Darba, Kristu kien qal lid-dixxipli tiegħu li ‘hu aktar faċli għal ġemel li jgħaddi minn għajn ta’ labra, milli għal raġel sinjur li jidħol fis-Saltna ta’ Alla.’ Issa, artist Russu ħa din l-isfida biblika b’mod litterali, u rnexxielu jdaħħal sebgħa minn dawn l-annimali – u tliet siġriet tal-palm – f’ras labra tal-ħjata.
L-artist hu l-minjaturist Nikolai Aldunin, ta’ 56 sena, li jagħmel dan ix-xogħol, biex skont hu jittestja kemm idejh għadhom sodi. Hu jwettaq l-arti tiegħu fl-appartament li għandu f’Moska. L-artiġjanat tiegħu tant hu ċkejken li jagħmel użu minn mikroskopju li għandu 28 sena, u l-għodod li juża jinkludu s-superglue, siringi u toothpicks.
Aludin jgħid li minn dejjem ispiratu l-leġġenda Russa fuq Levsha, artiġjan xellugi, li tant kien kapaċi, li kellu l-ħila jqiegħed in-nagħal fuq baqqa. Għalhekk, hu ttanta jagħmel xogħlijiet ċkejknin u rnexxielu. Iżda jirrakkonta li mhux kollox jiġih sew. Darba, ffrustra ruħu bil-kbir. Kien qed jaħdem rifle f’ċokon enormi u tilef il-parti ta’ wara tagħha. Kien ilu jaħdmiha ġimagħtejn.
Wara li poġġa bilqiegħda, pejjep sigarett u kkalma, qatagħha li jerġa’ jibdieha mill-ġdid. Qal: “Biex tagħmel dawn l-affarijiet ma tistax tkun irrabjat, għax tkun trid twettaq dak kollu li ruħek tiddetta lil idejk.”
Il-Palazz ta’ Buckingham inbena u tlesta minn Edward Blore fl-1850 u reġa’ kien disinjat mill-ġdid fl-1913 minn Sir Aston Webb. Ir-Reġina Vittorja, l-ewwel monarka li għexet f’dan il-Palazz għamlet hekk meta tlesta fl-1837, u hekk kif ħadet it-tron.
Dan il-Palazz jinsab fil-Belt ta’ Westminster u hu l-post ideali għal okkażjonijiet statali, ospitalità rjali, u fuq kollox attrazzjoni turistika. Hu wkoll il-post fejn ħafna nies Ingliżi ltaqgħu fi żminijiet differenti kemm f’waqtiet ta’ ferħ kif ukoll fi kriżi.
Magħruf oriġinarjament bħala Buckingham House, il-bini li jifforma l-qalba tal-palazz kien townhouse kbira, mibnija mid-Duka ta’ Buckingham fl-1703 u miksuba mir-Re Ġorġ III fl-1761 bħala residenza privata, magħrufa bħala ‘Id-dar tar-Reġina’. Tkabbret fil-75 sena ta’ wara, prinċipalment mill-arkitetti John Nash u Edward Blore, u ffurmat tliet binjiet madwar il-bitħa ċentrali. Finalment, il-Palazz ta’ Buckingham sar magħruf bħala l-palazz irjali uffiċjali tal-monarkija Ingliża.
Il-kappella
L-aħħar addizzjonijiet strutturali kbar saru lejn tmiem is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, inkluża l-faċċata li naraw illum. Madankollu, il-kappella tal-palazz kienet inqerdet b’bomba Ġermaniża waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u flokha nbniet il-Gallerija tar-Reġina, li fiha kienu esebiti l-oġġetti ta’ arti mill-Kollezzjoni Rjali. Din il-Gallerija fetħet għall-pubbliku fl-1962.
Ħafna mid-disinji oriġinali interni tal-bidu tas-seklu 19 għadhom jidhru sal-lum f’xi swali.
Il-ġnien tal-palazz hu l-ikbar ġnien privat f’Londra u l-lag artifiċjali, li tlesta fl-1828 fih ilma li jinżel minn Serpentine, xmara li tgħaddi minn Hyde Park.
