Il-Palazz Presidenzjali f’Ateni

BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-Palazz Presidenzjali f’Ateni, il-Greċja, hu r-residenza uffiċjali tal-President tar-Repubblika Ellenika. Qabel kien iservi bħala l-Palazz Irjali u dan dam hekk sa ma permezz ta’ referendum fl-1974, tneħħiet il-monarkija.

Id-deċiżjoni li jinbena l-bini li llum iservi bħala d-dar Presidenzjali ttieħdet fl-1868. Dik is-sena twieled Kostantinu, bin Ġorġ I, u eredi tat-tron. L-istat Grieg qatagħha li jippreżentalu dar privata għal meta jilħaq l-età tiegħu.

Wieħed u għoxrin sena wara, meta Kostantinu żżewweġ lil Sophia, Prinċipessa tal-Hohenzollern, l-istat qabel li jinbena l-palazz għall-Prinċep eredi, u sar magħruf bħala Enst Ziller. Il-bini beda fl-1891 u tlesta sitt snin wara fl-1897.

Nar qerried

Lejlet il-Milied tal-1909, in-nar qered parti kbira mill-Palazz Irjali (illum użat mill-Parlament) bir-riżultat li temporanjament, beda jintuża bħala r-residenza tal-familja rjali. Wara l-assassinar ta’ Ġorġ I fl-1913, u l-inkurunazzjoni ta’ Kostantinu, il-Palazz tal-Prinċep eredi, finalment sar ir-residenza rjali.

L-użu tal-bini bħala Palazz waqaf fl-1924, meta l-monarkija twarrbet għal kollox u l-pajjiż ġie dikjarat Repubblika. Imbagħad intuża bħala dar Presidenzjali sal-1935 sa mal-monarkija reġgħet ġiet restawrata u r-Re rritorna f’pajjiżu. Mill-1974, ġiet restawrata wkoll id-demokrazija wara seba’ snin ta’ dittatura militari u l-bini ntuża bħala dar Presidenzjali u residenza għall-President tal-ġurnata.

Sal-aħħar snin tas-seklu dsatax, l-art li fuqha nbniet id-dar Presidenzjali kienet meqjusa bħala ’l-barra mil-limiti tal-belt. Fuq in-naħa tal-Lvant tagħha kien hemm il-Palazz Irjali. Wara dak, kien hemm biss għelieqi u rziezet żgħar. F’dak il-perijodu, l-uniċI bini li kien jidher fuq il-mapep, kienu d-dar tad-Dukessa ta’ Plaisance (magħrufa bħala Ilissia u llum fiha l-Mużew Biżantin) u l-Monasteru Petraki, li t-tnejn inbnew fl-inħawi tal-kampanja, ’il bogħod miċ-ċentru tal-belt.

Għarfien limitat

L-għarfien limitat għall-inħawi f’dak iż-żmien, jista’ jidher mill-fatt li fl-1854, fuq l-istess art kien hemm orfanatrofju tal-bniet (li m’għadux jeżisti). Barra minhekk, l-art matul Vjal Kifissias (illum magħrufa bħala Vjal Vasilissis Sofias) ukoll baqgħet mhux mibnija u l-istat kien mistenni jibni fuqha, bini ministerjali.

Fil-bidu tal-1870 l-Istat ippermetta l-bejgħ tal-art lil individwi privati, li wassal għall-bini ta’ djar għall-familji għonja ta’ Ateni. Lejn l-1890, l-arkitett Ernst Ziller ingħata l-kummissjoni li jibni l-Palazz għall-Prinċep eredi. Ziller kien l-arkitett uffiċjali tal-Qorti taħt ir-Re Ġorġ I u ddisinja madwar 700 binja mal-Grecja kollha, kemm dawk uffiċjali kif ukoll għall-użu privat.

Ġnien ornamentali

Mat-tlestija tal-Palazz fl-1897 u l-bini ta’ Triq Herodou Attikou, il-Palazz tal-Prinċep ġie mdawwar bi ġnien ornamentali kbir. L-għażla tal-pjanti aktarx li tħalliet f’idejn xi speċjalist Grieg, peress li ħafna mis-siġar huma Griegi.

Sa mill-bidu, il-ġnien kien maqsum f’żewġ partijiet kbar, minħabba li t-triq mhix dritta. Il-Palazz jinsab fl-ogħla parti u quddiemu hemm il-ġnien li sar fuq stil Franċiż.

Peress li dan kien se jkun palazz għall-Prinċep eredi, ma sarux swali tal-ballu kbar, peress li twemmen li dawn kellhom ikunu biss fil-Palazz Irjali l-antik. Għalhekk, meta l-palazz sar ir-residenza ewlenija rjali, kienet meħtieġa sala tal-ballu kbira.
Fl-1909, Ziller reġa’ tqabbad jiddisinja estensjoni li kienet tintuża bħala sala tal-ballu u li llum hi magħrufa bħala s-Sala tal-Kredenzjali.

L-ikbar kamra

Estensjoni oħra kienet meħtieġa meta l-Prinċipessa Sophia tal-Greċja, bint ir-Re Pawlu u r-Reġina Frederika, tgħarrset lill-Prinċep Don Juan Carlos I ta’ Spanja (illum Re u Reġina ta’ Spanja). Kien fl-1962, li r-Re ikkummissjona lill-arkitett Alexander Baltatzis biex jiddisinja żieda li kellha tkun l-ikbar kamra li hemm fil-palazz illum, u li hi magħrufa bħala r-Reception Hall.

Illum, bil-belt ta’ Ateni testendi u bosta mili kwadri, id-dar Presidenzjali tinsab eżattament fiċ-ċentru tal-kapitali, maġenb il-Ġnien Nazzjonali u l-Parlament.

