
Id-dar numru 10 f’Downing Street hi r-residenza u l-uffiċċju tal-First Lord tat-Teżor u Prim Ministru tal-Gran Brittanja. Il-kwartieri tal-Gvern tal-Maestà tagħha jinsabu f’Downing Street, fil-Belt ta’ Westminster, f’Londra. Number 10, hi spiss riferuta bħala l-aktar indirizz famuż f’Londra u waħda mill-aktar djar magħrufin fid-dinja. Hi d-dar tal-Prim Ministru u l-post tax-xogħol tiegħu, b’uffiċċji għas-segretarji, assistenti u kunsilliera. Hemm ukoll swali għall-konferenzi u swali għall-pranzi, fejn il-Prim Ministru jilqa’ u jospita mexxejja oħra u dinjitarji barranin. Il-bini jinsab qrib il-Palazz Westminster, il-Parlament u l-Palazz Buckingham, ir-residenza uffiċjali tar-Reġina Eliżabetta II f’Londra.
Oriġinarjament, Number 10 kienet tlett idjar. Fl-1732, ir-Re Ġorġ II offriehom lil Sir Robert Walpole, li aċċettahom bil-kundizzjoni li jservu bħala uffiċċju tal-First Lord tat-Teżor, aktar milli għalih personali. Walpole min-naħa tiegħu qabbad lil William Kent biex jgħaqqadhom flimkien. B’hekk 10 Downing Street saret din id-dar kbira li hi magħrufa llum. Il-ftehim li sar minn Sir Robert Walpole ma kellux is-suċċess mixtieq minnufih. Minkejja l-qies u l-lokazzjoni konvenjenti, għax qrib il-Parlament, ftit kienu l-Prim Ministri tal-bidu li marru jgħixu hemm.

Madankollu, Number 10 baqgħet marbuta ma’ ħafna mexxejja u ġrajjiet kbar fl-istorja Ingliża. Fl-1985, il-Prim Ministru Margaret Thatcher kienet qalet li Number 10 kienet saret “waħda mill-aktar ġojjelli prezzjużi fil-wirt nazzjonali.”
L-oriġinali
Kif għedna, Number 10, Downing Street, oriġinarjament kienet tifforma tlett idjar; bini li jħares fuq St. James’s Park (imsejħa d-dar fuq wara), townhouse warajha f’numru 10 Downing Street u dar ċkejkna tmiss magħha. It-townhouse, mnejn il-bini modern ħa ismu, kien wieħed mill-ħafna mibnijin minn Sir George Downing, bejn l-1682 u l-1684.
Id-dar li kienet fuq wara kienet l-ikbar mit-tlieta. Inbniet għall-ħabta tal-1530 maġenb il-Palazz Whitehall. Mibnija mill-ġdid, imkabbra u rinnovata kemm-il darba, hi wkoll kienet parti minn diversi binjiet li kienu jiffurmaw il-Cockpit Lodgings – imsemmija hekk għax kienu mibnija forma ta’ ottagonu u kienu jservu bħala l-post fejn iġelldu s-sriedak. Fil-bidu ts-seklu sbatax, il-Cockpit inbidlet f’sala tal-kunċerti u teatru; wara r-rivoluzzjoni li fiha tajru lir-Re James II, xi laqgħat tal-bidu tal-Kabinett kienu jsiru fiha b’mod sigriet. Għal ħafna snin, id-‘dar fuq wara’ kienet id-dar tal-għassies tal-Palazz Whitehall, Thomas Knevett, li baqa’ magħruf għall-qbid ta’ Guy Fawkes fl-1605, u li sfaxxa l-pjan għall-assassinju ta’ James I. Is-sena ta’ qabel, Knevett kien fid-dar tal-maġenb, kważi kważi fejn illum hemm in-Number 10.
