Kien rappurtat li l-ekwipaġġ tal-kabina fuq it-titjiriet tar-Ryanair qed ikunu mitluba jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jieħdu kemm jistgħu flus mingħand il-klijenti tagħhom. Il-kumpanija trid tiftaħar li hi ‘l-linja favorita dinjija’, iżda bl-ispejjeż moħbija tagħha, bil-cabin staff u bit-tattiċi aggressivi fil-bejgħ, Ryanair kaxkret il-frażi ‘no frills’ sal-ibgħat trufijiet.
Investigazzjoni li għadha kif tmexxiet minn The Mail on Sunday kixfet it-tattiċi wżati mil-linja tal-ajru biex tibla’ l-liri u l-ewro mill-passiġġieri tagħha, fosthom:
Inċentivi lill-ground staff li jindunaw b’bagollaġġ tqil jew hand luggage ikbar milli suppost u li jġiegħlu lill-passiġġieri jħallsu 70.38 ewro.
Inċentivi għall-ground staff li jbigħu priority boarding passes.
Jagħtu xorb u rigali lil min jorganizza li stag u hen parties.
Imexxu sigaretti elettroniċi mimlijin nikotina.
Jgħallmu tabilfors lill-cabin crew, t-tattiċi kollha ta’ kif għandek tbigħ lil min ma jridx jixtri: element ewlieni li jħalli l-profitti lil Ryanair.
Xi ħaddiema qalu lill-gazzetta li kemm huma kif ukoll kollegi tagħhom kienu mġiegħla jilħqu bejgħ impossibbli mit-trolleys tar-rigali u x-xorb jekk riedu jżidu xi bonus mal-pagi tagħhom.
Il-kumpanija kienet ikkritikata għall-politika tagħha fuq il-qies tal-hand luggage u l-ħlas għoli li titlob biex jittellgħu valiġġi akbar stipulat. Issa nstab ukoll li l-ħaddiema li jinfurzaw dawn ir-regoli ibsin, kienu qed jingħataw bonus. L-investigazzjoni tal-gazzetta saret ftit jiem wara li Ryanair spiċċat taħt l-attakk meta numru ta’ piloti tagħha tkellmu l-verità fuq l-istazzjon televiżiv Channel 4 fuq il-kwalità tas-sigurtà li l-kumpanija toffri fit-titjir. Min-naħa tagħha, Ryanair mhux biss ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru, iżda immedjatament keċċiet mix-xogħol lil wieħed mill-piloti ewlenin tagħha, Captain John Goss, li kkritikaha waqt id-dokumentarju.
Fuq ir-Ryanair, il-hand luggage ma jridx ikun ta’ aktar minn 10 kilo, waqt li bagoll jista’ jkun ibbukkjat għal 15 jew 20 kilo. Meta t-toqol ikun aktar fiż-żewġ każi, l-individwu jintalab iħallas għall-piż żejjed li jkollu. Jirriżulta wkoll li mit-trolleys tax-xorb u rigali, ir-Ryanair tipprova ġġiegħel lil kull passiġġier jonfoq minimu ta’ żewġ ewro f’distanzi qoxra u erba’ ewro fi vjaġġi itwal.
“Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet.”
Mhux il-ħsieb tiegħi li nfisser il-kelma t’Alla imma li nuri t-tifsira ta’ dejjaq.
“Tempora mutantur et nos mutamur cum illis.” “Iż-żminijiet jinbidlu u aħna ninbidlu magħhom.”
Iċ-ċagħaq jgħin f’kollox, iġġorr minn imkien għall ieħor tisma’ bil-qalb: toħroġ mid-djuq ta’ moħħok meta ġġarrab. Saqsi l-imġarrab !
Min qatt ma ħareġ mill-fostqa ta’ ħajtu, ħsiebu, ġismu, ġrajjietu qatt ma kiber, qatt ma nħejja, baqa dejjaq.
Mikiel Anton Vassalli (1764-1829) ċaqlaq kullimkien bil-ġiri f’ħajtu, bis-safar fiż-żmien, bit-tħabrik u l-għaqdiet ċaqlaq kemm seta’ u weġġa’. Illum insoffu l-ħidma tiegħu fil-kitba u ġrajja.
Ebda bniedem dejjaq ma jista’ jagħti sehem imkien, għax ħarstu tieqaf xiber ’l bogħod minn għajnejh.