Triq Herodou Attikou, fejn jinsab dan il-bini Presidenzjali, mhux biss hi waħda mill-aktar triqat sbieħ tal-belt, iżda hi msawra bil-ħajja politika u soċjali tal-Greċja, peress li fl-istess post hemm il-bini Maximou, fejn il-Prim Ministru Grieg għandu l-uffiċċju tiegħu. Id-dar Presidenzjali bil-ġnien li fiha, għandha firxa ta’ madwar 27,000 metru kwadru.

Sa min-nofs is-snin sebgħin, il-President jorganizza riċeviment kull 24 ta’ Lulju biex ifakkar ir-restawr tad-demokrazija. Għal dan ir-riċeviment ikunu mistednin l-irjus politiċi, miliari, il-mexxejja akkademiċ tal-pajjiż u wkoll rappreżentanti tal-midja u organizzazzjonijiet oħra.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-librerija mgħammra bl-aqwa kotba, fil-Palazz
BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-sala tal-viżitaturi
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-taraġ impotenti u sabiħ fil-Palazz
BDL Books - Binjiet Meastużi
Sala enormi tar-rilassament

Monti

altIL-ĠIMGĦA fiha sebat ijiem. Kull jum tal-ġimgħa f’xi raħal jew xi belt f’Malta issib li hemm il-Monti: bejjiegħa li jarmaw kmieni filgħodu u jbigħu u jaqilgħu u wara tant sigħat iżarmaw u jdabbru rashom.

Ikun hemm gost tiġri ’l hemm u ’l hawn u wkoll jekk ma tixtrix, tifraħ tara oġġetti tal-logħob, ta’ ħtieġa, ta’ gost. Tqabbel il-prezzijiet, mhux bilfors ikunu l-irħas, imma jekk togħġbok u teħtieġ, tixtri u aktarx titlaq bla niket.

Jekk ma tkunx midħla tas-suq u ma tafx il-jiem bl-amment, tkun taf wara li jispiċċa mit-tilqit tal-karti u kartun u żibel ieħor. Jekk aħna ġens nadif u l-mara Maltija kburija li darha xummiema, għaliex wara s-suq ikun hemm iż-żibel ?

Int li tixtri, ħu ħsieb armi f’laned xierqa u mhux fl-art, u int li tbigħ ħu ħsieb li r-roqgħa tiegħek, li tħares b’tant ħeġġa, żżomma nadifa . Xi tgħid kieku flokok issib lill-ħaddieħor ibigħ, ara kemm taqla’ paroli u kustjonijiet. Qis li jkollok borża u r-rimi fit-taqsima tiegħek imur kollu hemm.

Wara kull Monti tara kenniesa jnaddfu u jiġbru kemm fis-sħana u kemm fil-kesħa; x-xogħol isir dejjem. Sew li kull Sindku u Kunsilliera tal-post jagħtu daqqa t’għajn u jaraw li jkun hemm l-indafa.

Int li qed taqra u ma tersaqx lejn suq, ma jfissirx li ma tieħux ħsieb li beltek, raħlek tkun bla ħmieġ. Min ma jagħtix każ id-deni f’ġaru jiġi f’daru.

Monti tajjeb, suq nadif !  

L-iġmla fil-labra

altminn Charles B. Spiteri

Darba, Kristu kien qal lid-dixxipli tiegħu li ‘hu aktar faċli għal ġemel li jgħaddi minn għajn ta’ labra, milli għal raġel sinjur li jidħol fis-Saltna ta’ Alla.’ Issa, artist Russu ħa din l-isfida biblika b’mod litterali, u rnexxielu jdaħħal sebgħa minn dawn l-annimali – u tliet siġriet tal-palm – f’ras labra tal-ħjata.

altL-artist hu l-minjaturist Nikolai Aldunin, ta’ 56 sena, li jagħmel dan ix-xogħol, biex skont hu jittestja kemm idejh għadhom sodi. Hu jwettaq l-arti tiegħu fl-appartament li għandu f’Moska.  L-artiġjanat tiegħu tant hu ċkejken li jagħmel użu minn mikroskopju li għandu 28 sena, u l-għodod li juża jinkludu s-superglue, siringi u toothpicks.

alt

Aludin jgħid li minn dejjem ispiratu l-leġġenda Russa fuq Levsha, artiġjan xellugi, li tant kien kapaċi, li kellu l-ħila jqiegħed in-nagħal fuq baqqa. Għalhekk, hu ttanta jagħmel xogħlijiet ċkejknin u rnexxielu. Iżda jirrakkonta li mhux kollox jiġih sew. Darba, ffrustra ruħu bil-kbir. Kien qed jaħdem rifle f’ċokon enormi u tilef il-parti ta’ wara tagħha. Kien ilu jaħdmiha ġimagħtejn.

Wara li poġġa bilqiegħda, pejjep sigarett u kkalma, qatagħha li jerġa’ jibdieha mill-ġdid. Qal: “Biex tagħmel dawn l-affarijiet ma tistax tkun irrabjat, għax tkun trid twettaq dak kollu li ruħek tiddetta lil idejk.”

alt

Il-Karnival

KARNIVAL 2007

Kav. Joe M. Attard

altDan ix-xahar ta’ ferħ u bluha
Reġa’ magħna f’dawn il-jiem;
Kulħadd lilu jkun jistenna
Għax tas-sena hu l-isbaħ żmien.

In-nies tagħna tkun trid tinsa
Hekk kif fuqna ifeġġ Frar
U għalkemm il-qawl jgħidilna
Li matulu jfuru l-bjar

Nisa, rġiel, żgħażagħ, anzjani
Jistennew il-Karnival
Biex jitbellhu w jitbaħardu
Għax darbtejn insiru tfal!