Il-kmamar statali jiffurmaw parti mill-ħidma tal-palazz u b’mod regolari jintużaw mir-Reġina Eliżabetta II u mill-membri tal-familja rjali għall-ġrajjiet uffiċjali u statali. Il-Palazz Buckingham hu l-aktar bini familjari madwar id-dinja u kull sena jżuruh aktar minn 50,000 persuna.
L-ewwel djar
Aktarx li l-ewwel dar mibnija fis-sit kienet dik ta’ Sir William Blake, għall-ħabta tal-1624. Is-sid ta’ wara kien Lord Goring li mill-1633 kabbar id-dar ta’ Blake u żviluppa ħafna mill-ġnien li jidher illum, li dak iż-żmien ingħata l-isem ta’ Goring Great Garden. Madankollu qatt ma rnexxielu jikseb iċ-ċens tal-mulberry garden. Mingħajr ma Goring kien jaf, id-dokument naqas li jkollu l-approvazzjoni tar-Re Karlu I qabel ma dan ħarab minn Londra u għalhekk fl-1640 ma kellu ebda dritt legali fuq l-art. Din in-nuqqas għen lill-familja rjali Ingliża tikseb l-art mill-ġdid taħt ir-Re Ġorġ III. Illum, id-dar tifforma parti mill-arkitettura fil-qalba tal-palazz preżenti, li nbena għall-ewwel Duka ta’ Buckingham u Normanbija fl-1703. L-istil magħżul kien blokk ċentrali kbir bi tliet sulari b’żewġ binjiet żgħar fil-ġnieb. Eventwalment, fl-1761, Dar Buckingham inbiegħet mid-dixxendent Sir Charles Sheffield, lil Ġorġ III għal £21,000.
Oriġinarjament, id-dar kienet intenzjonata bħala post għall-irtiri tal-familja rjali, b’mod partikulari għar-Reġina Charlotte, u kienet magħrufa bħala d-Dar tar-Reġina. Fiha twieldu 14 mill-15-il tarbija tagħha.
Spejjeż enormi
L-immudellar mill-ġdid beda fl-1762. Meta fl-1820 Ġorġ IV laħaq re, kompla bix-xogħol u qabbad lill-arkitett John Nash. Iżda tant għolew l-ispejjeż, li Nash twarrab. Meta Ġorġ IV miet fl-1830 u laħaq ħuh iżgħar, William IV, tqabbad Edward Blore biex ilesti x-xogħol. F’waqt minnhom, William ħaseb li mill-Palazz jagħmel il-Parlament, peress li l-ieħor kien inħaraq fl-1834.
Tliet snin wara, il-Palazz Buckingham sar ir-residenza prinċipali rjali hekk kif telgħet fit-tron ir-Reġina Vittorja, li kienet l-ewwel reġina li għexet hemm wara l-predeċessur tagħha William IV. Iżda maż-żmien, il-palazz waqa’ f’telqa u mtela’ bil-ħmieġ, għax ħadd mill-ħaddiema ma kien iwettaq xogħlu. Iżda meta fl-1840, ir-Reġina żżewġet, żewġha l-Prinċep Albert ħa t-tmexxija tal-palazz f’idejh u l-problemi kollha ssolvew.
Sal-1847, il-koppja rjali ħasset li l-palazz kien ċkien għall-ħtiġiet tagħha u allura Edward Blore tqabbad biex inbena aktar bini. Qabel il-mewt tal-Prinċep Albert, il-palazz kien iservi għal bosta ġrajjiet. Jingħad li Felix Mendelssohn, daqq fi tliet okkażjonijiet. Daqq ukoll Johann Strauss II .
Stat ta’ telqa
Meta fl-1861 ir-Reġina sfat armla, hi warrbet mill-ħajja pubblika u telqet mill-Palazz Buckingham biex marret toqgħod fil-Kastell Windsor, dak Balmoral u f’Osborne House. Għal bosta snin, il-palazz qajla ntuża u tħalla fi stat ta’ telqa. Imma l-opinjoni pubblika ġiegħlet lir-Reġina tirritorna Londra, għalkemm meta possibbli dejjem ippreferiet tgħix xi mkien ieħor.