Jekk ma tafx ilsienek sew, inti dejjaq ! Jekk ma taqrax b’ilsienek ukoll, u jekk ma taħsibx iżjed u iżjed. Il-marid li ma jafx li hu marid ma jistax ifieq. Bniedem li f’daru għandu ġnien u ma jżurux u ma jidħolx fih, għaddej bin-nieqes ukoll. Issib li għandek ilsien bħal dan: IL-MALTI u ma tħaldx fih !
Ħobb jekk jaqbilek l-ilsna barranija, iżda le tbarri dak li hu ta’ ġewwa. (Dun Karm)
Beijing, fiċ-Ċina, hi dominata mill-Palazz Imperjali enormi, li tlesta fl-1420. Peress li aktar minn 500 sena ilu, dan il-palazz kien bogħod ferm mill-pubbliku, iċ-Ċiniżi jirreferu għalih bħala l-Belt Miċħuda. Illum, dan il-palazz jinsab imniżżel fil-lista tal-UNESCO għall-bini meqjus bħala Wirt Dinji.
Mill-1420 sal-1644, il-Belt il-Miċħuda kienet is-sede tad-Dinastija Ming. F’April 1644, inħatfet mill-forzi ribelli mmexxija minn Li Zicheng, li pproklama lilu nnifsu Imperatur tad-Dinastija Shun. Iżda ma damx ma ħarab qabel ma l-armati tal-Ġeneral Wu Sangui tad-Dinastija Ming, ingħaqdu mal-forzi Manchu. Sa Ottubru, il-Manchus kisbu supremazija fin-naħa ta’ fuq taċ-Ċina. Saret ċerimonja fil-Belt il-Miċħuda biex tipproklama liċ-ċkejken Imperatur Shunzhi bħala mexxej taċ-Ċina kollha taħt id-Dinastija Qing. Il-mexxejja Qing bidlu l-ismijiet prinċipali biex aktar jenfasizzaw l-‘Armonija’ milli s-‘Supremazija’.
Fl-1860, matul it-Tieni Gwerra Opium, il-forzi Anglo-Franċiżi ħadu l-kontroll tal-belt il-Miċħuda u okkupawha sa tmiem il-gwerra. Fl-1900, l-Imperatriċi Dowager Cixi ħarbet mill-Belt matul l-Irvell Boxer, u għal sena, il-belt sfat okkupata mill-forzi tal-qawwa li ħejjew it-trattat.
24 imperatur Wara li kienet ir-residenza għal 24 imperatur – erbatax tad-Dinastija Ming u għaxra tad-Dinastija Qing – fl-1912, mal-abdikar ta’ Puyi, l-aħħar Imperatur taċ-Ċina, il-Belt il-Miċħuda waqfet milli tkun iċ-ċentru politiku. Bi ftehim mal-gvern ġdid tar-Repubblika taċ-Ċina, Puyi baqa’ jgħix fil-parti interna, waqt li dik ta’ barra ngħatat għall-użu pubbliku. Dan sa ma fl-1924 sar kolp u Puyi tneħħa minn hemm.
Fl-1933, wara l-invażjoni Ġappuniża fuq iċ-Ċina, ħafna teżori nazzjonali ttieħdu mill-Belt il-Miċħuda. Xi affarijiet mill-kollezzjoni ngħataw lura ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, iżda oħrajn ittieħdu Taiwan bl-ordni ta’ Chiang Kai-shek. Il-Palazz Imperjali jinsab fi Pjazza Tienanmen, li tkabbret fis-snin ħamsin biex tesa’ aktar minn miljun ruħ. Illum hi mimlija b’dehriet differenti mill-isbaħ u b’nies itajru t-tajr tal-karti u oħrajn jipprattikaw it-tai chi. L-istranjieri jkunu mgħarrfa minn qabel għall-kwantitajiet ta’ bejjiegħa tat-triq, li jippruvaw ibigħulhom ftit minn kollox.
Il-Belt il-Miċħuda hi l-aktar eżempju ta’ bini u kultura Ċiniża antiki priservati bl-aqwa mod. Kienet id-dar għal ħafna dinastiji Rjali taċ-Ċina bħad-Dinastija Ming u d-Dinastija Qing. Din il-belt tant kienet kbira u impressiva li ħafna imperaturi qatt ma ħarġu minnha.
Id-dħul fil-belt Ħafna nies jidħlu fil-Belt il-Miċħuda (il-Grada tal-Paċi tas-Sema) minn ħdejn il-Pjazza Tienanmen. Hemmhekk hemm ritratt kbir ta’ Mao Zedong u fuq ix-xellug, kartellun bi kliem li jaqra Ħajja Twila lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, waqt li fuq il-lemin hemm kartellun ieħor bil-kliem Ħa Tgħix fit-Tul l-Għaqda tal-Popli tad-Dinja.