Fil-misraħ ewlien ta’ beltna
U fil-pjazez ta’ l-irħula
In-nies tiġri u tiffolla
Ma toqgħodx id-dar maqfula!

altTgawdi l-festa ta’ kuluri
L-ispettaklu ta’ l-iżfin;
Jekk tgħidilha: kun ftit serja!
Tgħidlek: issa mhux il-ħin!

U tassew għax dawn il-Festi
Li ġabulna l-Kavallieri
Jiġu sabiex niddevertu –
Staqsu lili x’jiġifieri!

Ħbieb, immela, ħudu kliemi
Ejjew issa nixxalaw:
Għalfejn toqgħod tħammem ħafna
La darba m’aħniex għal haw’!

Il-Palazz ta’ Buckingham fl-Ingilterra

BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-Palazz ta’ Buckingham inbena u tlesta minn Edward Blore fl-1850 u reġa’ kien disinjat mill-ġdid fl-1913 minn Sir Aston Webb. Ir-Reġina Vittorja, l-ewwel monarka li għexet f’dan il-Palazz għamlet hekk meta tlesta fl-1837, u hekk kif ħadet it-tron.

Dan il-Palazz jinsab fil-Belt ta’ Westminster u hu l-post ideali għal okkażjonijiet statali, ospitalità rjali, u fuq kollox attrazzjoni turistika. Hu wkoll il-post fejn ħafna nies Ingliżi ltaqgħu fi żminijiet differenti kemm f’waqtiet ta’ ferħ kif ukoll fi kriżi.

Magħruf oriġinarjament bħala Buckingham House, il-bini li jifforma l-qalba tal-palazz kien townhouse kbira, mibnija mid-Duka ta’ Buckingham fl-1703 u miksuba mir-Re Ġorġ III fl-1761 bħala residenza privata, magħrufa bħala ‘Id-dar tar-Reġina’. Tkabbret fil-75 sena ta’ wara, prinċipalment mill-arkitetti John Nash u Edward Blore, u ffurmat tliet binjiet madwar il-bitħa ċentrali. Finalment, il-Palazz ta’ Buckingham sar magħruf bħala l-palazz irjali uffiċjali tal-monarkija Ingliża.

Il-kappella

BDL Books - Binjiet Meastużi

L-aħħar addizzjonijiet strutturali kbar saru lejn tmiem is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, inkluża l-faċċata li naraw illum. Madankollu, il-kappella tal-palazz kienet inqerdet b’bomba Ġermaniża waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u flokha nbniet il-Gallerija tar-Reġina, li fiha kienu esebiti l-oġġetti ta’ arti mill-Kollezzjoni Rjali. Din il-Gallerija fetħet għall-pubbliku fl-1962.

Ħafna mid-disinji oriġinali interni tal-bidu tas-seklu 19 għadhom jidhru sal-lum f’xi swali.

Il-ġnien tal-palazz hu l-ikbar ġnien privat f’Londra u l-lag artifiċjali, li tlesta fl-1828 fih ilma li jinżel minn Serpentine, xmara li tgħaddi minn Hyde Park.

Il-kmamar statali jiffurmaw parti mill-ħidma tal-palazz u b’mod regolari jintużaw mir-Reġina Eliżabetta II u mill-membri tal-familja rjali għall-ġrajjiet uffiċjali u statali. Il-Palazz Buckingham hu l-aktar bini familjari madwar id-dinja u kull sena jżuruh aktar minn 50,000 persuna.

L-ewwel djar

Aktarx li l-ewwel dar mibnija fis-sit kienet dik ta’ Sir William Blake, għall-ħabta tal-1624. Is-sid ta’ wara kien Lord Goring li mill-1633 kabbar id-dar ta’ Blake u żviluppa ħafna mill-ġnien li jidher illum, li dak iż-żmien ingħata l-isem ta’ Goring Great Garden. Madankollu qatt ma rnexxielu jikseb iċ-ċens tal-mulberry garden. Mingħajr ma Goring kien jaf, id-dokument naqas li jkollu l-approvazzjoni tar-Re Karlu I qabel ma dan ħarab minn Londra u għalhekk fl-1640 ma kellu ebda dritt legali fuq l-art. Din in-nuqqas għen lill-familja rjali Ingliża tikseb l-art mill-ġdid taħt ir-Re Ġorġ III. Illum, id-dar tifforma parti mill-arkitettura fil-qalba tal-palazz preżenti, li nbena għall-ewwel Duka ta’ Buckingham u Normanbija fl-1703. L-istil magħżul kien blokk ċentrali kbir bi tliet sulari b’żewġ binjiet żgħar fil-ġnieb. Eventwalment, fl-1761, Dar Buckingham inbiegħet mid-dixxendent Sir Charles Sheffield, lil Ġorġ III għal £21,000.

Oriġinarjament, id-dar kienet intenzjonata bħala post għall-irtiri tal-familja rjali, b’mod partikulari għar-Reġina Charlotte, u kienet magħrufa bħala d-Dar tar-Reġina. Fiha twieldu 14 mill-15-il tarbija tagħha.

Spejjeż enormi

BDL Books - Binjiet Meastużi

L-immudellar mill-ġdid beda fl-1762. Meta fl-1820 Ġorġ IV laħaq re, kompla bix-xogħol u qabbad lill-arkitett John Nash. Iżda tant għolew l-ispejjeż, li Nash twarrab. Meta Ġorġ IV miet fl-1830 u laħaq ħuh iżgħar, William IV, tqabbad Edward Blore biex ilesti x-xogħol. F’waqt minnhom, William ħaseb li mill-Palazz jagħmel il-Parlament, peress li l-ieħor kien inħaraq fl-1834.

