Nedha

altMin jissikka jaqsam: ta’ żagħżugħ kont fuq it-turretta tal-bejt naqra u rajt il-ħbula tal-inxir ta’ ommi merħija u deherli li kelli nissikkahom; hekk għamilt. Xi jumejn wara smajt xegħir u għajjat: kont naf x’ġara. Tlaqt baxx baxx għal mixja u dħalt lura bil-kwiet billejl.

Ir-riħ ġibed il-ħwejjeġ u l-lożor u billi ma kellhomx imlaħlaħ inqatgħu l-ħbula u mar kollox fl-art.

Jekk il-bniedem, int u jien ma tgħallimx jaqta’ jbiddel, ikollu xorta ta’ namra jew gost jispiċċa jitkisser u jitherra. Il-ġisem biex jinbena jrid il-mistrieħ u l-moħħ biex jieħu r-ruħ, irid iderri.

Għandek jew m’għandekx fiex tedha, ġnien, qasrija, kotba, logħob, mixi, taħdit, żjarat, safar, ma tistax tibqa’ għaddej għax teħtieġ il-bidla, il-frisk u n-nifs il-ġdid, iċ-ċaqliq. Jekk dan tafu u twettqu qiegħed sew imma jekk qed issir taf bih issa tħajjar iċċaqlaq, agħmel ħidma mhux tas-soltu.

Ħafna semgħu u waslu u laħqu fejn ħaddieħor anqas biss xamm u xħin tgħarbel ħajjithom issib li kienu jafu jqassmu.

It-tqassim iġib il-ġid u s-saħħa għax il-ġid tajjeb iwaqqaf u jkabbar. Għaliex taħseb fil-qedem in-nies kellhom il-villaġġatura; minn ta’ kuljum titlaq għal tas-sajf għax b’dak iċ-ċaqliq il-bniedem ma jimradx.

Għaliex iċ-ċajt għax mis-serjeta tidħol fit-tbissim u ta’ kuljum jiġi ġdid, ħelu, gustuż u pulit. Nhedha għax tibqa’ ċass.  

Andrew Fenech – Xogħlijiet fil-Ġebel

Illum ltqajna ma’ Andrew Fenech ta’ 71 sena mill-Għargħur, bniedem li għandu talent uniku u fl-istess ħin riżervat u umli. Andrew jagħmel kull forma ta’ xogħol fil-ġebel f’diversi forom meraviljużi; trakkijiet, għodda, bastimenti u presepji biex insemmu ftit.

Kull biċċa li jaħdem, sal-inqas dettall, hija magħmula kollha mill-ġebla franka. L-iċken ‘spoke’, l-iżghar ċappetta hija mnaqqxa fil-ġebel! Fil-parti l-kbira, Andrew jaħdem b’naqra ta’ sikkina b’xafra qasira. Huwa jgħidilna li fuq il-mudell tal-famuż bastiment Titanic huwa dam jaħdem madwar sitt xhur, filwaqt li fuq il-maġġoranza tal-karozzi ż-żghar, dawn jieħdulu madwar xagħrejn kull waħda.

Andrew, ex-plumber (ċombar) ħadem ‘l fuq minn tlett mitt opra fil-ġebel. Dawn huwa jżommhom ġewwa vetrini kbar u b’saħħithom fil-garaxx tiegħu il-Għargħur. It-tifel tiegħu Joseph ġentilment għaddielna diversi ritratti ta’ dawn il-mudelli sabiex nuruhom lilkom.

Kuxjenza tat-tfulija

Xahrejn ilu, sewwasew f’Settembru tal-1961, reġgħu fetħu l-bibien tal-iskejjel wara l-vaganzi tas-sajf. Għall-ħames sena, fl-età ta’ għaxar snin, tiela’ fil-klassi Standard III, fl-iskola ta’ wara l-Għassa tal-Pulizija, fil-Ħamrun. Ta’ għaxar snin, l-innoċenza tibda twarrab għal avventuri brikkuni, kif se nirrakkonta.

Bħalissa, Novembru, jiġi mfakkar Jum il-Pepprina (Poppy Day) biex niftakru f’dawk il-bnedmin kollha li mietu kaġun tal-gwerra.