Il-palazz jokkupa 77,000 metru kwadru ta’ art. Fis-sular ta’ fuq hemm il-Music Room. Imbagħad il-Blue u l-White Drawing rooms. F’nofs il-kuridur li jwassal għall-kmamar statali hemm il-Picture Gallery, f’tul ta’ 50 metru, fejn hemm kwantità ta’ pittura ta’ Rembrandt, van Dyck, Rubens u Vermeer. Mill-Gallerija tasal għas-Sala tat-Tron u għall-Green Drawing Room, li sservi ta’ antekamra enormi għas-Sala tat-Tron.
Fis-sular ta’ taħt l-Appartamenti Statali hemm appartamenti iżgħar, li jintużaw għal festini u udjenzi privati. Xi wħud minn dawn il-kmamar kienu dekorati għal viżitaturi partikulari, bħall-Kamra 1844, li kienet dekorata dik is-sena għaż-żjara Statali tal-Imperatur Nikola I tar-Russja, u fin-naħa l-oħra hemm il-Kamra 1855, bħala unur għaż-żjara tal-Imperatur Napuljun III ta’ Franza.
L-ikbar sala fil-Palazz Buckingham hi s-Sala tal-Ballijiet. Kienet saret mir-Reġina Vittorja għaċ-ċerimonji, bħall-investituri u ikliet statali.
Meta fl-1901 laħaq ir-Re Dwardu VII, li kien miżżewweġ lir-Reġina Alexandra, il-Palazz ħa ħajja ġdida, għalkemm ħafna nies huma tal-fehma li d-dekorazzjonijiet li saru mill-ġdid fil-Palazz ma jikkumplimentawx ix-xogħol oriġinali ta’ Nash.
Ktieb pubblikat fl-1999 mid-Dipartiment tal-Kollezzjoni Rjali jsemmi li l-palazz fih 19-il sala statali, 52 kamra tas-sodda prinċipali, 188 kamra tas-sodda għall-ħaddiema, 92 uffiċċju u 78 kamra tal-banju.
Pixxina
Estensjoni żgħira li tajret parti mill-padiljun fin-naħa tal-Majjistral, li kien disinjat minn Nash, saret fl-1938 meta sfat konvertita f’pixxina. Illum il-ġurnata l-Palazz Buckingham mhux biss id-dar ta’ matul il-ġimgħa għar-Reġina u l-Prinċep Philip iżda wkoll ir-residenza f’Londra għad-Duka ta’ York u l-Earl u l-Kontessa ta’ Wessex. Fih hemm l-uffiċċji tar-Royal Household u l-post tax-xogħol għal 450 persuna.
Bħall-kastell Windsor, il-palazz hu proprjetà tal-Ingilterra u mhux proprjetà personali tal-monarkija, bħal Sandringham u l-Kastell Balmoral. Ħafna mill-oġġetti mill-Palazz Buckingham, il-Kastell Windsor, il-Palazz Kensington u l-Palazz St. James huma magħrufa kollettivament bħala l-Kollezzjoni Rjali. Dawn huma wkoll proprjetà tan-nazzjon u f’ċerti okkażjonijiet ikunu esebiti għall- pubbliku fil-Gallerija tar-Reġina.
Is-swali statali tal-palazz ilhom jinfeħtu għall-pubbliku bejn Awwissu u Settembru, sa mill-1993. Il-flus miġbura mill-entratura qed imorru b’risq il-bini mill-ġdid tal-Kastell Windsor, wara n-nar li qabad fl-1992, li qered ħafna mis-swali statali.
Kien rappurtat li l-ekwipaġġ tal-kabina fuq it-titjiriet tar-Ryanair qed ikunu mitluba jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jieħdu kemm jistgħu flus mingħand il-klijenti tagħhom. Il-kumpanija trid tiftaħar li hi ‘l-linja favorita dinjija’, iżda bl-ispejjeż moħbija tagħha, bil-cabin staff u bit-tattiċi aggressivi fil-bejgħ, Ryanair kaxkret il-frażi ‘no frills’ sal-ibgħat trufijiet.