Tliet snin wara, il-Palazz Buckingham sar ir-residenza prinċipali rjali hekk kif telgħet fit-tron ir-Reġina Vittorja, li kienet l-ewwel reġina li għexet hemm wara l-predeċessur tagħha William IV. Iżda maż-żmien, il-palazz waqa’ f’telqa u mtela’ bil-ħmieġ, għax ħadd mill-ħaddiema ma kien iwettaq xogħlu. Iżda meta fl-1840, ir-Reġina żżewġet, żewġha l-Prinċep Albert ħa t-tmexxija tal-palazz f’idejh u l-problemi kollha ssolvew.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Sal-1847, il-koppja rjali ħasset li l-palazz kien ċkien għall-ħtiġiet tagħha u allura Edward Blore tqabbad biex inbena aktar bini. Qabel il-mewt tal-Prinċep Albert, il-palazz kien iservi għal bosta ġrajjiet. Jingħad li Felix Mendelssohn, daqq fi tliet okkażjonijiet. Daqq ukoll Johann Strauss II .

Stat ta’ telqa

BDL Books - Binjiet Meastużi

Meta fl-1861 ir-Reġina sfat armla, hi warrbet mill-ħajja pubblika u telqet mill-Palazz Buckingham biex marret toqgħod fil-Kastell Windsor, dak Balmoral u f’Osborne House. Għal bosta snin, il-palazz qajla ntuża u tħalla fi stat ta’ telqa. Imma l-opinjoni pubblika ġiegħlet lir-Reġina tirritorna Londra, għalkemm meta possibbli dejjem ippreferiet tgħix xi mkien ieħor.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-palazz jokkupa 77,000 metru kwadru ta’ art. Fis-sular ta’ fuq hemm il-Music Room. Imbagħad il-Blue u l-White Drawing rooms. F’nofs il-kuridur li jwassal għall-kmamar statali hemm il-Picture Gallery, f’tul ta’ 50 metru, fejn hemm kwantità ta’ pittura ta’ Rembrandt, van Dyck, Rubens u Vermeer. Mill-Gallerija tasal għas-Sala tat-Tron u għall-Green Drawing Room, li sservi ta’ antekamra enormi għas-Sala tat-Tron.

Fis-sular ta’ taħt l-Appartamenti Statali hemm appartamenti iżgħar, li jintużaw għal festini u udjenzi privati. Xi wħud minn dawn il-kmamar kienu dekorati għal viżitaturi partikulari, bħall-Kamra 1844, li kienet dekorata dik is-sena għaż-żjara Statali tal-Imperatur Nikola I tar-Russja, u fin-naħa l-oħra hemm il-Kamra 1855, bħala unur għaż-żjara tal-Imperatur Napuljun III ta’ Franza.

L-ikbar sala fil-Palazz Buckingham hi s-Sala tal-Ballijiet. Kienet saret mir-Reġina Vittorja għaċ-ċerimonji, bħall-investituri u ikliet statali.

Meta fl-1901 laħaq ir-Re Dwardu VII, li kien miżżewweġ lir-Reġina Alexandra, il-Palazz ħa ħajja ġdida, għalkemm ħafna nies huma tal-fehma li d-dekorazzjonijiet li saru mill-ġdid fil-Palazz ma jikkumplimentawx ix-xogħol oriġinali ta’ Nash.

Ktieb pubblikat fl-1999 mid-Dipartiment tal-Kollezzjoni Rjali jsemmi li l-palazz fih 19-il sala statali, 52 kamra tas-sodda prinċipali, 188 kamra tas-sodda għall-ħaddiema, 92 uffiċċju u 78 kamra tal-banju.

Pixxina

Estensjoni żgħira li tajret parti mill-padiljun fin-naħa tal-Majjistral, li kien disinjat minn Nash, saret fl-1938 meta sfat konvertita f’pixxina. Illum il-ġurnata l-Palazz Buckingham mhux biss id-dar ta’ matul il-ġimgħa għar-Reġina u l-Prinċep Philip iżda wkoll ir-residenza f’Londra għad-Duka ta’ York u l-Earl u l-Kontessa ta’ Wessex. Fih hemm l-uffiċċji tar-Royal Household u l-post tax-xogħol għal 450 persuna.

Bħall-kastell Windsor, il-palazz hu proprjetà tal-Ingilterra u mhux proprjetà personali tal-monarkija, bħal Sandringham u l-Kastell Balmoral. Ħafna mill-oġġetti mill-Palazz Buckingham, il-Kastell Windsor, il-Palazz Kensington u l-Palazz St. James huma magħrufa kollettivament bħala l-Kollezzjoni Rjali. Dawn huma wkoll proprjetà tan-nazzjon u f’ċerti okkażjonijiet ikunu esebiti għall- pubbliku fil-Gallerija tar-Reġina.

Is-swali statali tal-palazz ilhom jinfeħtu għall-pubbliku bejn Awwissu u Settembru, sa mill-1993. Il-flus miġbura mill-entratura qed imorru b’risq il-bini mill-ġdid tal-Kastell Windsor, wara n-nar li qabad fl-1992, li qered ħafna mis-swali statali.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-Salott tar-Reġina
BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-sala tat-Tron
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-Tron

Ir-‘Ryanair’ taħt l-attakk

altminn Charles B. Spiteri

Kien rappurtat li l-ekwipaġġ tal-kabina fuq it-titjiriet tar-Ryanair qed ikunu mitluba jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jieħdu kemm jistgħu flus mingħand il-klijenti tagħhom. Il-kumpanija trid tiftaħar li hi ‘l-linja favorita dinjija’, iżda bl-ispejjeż moħbija tagħha, bil-cabin staff u bit-tattiċi aggressivi fil-bejgħ, Ryanair kaxkret il-frażi ‘no frills’ sal-ibgħat trufijiet.