L-iskola ġew nies b’numru kbir ta’ bottijiet bojod magħluqin, b’xaqq fin-naħa ta’ fuq, qishom karusijiet u b’qafla min-naħa għall-oħra, biex jiddendlu mal-għonq. Fuqhom għandhom pepprina.

Is-Sur Abela, l-għalliem tagħna, qassmilna bott kull wieħed biex niġbru l-flus mingħand in-nies. Appena nilmħu lil xi ħadd, l-aktar xi raġel, niġru quddiemu u nitolbuh jagħtina xi flus. Ġeneralment, il-bott jibda jimtela bis-sitt ħabbitiet u soldi, iżda kultant qed insib min jixħetli xi tliet soldi skorfina u f’xi każ rari, sikspenz.

Din is-sena l-ajru għadu ma kagħbarniex. M’hawnx xita u fi Triq Irjali, l-Blata l-Bajda, fejn noqgħod man-nanniet; maz-zijiet ta’ ommi u maz-zija Connie, oħt ommi, għadhom jgħaddu xi stranjieri jew nies tan-Navy.

Filgħaxija iz-ziju Fred jew in-nanna Alice jinstabu bejn il-grada u l-antiporta, u jien nippassiġġa tul il-bankina tat-triq tagħna bil-bott f’idi, nitlob xi ħaġa lil kull min jgħaddi.

Fl-aħħar resqin xi stranjieri. Nersaq lejhom, nurihom il-bott u jdaħħlu idejhom fil-but. Wieħed jixħetli żewġ xelini (biċċa waħda) u l-ieħor, tmintax irbiegħi (biċċa waħda wkoll).

Qalbi trid ittir bil-ferħ. Fejn qatt issib Maltin li jixħtulek dan l-ammont ta’ flus.  Il-qalb li għamluli dawn it-tnejn, ħeġġewni nkompli ‘nittallab’. Il-bott qed jimtela ġmielu.

L-iskola, waqt il-kolazzjon, li nsejħulu rikreazzjoni, nitkellmu fuq kemm qed niġbru flus. Wieħed minn sħabna, daqxejn fuq tiegħu qed jgħidilna li rnexxielu joħroġ xi flus mill-bott. L-idea ngħoġbot minn ħafna.

Il-ħsieb qed itambar f’moħħi u qed itellifli l-konċentrazzjoni tal-lezzjoni. L-aktar għal dik iż-żewġ xelini u t-tmintax irbiegħi li l-bieraħ niżlu ħelwin ħelwin fil-bott.

Lura d-dar għadni naħseb fuq kif nista’ nagħmel bħal sieħbi tal-iskola u noħroġ il-flus. Dan iżda, la nista’ nagħmlu quddiem iz-ziju Fred u lanqas quddiem in-nanna Alice. Dawn żgur ma jippermettulix nagħmel hekk.

Wara l-lezzjoni tal-Museum, il-ħsieb għal dawk iż-żewġ muniti għadu qawwi. Bil-moħbi ta’ kulħadd qtajtha x’nagħmel. Iz-ziju Fred qiegħed il-kappella tal-Museum u n-nanna mhix se titla’ fuq għalxejn, għax battikata. Għalhekk nieħu s-sikkina t-twila tal-ħobs, nitla’ fuq, u bil-kumdità kollha noħroġ munita munita sa ma nasal għat-tnejn li nixtieq.

Ħerġin bosta sittiet u soldi, iżda l-ħeġġa ma tonqosx. Fl-aħħar, iż-żewġ muniti mixtieqa, ħarġu wkoll. Warrabthom u rġajt daħħalt is-sittiet u s-soldi kollha f’posthom.

Tul il-lejl, l-istorja ta’ Pinocchio u t-tagħlim tal-Museum qed joqrosli l-kuxjenza.

L-għada, fil-bitħa tal-iskola numru ta’ subien qed ngħidu kemm irnexxielna noħorġu flus mill-bott. Ħadd ma semma żewġ xelini jew tmintax irbiegħi. B’hekk qed inħossni ħati u jekk noħodhom, irrid ngħid bihom lis-saċerdot nhar is-Sibt, meta ta’ kull ġimgħa mmur inqerr.