It-tqassim bażiku tal-belt jaf il-bidu tiegħu fis-seklu 15, iżda ħafna bini li naraw illum, sar fis-seklu 19. Il-Palazz Imperjali oriġinali nbena minn 200,000 ħaddiem fi 17-il sena biss. Iżda tul is-sekli, il-kumpless inqered min-nar, terremoti u gwerra.
Il-Belt il-Miċħuda hi kumpless massiv ta’ bini u artefatti li jkopru 200 acre. Fiha hemm ukoll il-Mużew tal-Palazz. Għal kważi ħames sekli, serviet bħala d-dar tal-Imperatur u n-nies ta’ madwaru, kif ukoll bħala ċ-ċentru politiku u ċerimonjali tal-gvern Ċiniż. Mibni bejn l-1406 u l-1420, il-kumpless għad fih 980 binja, bi 8,707 kmamar. Il-kumpless tal-palazz jixhed l-arkitettura tradizzjonali Ċiniża u influwenza l-iżviluppi kulutrali u arkitettoniċi fl-Asja tal-Lvant u postijiet oħra.
Il-Mużew tal-Palazz Mill-1925, il-Belt il-Miċħuda waqgħet taħt il-ħarsien tal-Mużew tal-Palazz, li l-kollezzjonijiet estensivi li għandu huma artiġjanat u artefatti mid-dinastiji Ming u Qing. Biex sempliċiment wieħed jimxi mill-Grada tal-Paċi tas-Sema sal-bini ewlieni tal-Palazz Imperjali u jidħol sal-Grada tal-Ħila Divina fit-tarf l-ieħor, jieħu mill-inqas sagħtejn. Ma’ dawn wieħed irid iżid il-ħin li fih jieqaf biex jesplora l-istrutturi li hemm mat-triq.
Tradizzjonalment, il-Belt il-Miċħuda hi maqsuma f’żewġ partijiet. Il-parti ta’ barra tinkludi t-taqsimiet fin-naħa tan-Nofsinhar u kienet tintuża għal skopijiet ċerimonjali. Il-parti ta’ ġewwa (il-Palazz ta’ wara) jinkludi t-taqsimiet tat-Tramuntana, u kienet ir-residenza tal-Imperatur u l-familja tiegħu, kif ukoll għall-ħtiġiet ta’ kuljum tal-istat.
Fil-ħafna swali li hemm fil-palazz, wieħed isib it-tron Imperjali. Dan qiegħed fil-Palazz tal-Purità tas-Sema. Hawnhekk kienet is-sala tal-udjenzi tal-Imperatur. Fuq it-tron hemm kitba li tgħid ‘Ġustizzja u Unur’.
Kurżitajiet Skond leġġenda antika, fil-Belt il-Miċħuda hemm 9,999 kamra, iżda dan irriżulta li mhux minnu. Minn stħarriġ li sar minn esperti storiċi hemm 8,707 kmamar, li jinkludu l-palazzi kollha, is-swali, l-istudji u l-padiljuni.
Id-draguni Fis-Sala tal-Paċi Suprema hemm numru enormi ta’ ornamenti li juru draguni differenti. In-nies isostnu li tant hemm minnhom, li hu diffiċli ferm tgħoddhom. Madankollu, wara biċċa xogħol iebsa, l-esperti qalu li b’kollox hemm 13,844 dragun.
Il-Belt il-Miċħuda kif tidher minn fuq l-għolja Jingshan fit-Tramuntana tal-pajjiż
It-tron tad-Dragun tal-Imperatur taċ-Ċina fil-Belt il-Minsija
It-Tempju tas-Sema
It-tron fis-Sala tal-Ħarsien tal-Armonija
Ħajt b’disa’ draguni fil-Belt il-Miċħuda, f’Beijing
Id-dħul għall-Palazz Imperjali
Uħud mid-draguni fil-Belt il-Miċħuda
Kreaturi skolpiti fl-injam biex iħarsu lill-okkupanti tal-Palazz
Tyre medju ta’ karozza jagħmel madwar 20,000 mil sa ma jkollu bżonn jinbidel. Iźda meta fil-Kuwajt jiġri dan, it-tyres jispiċċaw f’ċimiterju għalihom.