Residenti fid-dar
Minn dak iż-żmien, membri tal-familja rjali u tal-gvern kienu jgħixu ‘fid-dar ta’ wara’. Il-Prinċipessa Eliżabetta għexet hemm mill-1604 sal-1613, meta żżewġet lil Frederick V, Elector Palatine u marret tgħix Hanover. Saret in-nanna ta’ George, l-Elector ta’ Hanover, li sar Re tal-Ingilterra fl-1714, u l-bużnanna tar-Re George II, li ppreżenta d-dar lil Walpole fl-1732.
George Monck, l-ewwel Duka ta’ Albemarle, il-ġeneral responsabbli għar-restawr tal-monarkija, għex hemm mill-1660 sa ma miet fl-1671. Bħala kap tal-Kummissjoni tat-Teżor tal-167 – 1672, Albemarle ittrasforma l-metodi tal-ikkuntjar u ppermetta aktar kontroll fl-infiq tal-Kuruna.
Aktarx li dan it-tibdil kien sar mis-Segretarju tiegħu, Sir George Downing, li wara bena Downing Street. Wara George Monck għexu fl-istess dar George Villiers, it-tieni Duka ta’ Buckingham; Lady Charlotte Fitzroy, bint Karlu II; Hendrik van Nassau-Ouwerker, (ġeneral Olandiż) u Johann Caspar von Bothmer. Meta dan miet, id-‘dar ta’ wara’ ngħatat mill-ġdid lill-Kuruna, fejn George II ħa l-opportunità li jagħtiha lil Sir Robert Walpole, li jirreferu għalih bħala l-ewwel Prim Ministru. Din ingħatatlu bħala rigal għas-servizzi tiegħu lin-nazzjon. Fl-istess waqt u b’koinċidenza, ir-Re kiseb iċ-ċnus ta’ żewġ proprjetajiet oħra f’Downing Street, fosthom Number 10, u żiedhom mar-rigal tiegħu li ta lil Walpole.
Il-bini tal-għaqid tat-tliet binjiet flimkien ħa tliet snin. Fit-23 ta’ Settembru, 1735, il-London Daily Post ħabbar li “Il-bieraħ, l-Eċċellenza Sir Robert Walpole, mas-Sinjura u l-familja tiegħu ħarġu mid-dar tagħhom fi Pjazza St James biex marru fid-dar li tmiss magħha.”
Din id-dar kellha 60 kamra, b’art tal-injam u l-irħam, kolonnar eleganti, fuklari tal-irħam ukoll u veduti mill-isbaħ tal-Park St. James.
L-akbar kamra
Waħda mill-akbar kmamar kienet l-uffiċċju, f’qies ta’ 40 pied b’20, bi twieqi enormi fuq l-istess park. Aktar tard, dan l-uffiċċju kellu jservi bħala l-kamra tal-Kabinett, fejn il-Prim Ministri jiltaqgħu mal-Ministri tal-Kabinett. F’din il-kamra kbira, kulma hemm hu inkwatru wieħed – pittura ta’ Walpole, li tinsab fuq il-fuklar u wara s-siġġu tal-Prim Ministru. Il-ħlas li sar biex kien konvertit l-uffiċċju mhux magħruf. Oriġinarjament kien stmat li jiswa £8,000 iżda finalment, qabeż l-£20,000.
Illum il-ġurnata, fin-Number 10 hemm tliet swali magħrufa bħala li State Drawing rooms. Dawn huma l-Pillared Room, it-Terracotta Room u l-White Drawing Room. L-ikbar hi l-Pillared Room, li hu maħsub li saret fl-1796 mill-perit Robert Taylor. Fiha 37 pied (11-il metru) tul bi 28 pied (8.5m) wisa’. Ħadet isimha mill-kolonni ioniċi li fiha. Tapit Persjan jiksi l-art kollha.
F’ħafna okkażjonijiet tal-istat, il-mistednin jintlaqgħu f’din is-sala qabel ma jiddaħħlu fis-Sala Statali tal-Pranzu. Peress li ħafna drabi din is-sala tintuża għar-riċevimenti, il-Pillared Room hi mgħammra biss bi ftit siġġijiet u sufanijiet mal-ħitan.