Filgħaxija qed noħroġ iż-żewġ muniti mill-moħba u ndaħħalhom mill-ġdid fil-bott.

Il-bieraħtlula, is-Sibt, meta mort inqerr, għedt lill-qassis bil-ħsieb li kelli. Ħsibtu se jirrabja miegħi. Minflok staqsieni kontx naf għal min ġbart il-flus. Weġibtu li għal dawk li mietu fil-gwerra. Bi tbissima qalli li kieku dawk in-nies baqgħu ħajjin huma minflok, setgħu mietu l-ġenituri tiegħi u jien ma kontx nitwieled. Żied jgħidli li meta xi ħadd jiġbor il-flus għal xi skop, għandu jagħtihom kollha, inkella l-iskop ma jintlaħaqx.

Illum, it-Tnejn, qed ngħid lil sħabi dak li għaddejt minnu. Xi wħud qablu miegħi. Oħrajn iddieħqu bija u qed jgħidu li l-flus li ħarġu se jżommuhom. Forsi dawn mhumiex rikonoxxenti bħali għat-twelid tagħhom. Jew ma jmorrux iqerru. B’żewġ xelini jew tmintax irbiegħi m’iniex se nbigħ jew inġib ħajja. U wara kollox, jien fejn inkun se nibqa’.

Quddiem il-Qorti

Il-lum il-Ħamis, 21 ta’ Jannar, 1965. Għad għandi inqas minn14-il sena. Ninsab beżgħan għax irrid nitla’ l-Qorti. Kelma, li minn dejjem tnissel ċerti ħsibijiet koroh. M’jienix akkużat, iżda xhud għal każ li laqgħet ħażin liz-zija Connie.

altFtit qabel il-Milied ta’ din is-sena, bagħtitni nixtrilha flixkun whisky. Il-qatra tħobbha. Tatni lira u mort għand Toni Balalu. Infaqthielha kollha, għax daqshekk qalli li jiswa dak il-whisky. X’jismu ma niftakarx. Naf biss li fil-qiegħ għandu ħafna frak. Iz-zija taħbi l-flixkun kullimkien, imqar qalb il-ħwejjeġ jew f’xi komodina.

Fl-istess żmien bagħtitni għand Marija l-Għawdxija nixtrilha flixkun ieħor. Whisky ta’ Malta. L-isem hu Keystone Whisky. Hu ħafna irħas mill-ieħor. Biex ma noqgħodx nitkellem, ġieli tagħtini kemxejn. Minnta’ Toni doqtu, iżda mill-ieħor għad le.

Jiem ilu, z-zija Connie qamet ma tiflaħx. Qalet li mhix tara. In-nanna ġabitilha t-tabib. Ordnalha tibgħatha l-Isptar. Infetħu bibien l-infern. In-nanna tixher u tibki. Kif, qatt ħadd ma mar l-isptar se tmur iz-zija Connie? Mela x’għandha? Tela’ n-nannu mill-ħanut. Jidher imħasseb qatigħ. Ġie z-ziju Willie u l-mamà. Kulħadd imdawwar mas-sodda.

Ftit wara ġiet ambulanza. Żewġt irġiel poġġew liz-zija Connie fuq stretcher  u ħaduha l-Isptar. Il-biki żdied. Imbagħad ħabbat il-bieb u ġew Surġent u pulizija. Iridu jafu x’kielet u x’xorbot. In-nanna mbellha. Kielet bħalna. Iżda x’xorbot? Ta’ ġuvnott staqsejthom hux qed jistaqsu għall-whisky. Tawni ħarsa kerha iżda ħerqana. “Ukoll,” weġibni s-Surġent “fejnu?”

Ġejt bejn ħaltejn infittxux, għax dak kien bil-flus u jekk tiġi z-zija u tkun taf li tajtulhom jien, forsi tirrabja. Imbuttatura min-nanna fissret li riditni hi wkoll nagħtihulhom. Qallibt kullimkien. F’armarju sibt il-flixkun li xtrajt mingħand Toni. Fih biss m’għola żewġ swaba’. F’kexxun ta’ gradenza sibt l-aħħar flixkun li xtrajtilha — ta’ Malta, għadu kemxejn użat. Talbuna basket, qegħduhom fih u telqu.