Kull sena, fil-belt Sulaibiya, fil-Kuwajt, jitħaffru toqob ġgantestki fl-art tar-ramel, li jimtlew bit-tyres qodma. S’issa hu stmat li hemm aktar minn seba’ miljun tyre taħt il-livell tal-art. Din il-kwantità ta’ lastiku tant hi kbira, li tidher sa mill-ispazju.
Hu mifhum li t-tyres, huma kemm tal-Kuwajt kif ukoll ta’ pajjiżi oħra, li ħallsu biex jeħilsu minnhom – fejn hemm erba’ kumpaniji inkarigati mill-qerda tagħhom u hu maħsub li talbu ammont sostanzjali sew biex jeqirduhom.
Id-direttiva Ewropea għall-miżbliet issostni li dan it-tip ta’ rimi ta’ skart ikun illegali fl-Ewropa – ladarba r-regoli tal-2006 tal-UE iċċensurat ir-rimi tat-tyres fil-miżbliet, b’mod li kull sena jkun hemm madwar 480,000 tunnellata ta’ lastiku mqatta’ biex ikun riċiklat.
F’xi ċirkustanzi, it-tyres qodma jintbagħtu f’pajjiżi bħall-Indja, il-Pakistan u l-Malasja, għalkemm hemm liġijiet stretti fuq l-esportazzjoni tagħhom bil-baħar.
Xi xhur ilu nstab li t-tyres tal-karozzi qodma setgħu jkunu riċiklati u uźati għall-wiċċ tat-toroq . Huma joffru toroq aktar silenzjuźi.
Waħda mill-aktar toroq użati fl-Iskozja, s-sena li għaddiet ngħatat wiċċ bl-asfalt li kien fih biċċiet ta’ tyres qodma.
Mit-testijiet li saru, fit-triq bejn Perth u Dundee nstab li l-brejkijiet tal-karozzi rabtu aħjar u s-sewqan kien wieħed aktar silenzjuż. L-esperti huma wkoll tal-fehma li bl-użu tat-tyres fit-toroq, il-manutenzjoni tkun inqas.
Dawn it-toroq bl-użu tat-tyres bdew jintużaw fis-snin sittin fl-Istati Uniti, fejn illum hemm 20,000 mil ta’ toroq magħmulin b’tyres riċiklati.
L-istess toroq tal-lastiku huma popolari fiċ-Ċina, fil-Brażil, fi Spanja u fil-Ġermanja. Minn stħarriġ instab li l-ħsejjes tat-traffiku jonqsu b’madwar 25 fil-mija.
Iżda biex immorru lura mnejn bdejna! Is-sena li għaddiet it-tyres fil-Kuwajt ħadu n-nar u d-daħna tant kienet kbira li setgħet tintlemaħ mill-ispazju. Dan ġara fis-17 ta’ April, qrib Al Jahrah.
Intqal li kien hemm madwar ħames miljun tyre li ħadu n-nar u kien iebes ferm li l-ispeċjalisti jikkontrollawh. Biex jintefa ssejħu n-nies tat-taqsima tat-tifi tan-nar; suldati u ħaddiema tal-kumpanija taż-żejt tal-Kuwajt.
Xahar wara qabdu tyres oħra fi skartiera f’Amghara, li għalih issejħu ħaddiema tat-tifi tan-nar minn sitt stazzjonijiet.
Hu diffiċli ferm biex titfi n-nar kaġunat mit-tyres – għax jipproduċu ħafna dħaħen, li jkun fihom kimiċi velenużi meta jinħarqu.
Min jimxi u jħares ’l fuq jilmaħ fil-kantunieri tat-toroq, niċċa, jew mixgħula jew mitfija. Tista’ tkun f’sura u qagħda mill-aqwa; jekk xi ħadd jieħu ħsiebha u tista’ tkun mitluqa.
Il-kotba u l-qari f’Malta u f’Għawdex fil-qedem, ma kienx daqstant mifrux u għalhekk biex tfittex bniedem jew familja, ridt iddum sakemm ma joħdokx xi ħadd.
Bis-saħħa tan-niċċa fil-kantuniera, fl-għoli, min jgħammar hemm seta’ jgħidlek fejn noqgħod fi TRIQ TA’ SANT ANDRIJA jew TRIQ IL-QALBA. B’hekk jaf jew ma jafx jikteb inti stajt issibu u għalhekk kienu n-niċċeċ u l-istatwi biex nsib fejn int u fejn sejjer: qisu t-tagħmir li ssib fil-karozza li jwasslek li jgħidlek min fejn tgħaddi u fejn tasal.