Investigazzjoni li għadha kif tmexxiet minn The Mail on Sunday kixfet it-tattiċi wżati mil-linja tal-ajru biex tibla’ l-liri u l-ewro mill-passiġġieri tagħha, fosthom:

  • Inċentivi lill-ground staff li jindunaw b’bagollaġġ tqil jew hand luggage ikbar milli suppost u li jġiegħlu lill-passiġġieri jħallsu 70.38 ewro.
  • Inċentivi għall-ground staff li jbigħu priority boarding passes.
  • Jagħtu xorb u rigali lil min jorganizza li stag u hen parties.
  • Imexxu sigaretti elettroniċi mimlijin nikotina.
  • Jgħallmu tabilfors lill-cabin crew, t-tattiċi kollha ta’ kif għandek tbigħ lil min ma jridx jixtri: element ewlieni li jħalli l-profitti lil Ryanair.

Xi ħaddiema qalu lill-gazzetta li kemm huma kif ukoll kollegi tagħhom kienu mġiegħla jilħqu bejgħ impossibbli mit-trolleys tar-rigali u x-xorb jekk riedu jżidu xi bonus mal-pagi tagħhom.

altIl-kumpanija kienet ikkritikata għall-politika tagħha fuq il-qies tal-hand luggage u l-ħlas għoli li titlob biex jittellgħu valiġġi akbar stipulat. Issa nstab ukoll li l-ħaddiema li jinfurzaw dawn ir-regoli ibsin, kienu qed jingħataw bonus. L-investigazzjoni tal-gazzetta saret ftit jiem wara li Ryanair spiċċat taħt l-attakk meta numru ta’ piloti tagħha tkellmu l-verità fuq l-istazzjon televiżiv Channel 4 fuq il-kwalità tas-sigurtà li l-kumpanija toffri fit-titjir. Min-naħa tagħha, Ryanair mhux biss ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru, iżda immedjatament keċċiet mix-xogħol lil wieħed mill-piloti ewlenin tagħha, Captain John Goss, li kkritikaha waqt id-dokumentarju.

altFuq ir-Ryanair, il-hand luggage ma jridx ikun ta’ aktar minn 10 kilo, waqt li bagoll jista’ jkun ibbukkjat għal 15 jew 20 kilo. Meta t-toqol ikun aktar fiż-żewġ każi, l-individwu jintalab iħallas għall-piż żejjed li jkollu. Jirriżulta wkoll li mit-trolleys tax-xorb u rigali, ir-Ryanair tipprova ġġiegħel lil kull passiġġier jonfoq minimu ta’ żewġ ewro f’distanzi qoxra u erba’ ewro fi vjaġġi itwal.

Dejjaq

alt“Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet.”

Mhux il-ħsieb tiegħi li nfisser il-kelma t’Alla imma li nuri t-tifsira ta’ dejjaq.

Tempora mutantur et nos mutamur cum illis.” “Iż-żminijiet jinbidlu u aħna ninbidlu magħhom.”

Iċ-ċagħaq jgħin f’kollox, iġġorr minn imkien għall ieħor tisma’ bil-qalb: toħroġ mid-djuq ta’ moħħok meta ġġarrab. Saqsi l-imġarrab !

Min qatt ma ħareġ mill-fostqa ta’ ħajtu, ħsiebu, ġismu, ġrajjietu qatt ma kiber, qatt ma nħejja, baqa dejjaq.

Mikiel Anton Vassalli (1764-1829ċaqlaq kullimkien bil-ġiri f’ħajtu, bis-safar fiż-żmien, bit-tħabrik u l-għaqdiet ċaqlaq kemm seta’ u weġġa’. Illum insoffu l-ħidma tiegħu fil-kitba u ġrajja.

Ebda bniedem dejjaq ma jista’ jagħti sehem imkien, għax ħarstu tieqaf xiber ’l bogħod minn għajnejh.

Jekk ma tafx ilsienek sew, inti dejjaq ! Jekk ma taqrax b’ilsienek ukoll, u jekk ma taħsibx iżjed u iżjed. Il-marid li ma jafx li hu marid ma jistax ifieq. Bniedem li f’daru għandu ġnien u ma jżurux u ma jidħolx fih, għaddej bin-nieqes ukoll. Issib li għandek ilsien bħal dan: IL-MALTI u ma tħaldx fih !

Ħobb jekk jaqbilek l-ilsna barranija, iżda le tbarri dak li hu ta’ ġewwa. (Dun Karm)  

Il-Palazz tas-Sultan tal-Brunej – L-akbar palazz residenzjali fid-dinja

BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-Palazz Istana Nurul Iman hu r-residenza uffiċjali ta’ Hassanal Bolkiah, is-Sultan tal-Brunej. Il-Palazz jinsab mibni qalb għoljiet imdawra bil-weraq u ħdura qrib ix-xmara tal-Brunej, mhux aktar minn ftit mili ’l barra miċ-ċentru tal-belt. L-isem li ngħata hu Il-Palazz tad-Dawl u l-Fidi.

Hu l-akbar palazz residenzjali fid-dinja u l-akbar residenza ta’ kull tip. Kien disinjat mill-artist nazzjonali tal-Filippini għall-arkitettura, Leondro V. Locsin u minbi mid-ditta Ayala International tal-Filippini.