Wara nofsinhar, man-nanna għall-isptar. Iz-zija Connie qiegħda f’sala kbira. Sodda bajda. Inkellmuha min-naħa u tħares in-naħa l-oħra. Għadha tgħid li mhix tara. In-nanna togħrok gedduma.

Sadattant fil-gazzetti ħerġin aħbarijiet li nies li xorbu whisky ta’ Maltamietu, u mara oħra tinsab f’qagħda kritika l-isptar San Luqa. Kienet iz-zija. It-talb fid-dar ma jonqosx. Anzi f’dawn il-jiem qed jitkattar iżjed.

Jumejn oħra u waslet aħbar. Iz-zija reġgħet bdiet tara. Ġirja għall-isptar. Iz-zija Connie tinsab bilqiegħda fis-sodda. Tirrakkuntalna li l-ewwel ma bdiet tarakien inkwatru tal-Madonna fuq il-bieb tas-sala. L-ilsien ċkejken tan-nar tax-xemgħa (li aktarx kien it-talb tagħna) ġegħilha ssegwi l-moviment sa ma rat dik ix-xbieha mirakoluża. Minnhemm bdiet tistejqer.

Nies oħra li daħlu l-isptar warajha mietu wkoll. Tabib novell li kienet taħt idejh esperimenta u rnexxielu. Mill-ewwel waħħal fil-whisky ta’ Maltali kienet xorbot u  ġegħilha tixrob kwantità oħra ta’ whisky tajjeb. Imbagħad beda l-kura.

Fil-ġurnali, l-istorja għadha għaddejja. Lil Joseph Caruana, li għamel taħlita mhux tas-soltu se jressquh il-Qorti. Jien irċevejt it-taħrika. Wassalhieli pulizija.

altDalgħodu liebes pulit. Bil-ħwejjeġ tal-Ħadd. Iz-ziju Fred lest ukoll. Se jwassalni l-Belt. Fit-triq noħodlu rasu dwar fejn tinsab il-Qorti. Imxejna biċċa triq sew fi Strada Forni ’l isfel. Bini antik jistenniena. Irġiel bil-mantijiet suwed jippassiġġaw fil-kurituri. Aħna bilwieqfa nistennew quddiem sala bin-numru 9.

Fis-siegħa u l-ħin nisma’ pulizija jgħajjat ismi. Il-kuraġġ għeb. Idaħħalni f’sala b’bankijiet għoljin, suwed. M’għandhomx x’jaqsmu ma’ tal-Mużew. Faċċata, aktar fil-għoli, skrivanija kbira u raġel warajha. Qed jgħidli nitla’ f’pedana tax-xhieda, qisha ambone tal-knisja. Dak ir-raġel, li sirt naf li hu Maġistrat, qed jitlobni bil-ħlewwa ngħid warajh. Nagħmel hekk. Imbagħad raġel li jinsab taħtu jressaqli salib biex inbusu.

L-ewwel mistoqsija tal-Maġistrat hi kemm ili ma nqerr. Ngħidlu li kull nhar ta’ Sibt nagħmel hekk. Imbagħad irid jaf kollox dwar il-whisky. Qtajtha li ngħidlu. Qed insemmilu l-isem ta’ Toni u jrid jaf x’inhu l-laqam tiegħu. Madwari hawn ħafna nies. Għaliex għandi ngħidlu ‘Balalu’? Reġgħet saret il-mistoqsija u ngħidlu. Ħsibt li dawk in-nies se jibdew jidħqu, iżda ħadd mhu jagħmel hekk. Jistaqsini kif kien jidher il-whisky u niftakar fit-trab li kien fih. Imbagħad mistoqsija oħra dwar il-Whisky Keystone. Iva, xtrajtu mingħand Marija tal-grocer, irħis ħafna.

