-uġigħ, taf tmut u tibqa’ kiesaħ.

Jekk mejjet m’intix taqra, ħajtek għixtha u bdiet oħra; la għadek ħaj u  taqra kellem lit-tabib biex tara fiex tinsab.  Sibu ħin kwiet u tkellem miegħu jew magħha u isma’ u jekk tiftakar niżżel biex ma jaqbiżlek xejn.

Il-ġisem imbagħad tal-lum mhux dejjem juri li xi ftit mhux sew jew li jeħtieġ dawra u tkun moħħok banda oħra, tibqa’ għaddej u tieqaf f’daqqa.

Il-mitt xejn qatlu ħmar u għalkem inti tidħol fil-qasam ta’ ħlejjaq tal-moħħ xorta waħda tista’ titlaq.

Il-mard tal-lumhu fin u billi hawn il-meżżi tista’ titraskura mbagħad …

Darba f’sena ara tabib.  Jagħmillek vista sħiħa ara x’jipprova jsemmilek biex inti tieħu ħsieb.  Xorta jista’ jiġrilek kollox avolja tkun għamilt li jmissek imma ghalinqas jekk ikollok tmur ma titlaqx muġugħ.

Bosta kienu dawk li marru bla ħsieb u għadd ieħor se jmur ukoll.  Ipprova tkunx wieħed minnhom:  żomm iżjed minn tabib wieħed biex meta jkun is-safar ikollok l-ieħor.

Aqra fuq is-saħħa, ara programmi televiżi, serji u kun minn ta’ quddiem f’dik li hi saħħa; tal-moħħ ukoll u tal-qalb (imħabba).  Int trid tkun it-tabib tiegħek innifsek, fittex it-tabib u tara kif ħajtek żagħżugħa jew mhix ma jkolliex tkaxkir jew telqa.

Il-ħajja hemm biex tgħixha u t-tabib qiegħed hemm biex jaqdik, fittxu, weġgħhu u qimu.  Saħħa fil waqt.

Għall-Kirjanza

Kemm hawn min jaf jitkellem u togħxa tisimgħu u l-kliem li jingħad idoqq kordi ħelwin ġo qalbek u toħroġ b’għajnejk jgħumu fil-fehma u qalbek tintelaq tistrieħ.  Iżda l-miżien jurik jekk il-kliem li nstema’ kienx mill-qalb jew mill-fomm.

Mhux darba tnejn, tlieta’, erbgħa.  Kemm nixtieq nistiednek id-dar u nitkellmu. Kemm xtaqt inżurek l-isptar. Kemm nieħu pjaċir niltaqa’ ma’ ommok u missierek. Bik ħdejja d-dinja tħossha teħfief.

Għidut bħal dan intqal u billi tkun fl-uġigħ temmnu u maż-żmien tintebaħ bid-daqqiet f’qalbek li min qalu semma bil-ħsieb li jaqlik, li jżommok biered u kwiet u hu jibqa’ għaddej bi ħsiebu.

Tista’ tħajjar int ukoll u diskorsok ikun biex jimla, biex ikompli, biex isebbaħ.  Maż-żmien jinduna u bil-mod il-bniedem jibda jżomm ’il bogħod. Iżommok ta’ li int u jħallik taqta’ għal rasek.  Minn ġewwa tibda tħoss il-kruha ta’ waħdek:  mhux li tkun waħdek, imma li tħossok waħdek. U din il-ġrajja tkun ħloqtha int.

La bniedem dħaqt bih għax tajtu tamiet fiergħa, għax wasaltlu xbihat mistħajla,mhux se ssibu jersaq lejk, għax tkun għamiltlu ġerħa.  Dak li tiżra’ taħsad u l-kliem ma jmurx mar-riħ iżda jibqa’ jgħum fil-moħħ u fil-qalb.  Aħjar fomm sieket milli paroli.  Aħjar fomm mitbuq milli ħsejjes bla fejda.  Bostaħakkiema wiegħdu, għadd ta’ għemejjel.Taw ħoss ta’ kelma.  Is-snin ta’ wara wrew li kollox kien duħħan.