Investigazzjoni li għadha kif tmexxiet minn The Mail on Sunday kixfet it-tattiċi wżati mil-linja tal-ajru biex tibla’ l-liri u l-ewro mill-passiġġieri tagħha, fosthom:
Inċentivi lill-ground staff li jindunaw b’bagollaġġ tqil jew hand luggage ikbar milli suppost u li jġiegħlu lill-passiġġieri jħallsu 70.38 ewro.
Inċentivi għall-ground staff li jbigħu priority boarding passes.
Jagħtu xorb u rigali lil min jorganizza li stag u hen parties.
Imexxu sigaretti elettroniċi mimlijin nikotina.
Jgħallmu tabilfors lill-cabin crew, t-tattiċi kollha ta’ kif għandek tbigħ lil min ma jridx jixtri: element ewlieni li jħalli l-profitti lil Ryanair.
Xi ħaddiema qalu lill-gazzetta li kemm huma kif ukoll kollegi tagħhom kienu mġiegħla jilħqu bejgħ impossibbli mit-trolleys tar-rigali u x-xorb jekk riedu jżidu xi bonus mal-pagi tagħhom.
Il-kumpanija kienet ikkritikata għall-politika tagħha fuq il-qies tal-hand luggage u l-ħlas għoli li titlob biex jittellgħu valiġġi akbar stipulat. Issa nstab ukoll li l-ħaddiema li jinfurzaw dawn ir-regoli ibsin, kienu qed jingħataw bonus. L-investigazzjoni tal-gazzetta saret ftit jiem wara li Ryanair spiċċat taħt l-attakk meta numru ta’ piloti tagħha tkellmu l-verità fuq l-istazzjon televiżiv Channel 4 fuq il-kwalità tas-sigurtà li l-kumpanija toffri fit-titjir. Min-naħa tagħha, Ryanair mhux biss ċaħdet l-allegazzjonijiet li saru, iżda immedjatament keċċiet mix-xogħol lil wieħed mill-piloti ewlenin tagħha, Captain John Goss, li kkritikaha waqt id-dokumentarju.
Fuq ir-Ryanair, il-hand luggage ma jridx ikun ta’ aktar minn 10 kilo, waqt li bagoll jista’ jkun ibbukkjat għal 15 jew 20 kilo. Meta t-toqol ikun aktar fiż-żewġ każi, l-individwu jintalab iħallas għall-piż żejjed li jkollu. Jirriżulta wkoll li mit-trolleys tax-xorb u rigali, ir-Ryanair tipprova ġġiegħel lil kull passiġġier jonfoq minimu ta’ żewġ ewro f’distanzi qoxra u erba’ ewro fi vjaġġi itwal.
“Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet.”
Mhux il-ħsieb tiegħi li nfisser il-kelma t’Alla imma li nuri t-tifsira ta’ dejjaq.
“Tempora mutantur et nos mutamur cum illis.” “Iż-żminijiet jinbidlu u aħna ninbidlu magħhom.”
Iċ-ċagħaq jgħin f’kollox, iġġorr minn imkien għall ieħor tisma’ bil-qalb: toħroġ mid-djuq ta’ moħħok meta ġġarrab. Saqsi l-imġarrab !
Min qatt ma ħareġ mill-fostqa ta’ ħajtu, ħsiebu, ġismu, ġrajjietu qatt ma kiber, qatt ma nħejja, baqa dejjaq.
Mikiel Anton Vassalli (1764-1829) ċaqlaq kullimkien bil-ġiri f’ħajtu, bis-safar fiż-żmien, bit-tħabrik u l-għaqdiet ċaqlaq kemm seta’ u weġġa’. Illum insoffu l-ħidma tiegħu fil-kitba u ġrajja.
Ebda bniedem dejjaq ma jista’ jagħti sehem imkien, għax ħarstu tieqaf xiber ’l bogħod minn għajnejh.
Jekk ma tafx ilsienek sew, inti dejjaq ! Jekk ma taqrax b’ilsienek ukoll, u jekk ma taħsibx iżjed u iżjed. Il-marid li ma jafx li hu marid ma jistax ifieq. Bniedem li f’daru għandu ġnien u ma jżurux u ma jidħolx fih, għaddej bin-nieqes ukoll. Issib li għandek ilsien bħal dan: IL-MALTI u ma tħaldx fih !