Il-Maġistrat jgħidli li nista’ mmur. Ninżel mill-pedana u noħroġ barra mill-Awla. Raġel tal-Qorti riesaq lejja. Jagħtini sikspenz. Iz-ziju Fred jgħidli li dak jagħtuh lil kull min imur jixhed. B’sikspenz nixtru l-pastizzi, għalija u għalih. Immorru fil-ħanut Central, quddiem il-knisja ta’ San Ġakbu fi Strada Merkanti biex nixorbu xi ħaġa. Nordna l-pastizzi iżda z-ziju Fred ma jridnix inħallas jien. Allura ferħan għax baqagħli s-sikspenz.

Il-Qorti fejn kienet?

Isem il-ħanut tat-te fi Strada Merkanti, flok Kishna.

Ilsien in-nies

L-Ilsien bla għadam u jaqsam il-blat.  Kull min qed jaqra għandu xi jgħid fuq ilsien in-nies u kemm jagħmel ħsara.

Aħna qisna landa battala li trid timtela’ u aktarx timtela’ bl-għajdut tan-nies fuqna u ninħarrqu u ninkwew.  Irridu nagħtu r-risposta u nuruli aħna mhux ta’ min jidħaq bina.

L-ewwel ħaġa aħna min aħna , u min jgħid li aħna nies biż-żebgħa, kisja ġir jekk dan inħalluh jidħol ġewwa jispiċċaw li jmexxuna, jekk iżda nilqawlha ma jmissu xejn.

Mhux darba jew tnejn nidħlu f’ħanut tat-tè u jkun hemm nies li aħna nintebħu li qed jgħidu fuqna mingħajr ma jafuna u nkompli magħhom ngħaffġu l-borma u f’qalbna nidħku b’dak li jħarrfu u jaqilhu.

U tgħid kemm ma ngħarblux u nlabalbu u nfaqqgħu qisna għandna l-aqwa taħriġ u nsenslu ħrafa daqs li kieku nafuha.

F’pajjiż fil-Mediterran żagħżugħ spiċċa l-Qorti u l-ħabs għax deher li kien hemm prova li seraq għalkemm stqarr fuq li stqarr li bla ħtija; min jaf x’qalu n-nies.

Ftit wara nstab ieħor li stqarr li hu kien il-ħati u tela l-Qorti u weħħel bis-sentenza.  L-ieħor wara talba tal-pulizija ħareġ għax deher li kien bla ħtija.

X’qalu n-nies fuq ta’ l-ewwel?  X’qalu n-nies fuq it-tieni?  X’qalu n-nies  fuq kollox?  Int nies ukoll u bħal ħaddieħor xi daqsxejn tkellimt u ħriġt il-verdett tiegħek.  Mhux aħjar fuq in-nies ma żżidx xejn bl-ilsien hu,  u wara kollox l-ieħor ma naqasx iżda xorta tnigges minn ilsien in-nies.

Infendi waħdi

Kemm aħjar taħseb fl-oħrajn, tieħu minn ħinek biex taqdi u tgħin !  Imma meta togħtor int, lil min se ssib?  Isir ħafna diskors fil-knejjes, fir-rivisti reliġjużi, ċivili u ta’ gruppi għal rashom:  xħin tiġi s-siegħa tal-prova tibqa’ ssaffar.

Iva:  tgħid x’tgħid, tagħmel x’tagħmel, inti waħdek!  Mhux l-istess li tħossok waħdek.  Tkun waħdek tfisser li m’għandekx nies ħdejk u miegħek imma f’qalbek taf li hemm min jgħożżok u jridlek il-ġid.

Iżda sew li żżomm f’moħħok u ċar li dak li tista’ tagħmel int, agħmlu u dak li ma tistax tagħmel agħmlu, għax se jiġi waqt li ma tkunx tista’; u tbati u tokrob u tibqa’ fejn tkun.

Jekk tiftaħ oqsma bħall-qari u kotba rqaq, jew qsari ċkejknin, jew inkella namriet bħal pittura, bizzilla, ħjata, mixjiet, żjarat fi mkejjen kulturali ssib li moħħok imqassam u frisk, jaħdem u jrid.  Mhux f’kollox issuq int, hemm dawk li jmexxi ħaddieħor; storbju, żbalji, ngombru, gideb u dawn jekk ma’ tkunx imħarreġ ikissruk u jherruk. Ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu; dan jista’ jsir apposta u jista’ jsir għax il-bniedem ma’ jkunx jaf.