In-niċċa hemm tibqa’; ma tiċċaqlaqx; jew jieħdu ħsiebha jew titiekel bit-temp jew xi bravu jkissirha.
Qatt ħsibt li inti tista’ tkun bħan-niċċa biex tidher, biex tagħti fil-għajn mingħajr ma toħroġx minn triqtek jew mid-drawwa li trabbejt fiha. “Il-għada (drawwa) li titrabba fiha il-kifen biss ineħħiha.
Idħol għal dak li hu ġdid, duq minn dak li ma jħajrekx, dawra s’Għawdex, żjara lil Kemmuna. Idħol fil-Bibjoteka l-Belt Valletta u tara ringieli fuq ringieli ta’ kotba. Oħroġ għall-Karnival, żur Sptar Pawlu Boffa – Floriana, San Vinċenz, Ħal-Luqa, Mater Dei – San Ġwann. Dak li ma jħajrekx illum tista’ tinħtieġu ’l quddiem. Tibqax f’niċċa għax il-ħajja taħrab u tibqa’ xott u niexef minn ġewwa.
Ma nafx għaliex l-għanqbuta ssaħħarni ! Kont iżgħar u niftakarni nara ritratt ta’ waħda bejn il-weraq u s-sbuħija u n-nisġa fihom gost.
Naħseb li r-riħa tal-bottijiet li jeqirdu d-dubbien u n-nemus iddejjaqna u l-għanqbuta taqbad id-dubbien u n-nemus bla riħa u l-brimba tikolhom. In-natura madwarna tressqilna ħafna sbuħija u reqqa ta’ xogħol u ġmiel, ward, zkuk, siġar, ħamrija, widien, ilma, għelieqi. Min għajnejh miftuħa u mhux magħluq fih innifsu jara, jilmaħ, jifli, jgħarrex u jgħożż.
Imma l-għanqbuta ta’ min jgħarbilha: x-xogħol li fiha; is-sogru tal-brimba hi u tixxengel biex tibda l-għanqbuta. Għanqbuta fir-rokna tejn biex teħilsek mid-dubbien u n-nemus u tajba, u jekk tista’ teqridhiex.
Għanqbuta fil-moħħ ma tridhiex. Min għandu l-għanqbut f’moħħu mhux lakemm tfiehmu, mhux malajr jisma, mhux ħafif biex jaqtagħha. U għalhekk jista’ jew tista’ ġġib tbatija u wġiegħ lil ta’ madwaru. Dejjem kien hemm it-tingis – l-uġigħ imma meta ma jifhmukx tinkedd, meta tipprova tidħol f’moħħ u ssib ix-xtiebi, bibien magħluqa, msakkrin u ssiġġilati, taqta’ nifsek !
Min jaqra ktieb ma jkollux għanqbut għax jaħseb, min jitħallat, rexti, tertuqa, laqgħat, briju, moħħu jkollu l-wisgħa biex jerħi, jidħaq, jifraħ; ma jibqax mhux imfarfar. Moħħok għandu bżonn tfarfira mill-għanqbut. Aktarx li le jekk qrajt dan il-ktieb sa l-aħħar tikka.
Ġojjelli milbusa min-nies irjali u leġġendi ta’ Hollywood, kienu esibiti fl-ikbar esibizzjoni li qatt organizza Cartier.
Fost l-esibiti kien hemm iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly u oġġetti kkummissjonati u milbusa mid-Dukessa ta’ Windsor. Dawn kienu għall-wiri fil-Grand Palais, f’Pariġi mill-4 ta’ Diċembru, biex tkun ċelebrata l-arti u l-istorja tal-ġojjelliera ikoniċi. Fost id-djamanti kien hemm ukoll dawk milbusa minn Elizabeth Taylor. Iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly hu emerald ta’ 10.47 carat, mogħti lilha mill-Prinċep Rainier ta’ Monaco. Hi tidher bih fil-film High Society.
Tad-Dukessa ta’ Windsor kien hemm il-labra tal-fjamming, disinjata minn Jeanne Toussaint, li saret mill-platinum, brillanti, djamanti, emeraldi, żafiri, u ċitrin. Id-Dukessa dehret liebsa din il-labra fl-1940. Kien hemm ukoll għall-wiri d-disinn oriġinali ta’ Toussaint li sar għal din il-labra.
Jeanne Toussaint kienet saret direttriċi tad-dipartiment tal-ġojjellerija ta’ Cartier fl-1933.