Aħseb:  ħabib jgħidlekk ‘ok niġi’ u ma jiġix u negozjant jgħidlek naqdik u ma tarahx.  Dan darba jkun hu minn fuq; darb’oħra tkun int.  Kelma jew tifhimha u għedtha, inkella żommha midfuna.

Tabilħaqq

Il-moħħ mhux dejjem jixgħel il-ħin kollu.  Hemm waqtiet meta xi kantunieri ma jarahomx u b’hekk issir ħabta:  ħabta tal-moħħ jiġifieri jew ikun nesa jew qabeż xi mġiba jew kliem.

Tiġri li tgħaddi minn triq bosta drabi u xi ħadd isemmilek li hemm lapida jew mafkar u int maħsub tifhem li qatt ma rajtu qabel qribek, ħdejk, taħtek u ma lmaħtux.

Kull tant żmien il-moħħ irid rifda,jeħtieġ għajnuna biex iżomm ġdid, fuq ruħu, ċar.

Dawn ikunu kitbiet ċkejkna ’l hemm u ’l hawn.  Għajnuniet ta’ ħwejjeġ differenti, ilwien, daqs ħoss biex ma jgħaddix iż-żmien u l-ġrajja għal qalbek ma’ sseħħx.

Għaliex għandna kemm il-mafkar Malta u Għawdex?  Biex ikollna ċar x’ġara u bis-saħħa ta’ min seħħ.

Ukoll il-bnedmin qrib tagħna għidulhom għeżież jekk tridu jew maħbubin jekk jaqbel, jew qraba jekk jgħid id-demm. Dawn ikunu ħdejna u ma nintebħux, inħarsu u ma narawx.  U dan għax m’aħniex naraw tagħna biss; inħossu tagħna biss; nifirħu b’tagħna biss; nibku b’tagħna biss.

Jinqala’ l-għawġ, jintemmu ħbiberiji għax kulħadd għal riħu u TABILĦAQQ ma ntebaħx .

Qum minn nagħas u l-ħedla:  taf x’inhu jsir madwarek?  Qed tonqos lil xi ħadd li għandu jeddgħal ħinek; għall-għożża tiegħek; għall għajnuna; għall-flus li għandek tagħtih?

Moħħok hemm xħin tgħid il-kelma ‘tabilħaqq’ jista’ jkun li dak li ġara ġara u ma tistax iġġibu sew. Aħseb issa biex fis-siegħa tal-prova ma toħroġx tellief.

Kultant, lil moħħok agħtih tiġbida ta’ mħabba!

Il-Kaxxa tad-Daqq

Żmien ilu z-ziju Willie staqsieni rridx immur miegħu sa Raħal Ġdid għax kien beħsiebu jixtri kaxxa tad-daqq. Din hi xi ħaġa ġdida. Fid-dar għandna r-radju tan-nannu, li ma jħaddmu ħadd ħlief hu u l-kaxxa tar-Rediffusion. Il-kaxex tad-daqq li jdoqqu diski ma ssibhomx f’kull dar.

altMa domtx ma tajtu t-tweġiba. Qbadna l-karozza tal-linja mill-Marsa u niftakar li dakinhar, għalkemm dawn il-karozzi spiss jagħmluli d-deni, ma ġrali xejn, għax kont medhi b’din il-kaxxa li se nixtru.

Fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, maġenb il-knisja, nsibu raġel jistenniena, ħabib taz-ziju Willie u tamparu. Jismu Victor. Fit-triq qegħdin jitkellmu bejniethom. Jien maqtugħ għalija waħdi, qisni ma neżistix.  Ftit wara, Victor idur lejja u qed jibda jkellem lili wkoll. Ma nafx kif u għaliex qed insemmilu li z-ziju Willie għandu ftit flus mhux ħażin.