Jaqbillek tibda minn issa mingħajr ma tiffissa; lest it-testment jew beħsiebek tagħmlu meta moħħok ikun tar?  Ħabbatt bibien biżżejjed biex meta tiġi fil-ħtieġa ssib?  Mort f’xi dar tax-xjuħ tara kif inhuma u x’jonqoshom?  Xi darba se tispiċċa hemm, trid jew ma tridx.

Ibda għix; orqod bil-qalb, kull bl-aptit, imxi bis-saħħa, aqra kotba li ma jdoqqulekx, ipprova toroq ġodda.  Awstraljan magħruf li deher f’qabda stazzjonijiet tar-radju u  televiżjoni, li kien nieqes sew mis-saħħa stqarr fuq ir-radju Ingliż:  ‘Kont inkun iżjed ħanin u kont nimxi dejjem sew ukoll meta ma rawnix in-nies.  Nagħmel li għandi nwettaq issa; imbagħad għada min rah?

Niftaħ moħħi !

Ġieli jinstaddu l-katusi tar-rimi u trid u ma tridx ikollok tiftaħ għax l-irwejjaħ ma tiflaħhomx.  Jista’ jkun li jkollok tiċċaqlaq għax bniedem diskorsu jdejqek, ukoll tieħu xogħol ġdid għax tkun tlaqt l-ieħor, imma li tiftaħ moħħok mhux lakemm isseħħ.

Int, mlaħħaq u m’intiex, taqra jew ma taqrax, tal-Knisja jew bil-maqlub, taf li kollox tiegħek tajjeb u int biss isib it-tarf tax-xkiel ukoll jekk taħseb li tiżloq u hekk temmen għax jekk xi ħadd ifettillu juri triq, dawl, mogħdija, ħsieb, mhux bħal tiegħek, tibilgħu u tieklu.  Twerwer ukoll minn min jaħseb li hu ċkejken: ukoll jekk ikun tal-Knisja għax ma’ jkunx:  Il-ġrajja ta’ qabilna u  ta’ madwarna dan sqitulna bil-provi.

Biex tiftaħ moħħok l-ewwel ma trid tagħmel hu li trid, ukoll jekk dan ma teħtieġux; hekk taħseb.  It-tieni trid tieħu l-ħin mhux kemm tixtieq int, imma kemm jeħtieġ; smajtu l-qawl: ‘Qattusa għaġġilija frieħ għomja tagħmel’.

Fittex nies li ma jingħalqux u li tarahom barra , ersaq lejhom, tħallat magħhom, tara kemm titgħallem li tinkwieta għalxejn.  Sib mexxej tal-ħsieb u ftehim miegħu jew magħha u ara x’ilissinlek u isma’ u xtarr.

Għama jmexxi l-għama:  it-tnejn jaqaw fil-ħofra.  Moħħ miftuħ ifisser moħħ ħaj u li ħaddieħor ukoll iħossu tassew frisk u ħieles miegħek.  Moħħ miftuħ ifisser li kull persuna timxi skond waqtgħa u għalxejn tgħaġġilha għax timxi għal rasha.  Jekk qrajt dan hu xebbgħek m’għandekx għax tinħassad, moħħok mhux frisk.  Ħasra jekk ma’ ntbaħtx.

Uġigħ

altJekk qatt qattajt lejl fi sptar, ġod-dar u titqalleb min-naħa għall-oħra tistenna li jgħaddi l-lejl għax qawwi l-uġigħ kif tara din il-kelma tiksaħ, tibjad u tegħreq !

Imiss lil kulħadd, żgħar, kbar, m’hemmx ilqugħ, jidħol biex joqgħod.

Hemm l-uġigħ tal-ġisem ġewwa jew barra, jidher jew ma’ jidhirx.  Hemm tbatija tal-moħħ tixtieq in-nies jifhmuk, iserrħuk, ikunu miegħek u dan ma’ ssibux.  U tfittex u tibqa’ tfittex.

Hemm l-uġigħ tal-qalb.  Tistenna li jħobbuk, ifissduk, li jduru miegħek u dan ma ssibux u tistenna u tinfena bil-mod jew malajr.