‘La Peregrina’ ta’ Elizabeth Taylor kienet rigal mogħti lilha minn Richard Burton, u li Cartier dawruha f’ġiżirana. L-attriċi tidher liebsa din il-ġiżirana li fiha perla li tmur lura għas-seklu 16, u li darba kienet tar-Reġina Mary Tudor. Tal-attriċi Gloria Swanson kien hemm brazzuletta tal-1930, ikkummisjonata lil Cartier u magħmula mid-djamanti, platinum u rock crystal. Hi libsitha fiż-żwieġ tagħha lill-Franċiż Michael Farmer. Tidher biha fil-films Perfect Understanding u Sunset Boulevard.
Dawn kienu biss ftit mill-ħafna ġojjellerija li kien hemm għall-wiri. Fil-fatt, b’kollox kien hemm 600 oġġett.
BDL Publishers has published the second editions of three of Charles Daniel Saliba’s Maltese language books that are used in Maltese secondary schools. The books Idjomi Maltin għal studenti għaqlin and Qwiel Maltin għal studenti ħabrikin contain idioms and proverbs collected under different themes with a definition for each proverb or idiom, the use of each proverb or idiom in a sentence and various exercises appropriate for all learning levels. BDL Publishers has also published the second edition of the poetry anthology 75 Lehma 75 Fehma. In addition to poems, this anthology includes a short biographical note for every poet, a selection of poems from these poets, explanatory notes and exercises for various learning levels for each poem. It also contains a detailed list of literary discourse figures accompanied by exercises, information on proper study skills and two cultural activities for Maltese and Gozitan students. These books are now available in bookshops or from the website www.bdlbooks.com
Antoloġija tal-poeżija u kotba tal-idjomi u l-qwiel ippubblikati mill-ġdid
Il-kumpanija BDL Publishers għadha kemm ippubblikat it-tieni edizzjoni ta’ tliet kotba, tal-awtur Charles Daniel Saliba, li jintużaw fi skejjel sekondarji. Il-kotba Idjomi Maltin għal studenti għaqlin u Qwiel Maltin għal studenti ħabrikin fihom ġabra ta’ idjomi u qwiel miġbura taħt temi differenti, b’definizzjoni ta’ kull qawl u idjoma, l-użu ta’ kull qawl u idjoma f’sentenza u eżerċizzji varji addattati għal-livelli differenti. BDL Publishers ippubblikaw ukoll it-tieni edizzjoni tal-antoloġija tal-poeżija 75 Lehma 75 Fehma. Barra il-poeżiji, din l-antoloġija fiha nota bijografika fuq kull poeta, għażla ta’ poeżiji ta’ dawn il-poeti, noti fuq il-poeżiji u eżerċizzji varji għal-livelli differenti għal kull poeżija. Fih ukoll sezzjoni bit-termini letterarji akkumpanjati b’eżerċizzji varji, punti kif tistudja aħjar, u żewġ attivitajiet kulturali għall-istudenti Maltin u Għawdxin. Dawn il-kotba jinsabu fil-ħwienet ewlenin jew mill-websajt www.bdlbooks.com
Iċ-ċkejknin, sija jkunu tfal jew klieb, ikunu jeħtieġu dik ir-raqda ta’ wara nofsinhar.
Meta Jessica Shyba u żewġha ħadu kelb fid-dar tagħhom għat-tlett itfal żgħar li għandhom, qatgħuha li jgħallmuh iħammeġ f’kaxxa apposta, peress li għandu biss seba’ ġimgħat.
Iżda wara l-ewwel lejl ta’ qrid, Jessica ddeċidiet li ma terġax tħalli lill-kelb Thoe jorqod waħdu. U dan fehimha mill-ewwel u obda anki għall-irqad ta’ wara nofsinhar. Kull darba li binha Beau jitqiegħed fis-sodda, ‘ħuh’ Theo jaqbeż għal fuq is-sodda u jorqod miegħu.
L-ewwel darba li Jessica ndunat b’dan l-irqad stagħġbet u ġibditilhom numru ta’ ritratti. Hi qalet li sa mill-għada wara nofsinhar Thoe joqgħod jistenna wara l-bieb tal-kamra tas-sodda, biex flimkien ma’ Beau, jerġa’ jmur jorqod. L-omm issostni li din kienet l-ikbar relazzjoni sabiħa u organika li qatt xehdet b’għajnejha.
Binha u l-kelb jieħdu nagħsa ta’ sagħtejn kuljum, flimkien.