Għalkemm il-palazz hu moħbi mill-għajnejn tal-pubbliku permezz ta’ landscaping artistiku, il-veduti tiegħu miġbudin minn programmi satellitari bħal Google Earth. Kisbu l-għarfien pubbliku li sar jaf ukoll bit-tqassim tal-palazz. Dawn l-immaġini wrew ukoll żewġ binjiet kbar fiċ-ċentru tal-palazz u ħamsa oħra iżgħar fil-ġnub u qrib iċ-ċentru tal-palazz.

Arja kundizzjonata għaż-żwiemel

BDL Books - Binjiet Meastużi

Istana Nurul Iman fih 1,788 kamra, 257 kamra tal-banju u hu mibni fuq 2,152,782 pied kwadru ta’ art (200,000m kwadru). L-amenitajiet jinkludu ħames pixxini, stalla b’arja kundizzjonata għall-200 żiemel tal-polo tas-Sultan, garaxx li jesa’ 110 karozzi, sala tal-festini li tesa’ 4,000 mistieden u moskea li tilqa’ fiha 1,500 ruħ.

Il-palazz inbena fl-1984 u sewa madwar 1.4 biljun dollaru. Fih ukoll 564 linfa, 51,000 bozza, 44 indana ta’ turġien u 18-il lift. Hu wkoll id-dar għall-kollezzjoni ta’ karozzi tat-tip Ferrari, Bentley u 165 Rolls Royce. Il-Wikipedia ssemmi li s-Sultan għandu 531 karozza tat-tip Mercedes Benz; 367 Ferrari; 362 Bentley; 185 BMW; 177 Jaguar; 160 Porche; 130 Rolls-Royce u 20 Lamborgini. B’kollox għandu 1,932 karozza.

Il-kampnari li fih il-palazz, disinjati wkoll minn Leandro V. Locsin innifsu għandhom soqfa troll, li jidwu l-influwenzi arkitettoniċi Islamiċi u Malay.

Il-palazz jintuża għall-funzjonijiet kollha statali. Iservi wkoll kemm bħala s-sede tal-gvern tal-Brunej, kif ukoll bħala l-uffiċċju tal-Prim Ministru. Flimkien mal-Kmamar tal-Udjenza u dawk Statali, hemm is-Sala tat-Tron, li tintuża għal okkażjonijiet varji, bħalma hi l-proklamazzjoni tal-Prinċep Eredi u għall-Investitura annwali.

Ftuħ għall-pubbliku

BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-palazz ma jinfetaħx għall-pubbliku ħlief għaċ-ċelebrazzjoni Islamika annwali ta’ Hari Raya Idulfitri (il-festival fi tmiem ix-xahar tas-sawm Musulman) meta fil-palazz jaslu madwar 110,000 viżitatur fi tlett ijiem, li jingħataw kumplimenti bħal ikel talli żaru l-post, kif ukoll pakketti ħodor ċkejknin bi flus għat-tfal żgħar. Il-palazz jinfetaħ ukoll għall-Musulmani matul il-perijodu tar-Ramadhan, li jtul għal għaxart ijiem u dan biex isir it-talb.

Primarjament, il-palazz jintuża bħala residenza, waqt li f’ħafna palazzi Ewropej, il-parti l-kbira tal-ispazju tintuża għal skopijiet amministrattivi u statali bħal fil-każ tal-Palazz ta’ Buckingham. Minħabba f’hekk, bi spazju ta’ 828,818 pied kwadru (77,000 metru kwadru) il-Palazz Buckingham għandu t-titlu tal-ikbar palazz irjali fid-dinja li jintuża għall-ħidma.

Mantnut mill-flus taż-żejt

Il-Palazz tas-Sultan tal-Brunej jinżamm fl-istat li hu u hu sostnut mill-flus ġenerati miż-żejt tal-pajjiż, kif huma l-istrutturi kollha kbar fil-pajjiż. Il-Brunej tant hu sinjur li minkejja li l-poplu ma jistgħux jivvutaw, huma ma jħallsux taxxa u l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa huma mingħajr ħlas. Barra minn dan, kulħadd jirċievi pensjoni u l-paga minima nazzjonali hi l-ogħla waħda fix-Xlokk tal-Asja.

BDL Books - Binjiet Meastużi
BDL Books - Binjiet Meastużi
BDL Books - Binjiet Meastużi
BDL Books - Binjiet Meastużi

Sejba importanti għat-Testment il-Qadim

altminn Charles B. Spiteri

Bċejjeċ żgħar tal-fuħħar, misjuba f’Iżrael modern, qed jitfgħu dawl ġdid fuq l-abitanti Bibliċi tagħha u jafu jwasslu biex kulħadd jemmen li r-renji tar-Re Salamun u r-Re David, tabilħaqq seħħew. 

L-iskrizzjoni Ophel, tas-seklu 10 qabel Kristu nstabet taħt l-art is-sena li għaddiet u għall-bidu x-xjenzjati tħassbu bil-lingwa biżarra li kien hemm imnaqqxa fuq il-fdal ta’ buqar.

Madankollu l-espert ewlieni Dr Douglas Petrovich jemmen li l-ilsien hu wieħed Ebrajk primittiv, li jfisser li l-Iżraeliti tal-qedem kienu jiktbu l-istorja eżatt, ferm qabel ma kien maħsub s’issa.

Meta oriġinarjament instabet l-iskrizzjoni, f’Diċembru tal-2012, l-esperti mill-ewwel ħasbu li kien xi forma tal-lingwa ta’ Canaan. Dawn kienu nies Bibliċi li għexu f’dik li llum hi Iżrael il-moderna. Iżda Dr Petrovich, espert fl-istudji bibliċi u l-istorja tal-Lvant qal li dan il-ħsieb ma jreġix, u li l-lingwa misterjuża, hi fil-fatt l-eqdem u l-aktar forma oriġinali tal-ilsien Ebrajk – b’mod li juri li l-Iżraeliti tal-qedem kienu f’Ġerusalemm ferm qabel ma hu maħsub.