Ħobb jekk jaqbilek l-ilsna barranija, iżda le tbarri dak li hu ta’ ġewwa. (Dun Karm)
Beijing, fiċ-Ċina, hi dominata mill-Palazz Imperjali enormi, li tlesta fl-1420. Peress li aktar minn 500 sena ilu, dan il-palazz kien bogħod ferm mill-pubbliku, iċ-Ċiniżi jirreferu għalih bħala l-Belt Miċħuda. Illum, dan il-palazz jinsab imniżżel fil-lista tal-UNESCO għall-bini meqjus bħala Wirt Dinji.
Mill-1420 sal-1644, il-Belt il-Miċħuda kienet is-sede tad-Dinastija Ming. F’April 1644, inħatfet mill-forzi ribelli mmexxija minn Li Zicheng, li pproklama lilu nnifsu Imperatur tad-Dinastija Shun. Iżda ma damx ma ħarab qabel ma l-armati tal-Ġeneral Wu Sangui tad-Dinastija Ming, ingħaqdu mal-forzi Manchu. Sa Ottubru, il-Manchus kisbu supremazija fin-naħa ta’ fuq taċ-Ċina. Saret ċerimonja fil-Belt il-Miċħuda biex tipproklama liċ-ċkejken Imperatur Shunzhi bħala mexxej taċ-Ċina kollha taħt id-Dinastija Qing. Il-mexxejja Qing bidlu l-ismijiet prinċipali biex aktar jenfasizzaw l-‘Armonija’ milli s-‘Supremazija’.
Fl-1860, matul it-Tieni Gwerra Opium, il-forzi Anglo-Franċiżi ħadu l-kontroll tal-belt il-Miċħuda u okkupawha sa tmiem il-gwerra. Fl-1900, l-Imperatriċi Dowager Cixi ħarbet mill-Belt matul l-Irvell Boxer, u għal sena, il-belt sfat okkupata mill-forzi tal-qawwa li ħejjew it-trattat.
24 imperatur Wara li kienet ir-residenza għal 24 imperatur – erbatax tad-Dinastija Ming u għaxra tad-Dinastija Qing – fl-1912, mal-abdikar ta’ Puyi, l-aħħar Imperatur taċ-Ċina, il-Belt il-Miċħuda waqfet milli tkun iċ-ċentru politiku. Bi ftehim mal-gvern ġdid tar-Repubblika taċ-Ċina, Puyi baqa’ jgħix fil-parti interna, waqt li dik ta’ barra ngħatat għall-użu pubbliku. Dan sa ma fl-1924 sar kolp u Puyi tneħħa minn hemm.
Fl-1933, wara l-invażjoni Ġappuniża fuq iċ-Ċina, ħafna teżori nazzjonali ttieħdu mill-Belt il-Miċħuda. Xi affarijiet mill-kollezzjoni ngħataw lura ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, iżda oħrajn ittieħdu Taiwan bl-ordni ta’ Chiang Kai-shek. Il-Palazz Imperjali jinsab fi Pjazza Tienanmen, li tkabbret fis-snin ħamsin biex tesa’ aktar minn miljun ruħ. Illum hi mimlija b’dehriet differenti mill-isbaħ u b’nies itajru t-tajr tal-karti u oħrajn jipprattikaw it-tai chi. L-istranjieri jkunu mgħarrfa minn qabel għall-kwantitajiet ta’ bejjiegħa tat-triq, li jippruvaw ibigħulhom ftit minn kollox.
Il-Belt il-Miċħuda hi l-aktar eżempju ta’ bini u kultura Ċiniża antiki priservati bl-aqwa mod. Kienet id-dar għal ħafna dinastiji Rjali taċ-Ċina bħad-Dinastija Ming u d-Dinastija Qing. Din il-belt tant kienet kbira u impressiva li ħafna imperaturi qatt ma ħarġu minnha.
Id-dħul fil-belt Ħafna nies jidħlu fil-Belt il-Miċħuda (il-Grada tal-Paċi tas-Sema) minn ħdejn il-Pjazza Tienanmen. Hemmhekk hemm ritratt kbir ta’ Mao Zedong u fuq ix-xellug, kartellun bi kliem li jaqra Ħajja Twila lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, waqt li fuq il-lemin hemm kartellun ieħor bil-kliem Ħa Tgħix fit-Tul l-Għaqda tal-Popli tad-Dinja.