Appena nidħlu fid-dar ta’ dak ir-raġel, li mhix bogħod wisq minn fejn waqafna bil-karozza tal-linja, iz-ziju Willie u hu, jidhru li ftiehmu fuq il-prezz tax-xiri. Għalhekk qed jagħtina wkoll basket b’xi kaxxi bid-diski li għandu, u li jindaqqu fuq il-kaxxa. Dawn qed jerfagħhom iz-ziju Willie. Victor qed joffri li jwasslilna l-kaxxa hu sal-karozza tal-linja. Magħluqa, din il-kaxxa tidher qisha bagalja tal-injam milli għad hemm bosta tfal iġibu magħhom.

Fil-karrozza tal-linja z-ziju Willie qed jgħidli li ma ħax gost bija li semmejt il-flus, għax dawk ma kinux affarijiet li għandhom isemmu t-tfal. Sa ma naslu d-dar, qed jagħmilli prietka sħiħa. Iżda qed nara li għandu raġun, ma jmurx jiġi xi ħadd u jisraqlu kollox!

Lanqas nilħqu naslu d-dar li ma noħodlux rasu biex jipprova jdoqq il-kaxxa. B’attenzjoni kbira jagħtiha l-ħabel, jissettjaha għad-diska, peress li tieħu l-kbar tal-74 dawra kull minuta u dawk tal-35 dawra u tlaqna ndoqqu xi diski.

F’waħda mill-kaxxi sibna d-diski tal-mument. Fost dawn, il-Baby Face  u Sixteen tons. Din il-kanzunetta hawn ħafna li jagħtuha verżjoni b’żieda Maltija u jkantawha hekk: Sixteen tons, what do you get, a big mazzita and a small zalzett. Tinstema’ ħafna fit-triq wara li nispiċċaw mill-iskola.

altIl-lum qomt ferħan. Xi ġimgħa ilu, iz-ziju Willie u z-zija Fefa kellhom l-ewwel tarbija tagħhom – tifel. Se jagħmlulu l-magħmudija u peress li l-festin li qed jippreparawlu se jagħmluh id-dar tagħhom, fi Triq it-Teatru l-Qadim, iz-ziju Willie jixtieqni nieħu ħsieb il-mużika jien. Dalgħodu, wassluni d-dar għandu, biex irranġajna kollox għar-riċeviment u qegħdin nippustjaw il-kaxxa tad-daqq f’rokna.

Filgħaxija qegħdin jaslu l-mistednin kollha. Fosthom il-mamà u l-papà u ħuti. Ħuti u tfal oħra qegħdin jinġabru madwari, biex jisimgħu l-kanzunetti u jaraw il-kaxxa tad-daqq kif taħdem. Għalxejn inwarrabhom mill-viċin, kif qalli nagħmel iz-ziju Willie, għax kulħadd qisu jrid jisma’ aħjar.

L-ewwel kanzunetta li se ndoqq hi Sixteen tons. Appena tintemm, it-tfal iridu jerġgħu jisimgħuha u għalhekk, biex nogħġobhom u biex kultant inewluli xi pastina qed nikkuntentahom. Iżda lil xi nies kbar fl-età, li huma mistednin għal din il-festa, qisha dejqithom l-istess kanzunetta u wieħed raġel qed jitlobni ndoqq oħra.

Allura issa jmiss il-Baby Face. Ħuti u l-oħrajn tamparhom qed jinġabru f’ċirku tond u jduru mal-kamra. Nixtieq ningħaqad magħhom, iżda ma nistax, għax l-inkarigu ma jippermettilix.

Il-ħin għaddej ġmielu. Uħud mit-tfal m’għadhomx iduru miegħi għax qabadhom in-nagħas. Jien ukoll nixtieq nieqaf mid-daqq għax xbajt, u għada għall-iskola. Ftit ftit, in-nies qed jitilqu mid-dar. Xi erbgħa jħarsu lejja huma u ħerġin. Ma nafx hux għax għoġbithom l-għażla xejn vasta li daqqejt, jew għax ippreferew id-daqq tal-kanzunetti mill-biki taċ-ċkejken Lino, li tiegħu hu l-festin tal-magħmudija. Hi x’inhi r-raġuni, jekk iddejqu bis-Sixteen tons, ma naħsibx li għandhom għalfejn jiddejqu bil-Baby Face,  għax il-festin hu tal-baby! 