Hu jsostni wkoll li l-kelliema Ebrajki kienu jikkontrollaw Ġerusalemm fis-seklu 10 qabel Kristu, li skont il-kronoloġija kien fi żmien David u Salamun. Kienu min kienu, kienu jiktbu bl-Ebrajk, qishom kienu s-sidien tal-post.

altJekk dak li qed jgħid Dr Petrovich hu korrett, jaf juri b’mod ċar l-eżattezza tat-Testment il-Qadim, u li l-Iżraeliti tal-qedem kienu qed jiktbu l-istorja kif kif seħħet tabilħaqq. Jirriżulta wkoll f’differenzi kbar, meta l-istejjer bibliċi nkitbu mill-ġdid mijiet ta’ snin wara. Jiġifieri li t-Testment il-Qadim hu rakkont ta’ dak kollu storiku u kif tabilħaqq ġraw l-affarijiet.

Kif mistenni, l-istqarrjiiet ta’ Dr Petrovich qed iqanqlu l-kontroversja fost il-komunità arkeoloġika.
 

Id-dar tal-Prim Ministri Ingliżi li qed tqarreb il-500 sena

BDL Books - Binjiet Meastużi

Id-dar numru 10 f’Downing Street hi r-residenza u l-uffiċċju tal-First Lord tat-Teżor u Prim Ministru tal-Gran Brittanja. Il-kwartieri tal-Gvern tal-Maestà tagħha jinsabu f’Downing Street, fil-Belt ta’ Westminster, f’Londra.  Number 10, hi spiss riferuta bħala l-aktar indirizz famuż f’Londra u waħda mill-aktar djar magħrufin fid-dinja. Hi d-dar tal-Prim Ministru u l-post tax-xogħol tiegħu, b’uffiċċji għas-segretarji, assistenti u kunsilliera.  Hemm ukoll swali għall-konferenzi u swali għall-pranzi, fejn il-Prim Ministru jilqa’ u jospita mexxejja oħra u dinjitarji barranin. Il-bini jinsab qrib il-Palazz Westminster, il-Parlament u l-Palazz Buckingham, ir-residenza uffiċjali tar-Reġina Eliżabetta II f’Londra.

Oriġinarjament, Number 10 kienet tlett idjar. Fl-1732, ir-Re Ġorġ II offriehom lil Sir Robert Walpole, li aċċettahom bil-kundizzjoni li jservu bħala uffiċċju tal-First Lord tat-Teżor, aktar milli għalih personali. Walpole min-naħa tiegħu qabbad lil William Kent biex jgħaqqadhom flimkien. B’hekk 10 Downing Street saret din id-dar kbira li hi magħrufa llum.  Il-ftehim li sar minn Sir Robert Walpole ma kellux is-suċċess mixtieq minnufih. Minkejja l-qies u l-lokazzjoni konvenjenti, għax qrib il-Parlament, ftit kienu l-Prim Ministri tal-bidu li marru jgħixu hemm.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Madankollu, Number 10 baqgħet marbuta ma’ ħafna mexxejja u ġrajjiet kbar fl-istorja Ingliża.  Fl-1985, il-Prim Ministru Margaret Thatcher kienet qalet li Number 10 kienet saret “waħda mill-aktar ġojjelli prezzjużi fil-wirt nazzjonali.”

L-oriġinali

Kif għedna, Number 10, Downing Street, oriġinarjament kienet tifforma tlett idjar; bini li jħares fuq St. James’s Park (imsejħa d-dar fuq wara), townhouse warajha f’numru 10 Downing Street u dar ċkejkna tmiss magħha. It-townhouse, mnejn il-bini modern ħa ismu, kien wieħed mill-ħafna mibnijin minn Sir George Downing, bejn l-1682 u l-1684.
Id-dar li kienet fuq wara kienet l-ikbar mit-tlieta. Inbniet għall-ħabta tal-1530 maġenb il-Palazz Whitehall. Mibnija mill-ġdid, imkabbra u rinnovata kemm-il darba, hi wkoll kienet parti minn diversi binjiet li kienu jiffurmaw il-Cockpit Lodgings – imsemmija hekk għax kienu mibnija forma ta’ ottagonu u kienu jservu bħala l-post fejn iġelldu s-sriedak. Fil-bidu ts-seklu sbatax, il-Cockpit inbidlet f’sala tal-kunċerti u teatru; wara r-rivoluzzjoni li fiha tajru lir-Re James II, xi laqgħat tal-bidu tal-Kabinett kienu jsiru fiha b’mod sigriet.  Għal ħafna snin, id-‘dar fuq wara’ kienet id-dar tal-għassies tal-Palazz Whitehall, Thomas Knevett, li baqa’ magħruf għall-qbid ta’ Guy Fawkes fl-1605, u li sfaxxa l-pjan għall-assassinju ta’ James I. Is-sena ta’ qabel, Knevett kien fid-dar tal-maġenb, kważi kważi fejn illum hemm in-Number 10.