It-tqassim bażiku tal-belt jaf il-bidu tiegħu fis-seklu 15, iżda ħafna bini li naraw illum, sar fis-seklu 19. Il-Palazz Imperjali oriġinali nbena minn 200,000 ħaddiem fi 17-il sena biss. Iżda tul is-sekli, il-kumpless inqered min-nar, terremoti u gwerra.
Il-Belt il-Miċħuda hi kumpless massiv ta’ bini u artefatti li jkopru 200 acre. Fiha hemm ukoll il-Mużew tal-Palazz. Għal kważi ħames sekli, serviet bħala d-dar tal-Imperatur u n-nies ta’ madwaru, kif ukoll bħala ċ-ċentru politiku u ċerimonjali tal-gvern Ċiniż. Mibni bejn l-1406 u l-1420, il-kumpless għad fih 980 binja, bi 8,707 kmamar. Il-kumpless tal-palazz jixhed l-arkitettura tradizzjonali Ċiniża u influwenza l-iżviluppi kulutrali u arkitettoniċi fl-Asja tal-Lvant u postijiet oħra.
Il-Mużew tal-Palazz Mill-1925, il-Belt il-Miċħuda waqgħet taħt il-ħarsien tal-Mużew tal-Palazz, li l-kollezzjonijiet estensivi li għandu huma artiġjanat u artefatti mid-dinastiji Ming u Qing. Biex sempliċiment wieħed jimxi mill-Grada tal-Paċi tas-Sema sal-bini ewlieni tal-Palazz Imperjali u jidħol sal-Grada tal-Ħila Divina fit-tarf l-ieħor, jieħu mill-inqas sagħtejn. Ma’ dawn wieħed irid iżid il-ħin li fih jieqaf biex jesplora l-istrutturi li hemm mat-triq.
Tradizzjonalment, il-Belt il-Miċħuda hi maqsuma f’żewġ partijiet. Il-parti ta’ barra tinkludi t-taqsimiet fin-naħa tan-Nofsinhar u kienet tintuża għal skopijiet ċerimonjali. Il-parti ta’ ġewwa (il-Palazz ta’ wara) jinkludi t-taqsimiet tat-Tramuntana, u kienet ir-residenza tal-Imperatur u l-familja tiegħu, kif ukoll għall-ħtiġiet ta’ kuljum tal-istat.
Fil-ħafna swali li hemm fil-palazz, wieħed isib it-tron Imperjali. Dan qiegħed fil-Palazz tal-Purità tas-Sema. Hawnhekk kienet is-sala tal-udjenzi tal-Imperatur. Fuq it-tron hemm kitba li tgħid ‘Ġustizzja u Unur’.
Kurżitajiet Skond leġġenda antika, fil-Belt il-Miċħuda hemm 9,999 kamra, iżda dan irriżulta li mhux minnu. Minn stħarriġ li sar minn esperti storiċi hemm 8,707 kmamar, li jinkludu l-palazzi kollha, is-swali, l-istudji u l-padiljuni.
Id-draguni Fis-Sala tal-Paċi Suprema hemm numru enormi ta’ ornamenti li juru draguni differenti. In-nies isostnu li tant hemm minnhom, li hu diffiċli ferm tgħoddhom. Madankollu, wara biċċa xogħol iebsa, l-esperti qalu li b’kollox hemm 13,844 dragun.
Il-Belt il-Miċħuda kif tidher minn fuq l-għolja Jingshan fit-Tramuntana tal-pajjiż
It-tron tad-Dragun tal-Imperatur taċ-Ċina fil-Belt il-Minsija
It-Tempju tas-Sema
It-tron fis-Sala tal-Ħarsien tal-Armonija
Ħajt b’disa’ draguni fil-Belt il-Miċħuda, f’Beijing
Id-dħul għall-Palazz Imperjali
Uħud mid-draguni fil-Belt il-Miċħuda
Kreaturi skolpiti fl-injam biex iħarsu lill-okkupanti tal-Palazz
Tyre medju ta’ karozza jagħmel madwar 20,000 mil sa ma jkollu bżonn jinbidel. Iźda meta fil-Kuwajt jiġri dan, it-tyres jispiċċaw f’ċimiterju għalihom.