Il-politika f’ħajti

Qed nifhem xi ħaġa li spiss nisma’ lil min jgħid li mhix oġġett għal widnejn it-tfal. Il-kelma babaw – hi ‘politika’. Tagħżel lil xi ħadd biex jiggverna u jmexxi ’l-pajjiż. Bħalissa hawn xi ħames partiti politiċi, li minnhom jistgħu jagħżlu dawk li se jivvutaw. Tan-Nazzjonalisti, tal-Labour, ta’ Strickland, tal-Partit Demokratiku u tal-Partit tal-Ħaddiema Nsara. L-akbar tnejn huma dawk tan-Nazzjonalisti u tal-Labour.

Il-familja tan-nanna Alice, fejn ngħix jien, hi mħallta ftit. In-nanna, iz-ziju Fred u z-ziju Dward huma man-Nazzjonalisti. Mhux għax jitkellmu bosta dwar hekk, iżda meta nistaqsihom xi ħaġa, ninduna. In-nannu Karm le. Dak kien ħaddiem tat-Tarzna u bħall-ħafna, hu Laburist. Ma jibżax juri. Tant li numru ta’ parruċċani m’għadhomx jiġu jixtru mill-ħanut tiegħu u flokhom qed nara numru ieħor ta’ nies li qabel qatt ma rajt b’għajnejja.

Waħda mara xiħa, li jsibuha bħala ‘Ta’ Bosco’, wara l-quddiesa ta’ kuljum, tgħidli li n-nannu għandu l-interdett. Min jaf x’inhu dan? Fil-kappella tal-Museum, fil-Blata l-Bajda, is-saċerdot u l-fidili qed isemmuh ukoll. Għal mistoqsija tiegħi fil-qrar, il-qassis tani t-tweġiba. In-nannu qed ibigħ gazzetta li mhux suppost ibigħha, għax qed jgħidli li tmur kontra t-tagħlim tal-Knisja. Din il-gazzetta hi maħruġa mill-Partit Laburista u jisimha Il-Ħelsien. Min ibigħha u min jaqraha, hu interdettat. Minħabba f’hekk, in-nannu, li ta’ kuljum kien imur għall-quddiesa tal-ewwel fil-knisja tat-Trinità l-Marsa, issa m’għadux imur.

Meta jien u n-nanna noħorġu mill-quddiesa, qed jinġabru ħafna nisa xjuħ magħna. Minn dawk li jieqfu ħdejn in-nanna, min iħarisli bl-ikreh u min bid-daħka. Bejniethom qed jiġbru l-flus u jibagħtuni nixtri kopji ta’ Il-Ħelsien mingħand in-nannu. Jum wara l-ieħor lin-nannu qed nixtrihomlu u nbigħhomlu kollha jien.

Uħud minn dawn in-nisa jinżlu Sqaq Miggiani u jqattgħu l-gazzetti biċċiet. Bla ma jaqrawhom. Ġieli għal dan ix-xogħol jagħtuni xi sold. In-nannu qatt ma jistaqsini għal min ikunu. Għalih, naħseb li l-aqwa hu li jbigħhom.

Il-lum l-Ewwel ta’ Mejju, Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Tal-Labour jagħmlu l-karrijiet bħal tal-Karnival, bil-fjuri tal-karti. L-attività, li ssir tul Triq il-Kbira, l-Ħamrun, isejħulha Battle of Flowers. Filgħodu, f’xi l-għaxra, dawn il-karrijiet jibdew jinsaqu lejn il-Blata l-Bajda. Fuq trakk armat minnhom ikun hemm Duminku Mintoff u deputati Laburisti. Ilkoll ixejru lin-nies ta’ madwarhom, li huma l-partitarji tal-Partit Laburista.