Wara l-attakk bil-bombi tal-1991, żdiedet is-sigurtà man-Number 10. Saru barrikati elettroniċi li ma jħallux lil min jidħol bl-addoċċ u xħin irid u li permezz tagħhom anki l-barranin jistgħu jaraw ir-residenza tal-Prim Ministru mill-bogħod.
George Downing
Iżda min kien dan l-imbierek George Downing? Downing kien spjun notorju għal Oliver Cromwell u wara, għar-Re Karlu II. Downing kien il-bniedem li investa fil-bini u akkwista flus kbar.
Fl-1654, akkwista ċ-ċens tal-art fin-Nofsinhar ta’ St. James Park, li tmiss mad-dar ta’ wara, li kienet passi bogħod mill-bini tal-Parlament. Hu kien ippjana li jibni ringiela ta’ townhouses disinjati għan-nies tat-tajjeb, biex jgħixu fihom.
It-triq fejn bena dawn id-djar, ilum iġġib ismu u l-akbar dar saret magħrufa bħala Number 10, Downing Street.
Probabbilment, Downing qatt ma għex fit-townhouses tiegħu. Fl-1675, hu rtira Cambridge, fejn miet wara ftit xhur li lesta l-bini. Illum il-ġurnata, pittura ta’ Sir George Downing tinsab imdendla fl-intrata tal-foyer fid-dar moderna 10 Downing Street.








minn Charles B. Spiteri
‘This is surely not the end of the series’, says the author. There is so much to discover that the authors are steadily working on another book for Gozo and another for Malta, each with different walks, bringing the series up to five. ‘We have come a long way since the first book was published in 2010, and yet there are so many paths waiting to be explored’. One of the richest of the new routes will shed light on the many Roman, Punic and World War II remains, whilst guiding you through one of last remaining pockets of wild coast on the north eastern border of Malta.
BDL Publishers has published the second editions of three of Charles Daniel Saliba’s Maltese language books that are used in Maltese secondary schools. The books
minn Charles B. Spiteri
L-ewwel darba li Jessica ndunat b’dan l-irqad stagħġbet u ġibditilhom numru ta’ ritratti. Hi qalet li sa mill-għada wara nofsinhar Thoe joqgħod jistenna wara l-bieb tal-kamra tas-sodda, biex flimkien ma’ Beau, jerġa’ jmur jorqod. L-omm issostni li din kienet l-ikbar relazzjoni sabiħa u organika li qatt xehdet b’għajnejha.
Min jissikka jaqsam: ta’ żagħżugħ kont fuq it-turretta tal-bejt naqra u rajt il-ħbula tal-inxir ta’ ommi merħija u deherli li kelli nissikkahom; hekk għamilt. Xi jumejn wara smajt xegħir u għajjat: kont naf x’ġara. Tlaqt baxx baxx għal mixja u dħalt lura bil-kwiet billejl.
Fil-gżejjer Maltin: Malta, Għawdex, Kemmuna, Kemmunetta, Filfla u l-Gżira ta’ Manwel issibhom ’l hemm u ’l hawn fit-toroq, fil-ġnub, fil-kantunieri, mal-ħitan tal-knisja jew każini, monumenti ta’ ġrajjiet u nies kollha b’xi kitba. Għall-bidu jkun hemm il-ħerqa, l-ħeġġa, l-ġbir tal-flus, it-twaqqif tal-monument, xi fjuri u mbagħad maż-żmien kollox jindera u jintesa jekk ukoll ma jsirx it-tiġrif.
Inti u jien u oħrajn nidraw; ġrajjiet jieħdu sura, xebħ u maż-żmien jintesew jew il-moħħ jibda jerħi jew jidħlu tibdiliet f’qalbna u kollox joqgħod, nies imutu, oħrajn jitwieldu, uħud jiżżewġu, l-ħafna jinfirdu u dawn huma l-aħbarijiet miktubin jew mtennin. Iżda ġrajja li tmiss lilna u ġġelġilna hu l-waħx; vojt; battal li jaħkimna u jiżmaga l-ġogi ta’ moħħna.