Hemm l-uġigħ tar-ruħ fejn ta’ madwarek u tal-bogħod m’hemmx wisgħa għal Alla f’qalbhom.

Tista’ f’ġenn taż-żgħożija titħabat biex tneħħi l-uġigħ tal-oħrajn u ma jirnexxilekx u taqta’ qalbek u taqsamha u tieqaf hemm.

Tista’ twebbes qalbek u taħseb għal rasek u l-uġigħ tal-oħrajn iżżommu barra minnek.  Jiġi waqt meta ġġarrab il-madmad tal-uġigħ.

Tista’ iżda toħroġ minnek innifsek, tgħix bil-għaqal u qies u l-uġigħ f’ġismek, f’moħħok, f’qalbek u f’ruħek jibda jiċkien. Jekk ħaddieħor jara fik imħabba, hena u għożża flimkien ma’ ħbiberija, dak li kien uġigħ niffiedi, iebes, jibda jerħi u jnaqqas:  tkunx int il-kaġun tal-uġigħ tiegħek u ta’ ħaddieħor.

Tabib

altImħabbat bix-xogħol, imdejjaq b’ta madwarek u ma għandekx ħin għal saħħtek.  Jiġi waqt fejn kollox jinġabar ma’ kollox u tispiċċa l-isptar bl-uġigħ, taf tmut u tibqa’ kiesaħ.

Jekk mejjet m’intix taqra, ħajtek għixtha u bdiet oħra; la għadek ħaj u  taqra kellem lit-tabib biex tara fiex tinsab.  Sibu ħin kwiet u tkellem miegħu jew magħha u isma’ u jekk tiftakar niżżel biex ma jaqbiżlek xejn.

Il-ġisem imbagħad tal-lum mhux dejjem juri li xi ftit mhux sew jew li jeħtieġ dawra u tkun moħħok banda oħra, tibqa’ għaddej u tieqaf f’daqqa.

Il-mitt xejn qatlu ħmar u għalkem inti tidħol fil-qasam ta’ ħlejjaq tal-moħħ xorta waħda tista’ titlaq.

Il-mard tal-lumhu fin u billi hawn il-meżżi tista’ titraskura mbagħad …

Darba f’sena ara tabib.  Jagħmillek vista sħiħa ara x’jipprova jsemmilek biex inti tieħu ħsieb.  Xorta jista’ jiġrilek kollox avolja tkun għamilt li jmissek imma ghalinqas jekk ikollok tmur ma titlaqx muġugħ.

Bosta kienu dawk li marru bla ħsieb u għadd ieħor se jmur ukoll.  Ipprova tkunx wieħed minnhom:  żomm iżjed minn tabib wieħed biex meta jkun is-safar ikollok l-ieħor.

Aqra fuq is-saħħa, ara programmi televiżi, serji u kun minn ta’ quddiem f’dik li hi saħħa; tal-moħħ ukoll u tal-qalb (imħabba).  Int trid tkun it-tabib tiegħek innifsek, fittex it-tabib u tara kif ħajtek żagħżugħa jew mhix ma jkolliex tkaxkir jew telqa.

Il-ħajja hemm biex tgħixha u t-tabib qiegħed hemm biex jaqdik, fittxu, weġgħhu u qimu.  Saħħa fil waqt.

Il-Qawra Titkellem

altDiġà għaddew sentejn minn meta l-grupp ROOTED tal-Qawra wera l-interess tiegħu sabiex jagħmel xi ħaġa ħalli l-memorja tal-ġenerazzjoni anzjana tal-Qawra ma tintilifx.  Fil-fatt, f’Settembru 2011, ROOTED, ippubblika l-ktieb flinkien mad-DVD, From A Rural Haven to a Tourist Paradise, u ppreżentah lill-pubbliku  waqt il-festa tal-paroċċa ta’ San Franġisk t’Assisi.  Din il-pubblikazzjoni kienet suċċess kbir u ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku.  Dakinhar, anke permezz tal-aġenzija Ewropea responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ programmi u proġetti – EUPA, rnexxielna nonqxu t-tifkiriet antiki tal-anzjani, li llum uħud minnhom m’għadhomx magħna.  B’hekk żammejniehom milli jintilfu darba għal dejjem.