In-nannu jinsab bil-ħanut miftuħ, bin-nies deħlin u ħerġin jixtru. F’din il-festa dejjem inkun irrid immur ħdejh, biex inkun nista’ ngħinu u biex nara aħjar. Iżda n-nanna tirrabja u hi u z-zijiet iżommuni ġewwa. Xħin kollox ikun għaddej minn taħtna nitilgħu fil-gallarija u naraw kollox minn wara t-tendini tal-qasab. Bħalna, jagħmlu bosta nies oħra tat-triq.

Il-lum, bla ma rrid, ċaqlaqt ftit it-tendina. Xi ħadd minn dawk il-ħafna nies qed jilmaħni u flimkien ma’ oħrajn qed jgħajtu u jgħajruna. Fis-siegħa u l-ħin  telgħin is-soldi fl-ajru, u addio xi tliet ħġiġiet tal-gallarija. Lighter tas-sigaretti jispiċċa ġewwa wkoll. B’kollox qed ngħodd xi xelin u żewġ soldi, u lighter.

Isfel hemm it-taħbit mal-bieb. Ħadd mhu se jiftaħ għax hemm l-istanga wkoll. Il-pulizija resqin lejn il-bieb tad-dar.

Issa qed jintemm kollox. Il-pulizija qed iħabbtu bil-mod u tiftaħ iz-zija Connie. Iridu jafu x’ġara. Qaltilhom b’kulma ġara u sejrin lura. In-nannu jagħlaq il-ħanut, li hu bieb ma’ bieb mad-dar. Jidher inkurlat ħafna. Ma jridx kliem bħas-soltu u għal darba qed iħarisli bl-ikreh!

L-ispiża għall-ħġieġ tat-twieqi tal-gallarija, se jħallasha z-ziju Fred. Hi ferm ogħla minn kemm ġbart flus mill-art tal-gallarija. Darb’oħra noqgħod attent li ma nerġax inċaqlaq tendini. Hi ħej, kif jagħmlu dawn! Kemm jitlgħalhom malajr!

Il-personalità tat-triq

Bħal kull ħaddieħor, ta’ tfal nimpressjona ruħi b’xi persunaġġ li jissemma l-aktar fit-triq. Hawnhekk, fil-Blata l-Bajda, hawn numru ta’ nies li jistgħu jitqiesu bħala personalitajiet; fosthom is-Sur Ġużè Schembri li jieħu ħsieb il-bini tal-kappella tal-Museum. Iżda dan l-aħħar nibet ieħor, li għandu arja ta’ fiduċja fih innifsu. Għadu ġuvni b’xahar innukklat, bl-isem ta’ Guido de Marco. Nismagħhom jgħidu li qed jistudja għal avukat.

Joqgħod f’appartament quddiemna. Il-mamà tiegħu, is-Sinjura Giovanna hi tal-istess età tan-nanna tiegħi u tgħidx kemm tħobbni. Hekk kif noħorġu mill-quddiesa tkellem daqsxejn lin-nanna u tmellisli xagħri. Nannti tgħidli li ilhom ħbieb minn ħafna qabel ma twelidt jien. Tirrakkuntali li fil-gwerra kienu fl-istess xelter u Guido, li hu tampar ommi  u z-zija Connie, kien iħobb jistudja ħafna. Kien jinżel fix-xelter bil-kotba miegħu u joqgħod jistudja fid-dawl tax-xema’. Meta jixba’ kien jieqaf ftit u jintasab idoqq il-kitarra.

Il-papà tiegħu, Emanuele, qisu Churchill. Narah jixbħu ħafna. Il-ħarsa tiegħu tinfed. Lili jitbissimli, waqt li jbaxxi ftit għajnejh u jagħfas xufftejh ma’ xulxin. Iżda minkejja dan, meta narah nitrekken man-nanna u nipprova ma nħarisx lejh.