Residenti fid-dar

Minn dak iż-żmien, membri tal-familja rjali u tal-gvern kienu jgħixu ‘fid-dar ta’ wara’. Il-Prinċipessa Eliżabetta għexet hemm mill-1604 sal-1613, meta żżewġet lil Frederick V, Elector Palatine u marret tgħix Hanover. Saret in-nanna ta’ George, l-Elector ta’ Hanover, li sar Re tal-Ingilterra fl-1714, u l-bużnanna tar-Re George II, li ppreżenta d-dar lil Walpole fl-1732.
George Monck, l-ewwel Duka ta’ Albemarle, il-ġeneral responsabbli għar-restawr tal-monarkija, għex hemm mill-1660 sa ma miet fl-1671. Bħala kap tal-Kummissjoni tat-Teżor tal-167 – 1672, Albemarle ittrasforma l-metodi tal-ikkuntjar u ppermetta aktar kontroll fl-infiq tal-Kuruna.
Aktarx li dan it-tibdil kien sar mis-Segretarju tiegħu, Sir George Downing, li wara bena Downing Street.  Wara George Monck għexu fl-istess dar George Villiers, it-tieni Duka ta’ Buckingham; Lady Charlotte Fitzroy, bint Karlu II; Hendrik van Nassau-Ouwerker, (ġeneral Olandiż) u Johann Caspar von Bothmer. Meta dan miet, id-‘dar ta’ wara’ ngħatat mill-ġdid lill-Kuruna, fejn George II ħa l-opportunità li jagħtiha lil Sir Robert Walpole, li jirreferu għalih bħala l-ewwel Prim Ministru. Din ingħatatlu bħala rigal għas-servizzi tiegħu lin-nazzjon. Fl-istess waqt u b’koinċidenza, ir-Re kiseb iċ-ċnus ta’ żewġ proprjetajiet oħra f’Downing Street, fosthom Number 10, u żiedhom mar-rigal tiegħu li ta lil Walpole.
Il-bini tal-għaqid tat-tliet binjiet flimkien ħa tliet snin. Fit-23 ta’ Settembru, 1735, il-London Daily Post ħabbar li “Il-bieraħ, l-Eċċellenza Sir Robert Walpole, mas-Sinjura u l-familja tiegħu ħarġu mid-dar tagħhom fi Pjazza St James biex marru fid-dar li tmiss magħha.”
Din id-dar kellha 60 kamra, b’art tal-injam u l-irħam, kolonnar eleganti, fuklari tal-irħam ukoll u veduti mill-isbaħ tal-Park St. James.

L-akbar kamra

Waħda mill-akbar kmamar kienet l-uffiċċju, f’qies ta’ 40 pied b’20, bi twieqi enormi fuq l-istess park. Aktar tard, dan l-uffiċċju kellu jservi bħala l-kamra tal-Kabinett, fejn il-Prim Ministri jiltaqgħu mal-Ministri tal-Kabinett. F’din il-kamra kbira, kulma hemm hu inkwatru wieħed – pittura ta’ Walpole, li tinsab fuq il-fuklar u wara s-siġġu tal-Prim Ministru. Il-ħlas li sar biex kien konvertit l-uffiċċju mhux magħruf. Oriġinarjament kien stmat li jiswa £8,000 iżda finalment, qabeż l-£20,000.

Illum il-ġurnata, fin-Number 10 hemm tliet swali magħrufa bħala li State Drawing rooms. Dawn huma l-Pillared Room, it-Terracotta Room u l-White Drawing Room. L-ikbar hi l-Pillared Room, li hu maħsub li saret fl-1796 mill-perit Robert Taylor. Fiha 37 pied (11-il metru) tul bi 28 pied (8.5m) wisa’. Ħadet isimha mill-kolonni ioniċi li fiha. Tapit Persjan jiksi l-art kollha.
F’ħafna okkażjonijiet tal-istat, il-mistednin jintlaqgħu f’din is-sala qabel ma jiddaħħlu fis-Sala Statali tal-Pranzu. Peress li ħafna drabi din is-sala tintuża għar-riċevimenti, il-Pillared Room hi mgħammra biss bi ftit siġġijiet u sufanijiet mal-ħitan.
Wara l-attakk bil-bombi tal-1991, żdiedet is-sigurtà man-Number 10. Saru barrikati elettroniċi li ma jħallux lil min jidħol bl-addoċċ u xħin irid u li permezz tagħhom anki l-barranin jistgħu jaraw ir-residenza tal-Prim Ministru mill-bogħod.

George Downing

Iżda min kien dan l-imbierek George Downing? Downing kien spjun notorju għal Oliver Cromwell u wara, għar-Re Karlu II. Downing kien il-bniedem li investa fil-bini u akkwista flus kbar.
Fl-1654, akkwista ċ-ċens tal-art fin-Nofsinhar ta’ St. James Park, li tmiss mad-dar ta’ wara, li kienet passi bogħod mill-bini tal-Parlament. Hu kien ippjana li jibni ringiela ta’ townhouses disinjati għan-nies tat-tajjeb, biex jgħixu fihom.
It-triq fejn bena dawn id-djar, ilum iġġib ismu u l-akbar dar saret magħrufa bħala Number 10, Downing Street.
Probabbilment, Downing qatt ma għex fit-townhouses tiegħu. Fl-1675, hu rtira Cambridge, fejn miet wara ftit xhur li lesta l-bini. Illum il-ġurnata, pittura ta’ Sir George Downing tinsab imdendla fl-intrata tal-foyer fid-dar moderna 10 Downing Street.

BDL Books - Binjiet Meastużi
L-intrata tal-Prim Ministru Ingliż
BDL Books - Binjiet Meastużi
Is-salott f’10, Downing Street
BDL Books - Binjiet Meastużi
L-indani tat-taraġ fid-dar uffiċjali tal-Prim Ministru Ingliż
BDL Books - Binjiet Meastużi
Rokna mil-librerija li llum isservi għal Gordon Brown
BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-kamra tas-sodda fir-residenza 10, Dowing Street
BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-kamra tal-banju
BDL Books - Binjiet Meastużi
Pittura tal-Prim Ministru Gladstone, jiltaqa’ mal-Kabinett, fil-Kamra tal-Kabinett fl-1868
BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-faċċata ta’ 10, Downing Street