Fuq talba tal poplu, ROOTED qed jippreżenta din il-pubblikazzjoni bil-Malti, li tixbah lil dik tal-2011, iżda mhix l-istess.  Fil-fatt, Il-Qawra Titkellem mhuwiex biss traduzzjoni imma minn ħafna aspetti jista’ jitqies bħala edizzjoni kompletament ġdida, għaliex lil hinn mil-lingwa, hemm ħafna żieda.  Wieħed jista’ jsib kapitli sħaħ li huma ġodda, u oħrajn miktuba mill-ġdid b’żieda u msebbħa. Insomma, imsawwar u minsuġ b’iżjed tagħrif interessanti.  Hemm fatti li nstabu f’dawn is-sentejn mir-riċerka li ROOTED kompla jagħmel.  Riċerka li mhux biss insiltet mill-kotba, imma fuq kollox mil-laqgħat man-nies li jiftakru xi ħaġa u xtaqu jonqxuha għal dejjem fuq il-karta.  Nies li għalkemm ma twildux il-Qawra, iħossuhom parti mill-istorja tagħha, għaliex kienu hemm meta l-Qawra, minn medda art tixbah mużajk, għalqa ħdejn għalqa mifruda biss mill-ħitan tas-sejjieħ, passaġġi mserrpa u siġar tl-ħarrub bla għadd, qabdet il-proċess dejjiemi tal-iżvilupp li donnu ma jistax jieqaf.  Jew inkella nies, li ħarsu mill-bogħod lejn dan it-tibdil kollu u xtaqu li t-tifkira li għandhom tal-Qawra ma tintilifx.

Iż-żmien bit-tibdil kollu li jġib miegħu jgħallem, u jgħallem ħafna, dan għax ir-riflessjoni ta’ dak li jkun timmatura u wieħed jifhem li jista’ jagħmel aħjar.  Dan il-ktieb, għalhekk huwa t-tentattiv ta’ ROOTED biex jagħti lill-pubbliku interessat fil-Qawra ġabra iktar kompluta u aħjar dwar dan il-post fil-Grigal ta’ Malta li għadu qed jevolvi u jinbidel.  Tibdil li qisu jrid jgħid li l-Qawra għada miexja lejn iżjed żvilupp.  Tibdil li kull sena jara mijiet ta’ nies u familji, żgħar u kbar, li jagħżlu l-Qawra biex ixenxlu għeruqhom fiha.  Jew inkella koppji li llum irtiraw mid-dinja tax-xogħol u ġew il-Qawra jfittxu post viċin il-baħar, fejn jistgħu jgawdu l-pensjoni tagħhom.

altROOTED ma jippretendix li Il-Qawra Titkellem ma ħalla xejn barra minn dak li wieħed jista’ jgħid jew jikteb dwar il-Qawra.  Iżda li hu żgur, hu li fittixna iżjed, u stinkajna kemm flaħna biex din il-ġabra tkun aktar sħiħa.  Għalhekk, għal darb’oħra, ROOTED jerġa’ jafda ktieb ieħor f’idejn il-pubbliku għat-tagħrif personali tiegħu, biex jistħarreġ u jixtarr storja ta’ post f’Malta, li għalkemm huwa mfittex ħafna, l-istorja tiegħu ftit li xejn hija magħrufa.  Wieħed jittama, li din l-edizzjoni hija iżjed viċin in-nies għaliex hija miktuba bil-Malti u għalhekk għandha tilħaq aktar qarrejja u tqajjem iżjed interess dwar il-Qawra fil-qalb ta’ dawk in-nies li llum isejħulha darhom.  Jekk dan il-ktieb iqanqal mistoqsijiet fil-qarrej, ikun laħaq l-għan tiegħu, għaliex kif jgħid il-Malti, “il-mistoqsija hija oħt il-għerf”.  Wieħed jifraħ meta jiftakar li kemm From a Rural Haven to a Tourist Paradise u Il-Qawra Titkellem huma frott ta’ mistoqsija li qanqlet lil ROOTED biex jistħarreġ u jiġbor is-sejbiet tiegħu f’dawn il-pubblikazzjonijiet.

Sylvia Sammut