Maż-żmien, u sewwasew issa, fl-1955, Guido laħaq avukat. Il-mamà tiegħu se tagħmillu festin għal għarrieda. In-nanna mistiedna u qaltli li se toħodni magħha. Kemm naqsmu t-triq u nitilgħu ftit taraġ tal-appartamenti, fejn toqgħod il-familja de Marco. Iz-zija Connie libbsitni pulit u għandi ftit ordnijiet għat-thank you u no thank you.  Ukoll kieku ma jgħidulix, naf x’irrid nagħmel, għax Guido issa laħaq. Mil-lum Doctor.

Fl-appartament fejn joqgħod, diġà nġbarna numru mdaqqas ta’nies. Kulħadd jgħid tiegħu. F’salt wieħed, qed jaqa’ kwiet taqtgħu b’sikkina. Jinstama’ ħoss ta’ karozza. Hu Guido l-avukat, li ġie bil-karozza tiegħu tal-marka Dauphine. Jipparkjaha u tiela’ t-taraġ bla ma jaf x’hemm jistennieh. Tlett irġiel, tnejn minnhom l-aħwa Saliba, ħut Violet, l-għarusa tiegħu, lesti għalih biex jagħtuh is-sorpriża u hekk kif jasal ħdejn il-bieb arahom ħerġin u jerfgħuh fuq spallejhom. Qishom ma ntebħux li l-bieb ma jiħux it-tul ta’ persuna u nofs bilwieqfa. Għalhekk daqsxejn ta’ storbju u kommozzjoni, għax lil Guido se jħabbtulu rasu mal-blata tal-bieb. Daqshekk damet is-sorpriża li damet żmien titħejja.

Ferħan se jtir, Guido qed idur u jifraħ b’dawk kollha preżenti. Kulħadd jitbissimlu u joħodlu b’idejh. Dalwaqt se jasal ħdejja. Ma nafx x’se naqbad ngħidlu. Żgur li mhux thank you  jew no thank you!  Jasal, qed jitbaxxa kokka u jgħaddili jdejh mgħaġġla minn fuq xagħri. Nidħaqlu. Issa qed jgħannaq lin-nanna.

Is-Sinjura Giovanna miexja warajh tkellem hi wkoll lin-nies bid-dmugħ f’għajnejha u bil-ferħ jiddi f’għajnejha. Avukati ma jilħqux sikwit u lanqas kull sena! U meta jilħqu jkunu f’numru żgħir. Għalhekk, okkażjoni bħal din hi xi ħaġa rari.

Għaddej l-ikel u x-xorb. L-atmosfera hi ferrieħa għall-aħħar. Min jaf qalb Guido xi tħabbat, issa li laħaq avukat wara tant snin jistudja. Anki l-għarusa tiegħu tidher ferħana daqsu. Wara ftit sigħat, li għaddew bħal minuti, kulħadd jirringrazzja lill-familja de Marco u qed jieħdu mill-ġdid b’id l-avukat.

F’widnejja qed nisma’ mistoqsija ta’ xi ħadd itwal minni fuq il-futur tal-avukat. U s-Sinjura Giovanna qed twieġeb li x-xewqa tagħha hi li tarah Imħallef.

Żmien aktar tard, għadni fl-iskola primarja, l-avukat de Marco ħiereġ għall-elezzjoni. Qed ningħata salt ritratti tiegħu bil-kitba fuqhom ħalli n-nies jivvutaw lilu u jagħtuh in-numru wieħed, u jien u nieżel id-dar mill-iskola  qed inqassamhom flok pustier, taħt il-bibien tad-djar tan-nies.

Il-kaxxa tat-televiżjoni

Ftit żmien ilu u sewwasew fit-22 ta’ Novembru tal-1963, xterdet ix-xniegħa li assassinaw lill-President tal-Amerika, John F. Kennedy. Jiem wara ħabbru l-funeral.

Li jinqatel President ta’ superpotenza mhix ħaġa ta’ kuljum u dan il-President Kennedy kien maħbub. Issa Malta kollha xegħlet għal dan il-funeral. Setgħu jsegwuh biss dawk il-Maltin tat-tajjeb li għandhom televiżjoni black and white. It-televiżjoni f”Maltadaħal għall-ewwel darba s-sena ta’ qabel.

altJien u nannti ninsabu mistednin għand is-Sur u s-Sinjura Simmler, li joqogħdu faċċata tagħna. Nistgħu nsegwu bilqiegħda fis-salott tagħhom, kulma jsir dakinhar. Issa, li kważi għandi 13-il sena, it-televiżjoni jsaħħarni. Għax tibda tistaqsi: kif tista’ ssegwi dak il-ħin stess kulma qed iseħħ f’pajjiż tant ’il bogħod minnartek!

Barra minnhekk, it-televiżjoni ma jxandarx biss funerali. Hemm filmati sbieħ, varjetà, kant u kulma wieħed jista’ jistenna mix-xandir.

Fil-Ħamrun hawn żewġ bejjiegħa ta’ fama għall-bejgħ tat-televiżjonijiet. Wieħed hu Consiglio Damato, li jimporta l-Leowe Opta u għandu l-ħanut tiegħu ftit ’l isfel u faċċata tal-knisja ta’ San Gejtanu u l-ieħor, ċertu Frans, jimporta l-Erres u jinsab quddiem l-Għassa tal-Pulizija.

Ħafna nies, biex taparsi għandhom is-sett tat-televiżjoni, qed itellgħu arblu fuq il-bejt u miegħu jwaħħlu antenna. Iżda bħali, ma jaraw xejn.

Issa missieri, li jaħdem mal-Gvern, aktarx li ngħata somma flus bħala arretrati u peress li fil-familja diġà ninsabu b’ħamest itfal żgħir, apparti jien, li ngħix għand in-nanna, it-televiżjoni hu bżonjuż għal dak li missieri u ommi jaħsbu li hu ġabra tal-familja. Għax fejn tmur fis-sajf u fix-xitwa, jekk karozza ma għandniex? Kemm se jdumu niżlin u telgħin għand in-nanna, mill-Ħamrun għall-Blata l-Bajda?

Allura missieri qatagħha li jixtri televiżjoni tad-ditta Erres. Il-prezz tiegħu hu £130. Issa d-distakk bejni u bejn ħuti hu kbir immens. Huma jistgħu jsegwu l-filmati wara l-iskola u jien le, għax in-nannu Karm u n-nanna Alice m’għandhomx televiżjoni. B’hekk issa ninsab fuq ix-xwiek li nkun aktar spiss fid-dar ta’ ommi. Hemm insegwi bosta programmi tat-tfal. L-aktar popolari huma l-filmati tal-kelb Rin Tin Tin; Penno di falco – il capo Cheyenne; Flipper; Furia; l-aħbarijiet; il-Carosello (programm ta’ reklami differenti) u l-ispettakli ta’ filgħaxija meta nibqa’ għand il-mamà u l-papà.

Il-mamà ġieli tinġabar magħna ssegwi dawn il-programmi. Il-papà le. Dak l-aktar li jħobb jara huma l-logħbiet tal-football, li jien qatt ma interessani u xi logħba boxing.  Ma nafx kif għall-football u l-boxing jużaw it-terminu ‘logħob’. Dejjem jaqgħu, jaqilgħu id-daqqiet u jweġġgħu – u jsejħulu logħob. Mela l-logħob li fih ma tweġġax, x’jgħidulu?

Issa qed tidħol il-pika sew bejn l-impurtaturi tat-televiżjonijiet. Qed jingħad li l-Leowe Opta huma l-aħjar u hawn min qed jgħid li r-raġuni hi li t-technicians tagħhom qed itellgħu l-aktar antennifil-għoli biex jiġbdu s-sinjali aħjar.

It-televiżjoni hu invenzjoni sabiħa u ġdida, iżda bħal invenzjonijiet oħrajn, qed joqtol delizzju sajfi tagħna t-tfal; dak li ntellgħu t-tajr minnfuq il-bjut. Bil-mod il-mod, il-bjut tad-djar Maltin qed jimtlew bil-kanen twal u antenni u kull tajra tal-karti, teħel magħhom u titqatta’ appena titla’.