Kull sena, fil-belt Sulaibiya, fil-Kuwajt, jitħaffru toqob ġgantestki fl-art tar-ramel, li jimtlew bit-tyres qodma. S’issa hu stmat li hemm aktar minn seba’ miljun tyre taħt il-livell tal-art. Din il-kwantità ta’ lastiku tant hi kbira, li tidher sa mill-ispazju.
Hu mifhum li t-tyres, huma kemm tal-Kuwajt kif ukoll ta’ pajjiżi oħra, li ħallsu biex jeħilsu minnhom – fejn hemm erba’ kumpaniji inkarigati mill-qerda tagħhom u hu maħsub li talbu ammont sostanzjali sew biex jeqirduhom.
Id-direttiva Ewropea għall-miżbliet issostni li dan it-tip ta’ rimi ta’ skart ikun illegali fl-Ewropa – ladarba r-regoli tal-2006 tal-UE iċċensurat ir-rimi tat-tyres fil-miżbliet, b’mod li kull sena jkun hemm madwar 480,000 tunnellata ta’ lastiku mqatta’ biex ikun riċiklat.
F’xi ċirkustanzi, it-tyres qodma jintbagħtu f’pajjiżi bħall-Indja, il-Pakistan u l-Malasja, għalkemm hemm liġijiet stretti fuq l-esportazzjoni tagħhom bil-baħar.
Xi xhur ilu nstab li t-tyres tal-karozzi qodma setgħu jkunu riċiklati u uźati għall-wiċċ tat-toroq . Huma joffru toroq aktar silenzjuźi.
Waħda mill-aktar toroq użati fl-Iskozja, s-sena li għaddiet ngħatat wiċċ bl-asfalt li kien fih biċċiet ta’ tyres qodma.
Mit-testijiet li saru, fit-triq bejn Perth u Dundee nstab li l-brejkijiet tal-karozzi rabtu aħjar u s-sewqan kien wieħed aktar silenzjuż. L-esperti huma wkoll tal-fehma li bl-użu tat-tyres fit-toroq, il-manutenzjoni tkun inqas.
Dawn it-toroq bl-użu tat-tyres bdew jintużaw fis-snin sittin fl-Istati Uniti, fejn illum hemm 20,000 mil ta’ toroq magħmulin b’tyres riċiklati.
L-istess toroq tal-lastiku huma popolari fiċ-Ċina, fil-Brażil, fi Spanja u fil-Ġermanja. Minn stħarriġ instab li l-ħsejjes tat-traffiku jonqsu b’madwar 25 fil-mija.
Iżda biex immorru lura mnejn bdejna! Is-sena li għaddiet it-tyres fil-Kuwajt ħadu n-nar u d-daħna tant kienet kbira li setgħet tintlemaħ mill-ispazju. Dan ġara fis-17 ta’ April, qrib Al Jahrah.
Intqal li kien hemm madwar ħames miljun tyre li ħadu n-nar u kien iebes ferm li l-ispeċjalisti jikkontrollawh. Biex jintefa ssejħu n-nies tat-taqsima tat-tifi tan-nar; suldati u ħaddiema tal-kumpanija taż-żejt tal-Kuwajt.
Xahar wara qabdu tyres oħra fi skartiera f’Amghara, li għalih issejħu ħaddiema tat-tifi tan-nar minn sitt stazzjonijiet.
Hu diffiċli ferm biex titfi n-nar kaġunat mit-tyres – għax jipproduċu ħafna dħaħen, li jkun fihom kimiċi velenużi meta jinħarqu.
Min jimxi u jħares ’l fuq jilmaħ fil-kantunieri tat-toroq, niċċa, jew mixgħula jew mitfija. Tista’ tkun f’sura u qagħda mill-aqwa; jekk xi ħadd jieħu ħsiebha u tista’ tkun mitluqa.
Il-kotba u l-qari f’Malta u f’Għawdex fil-qedem, ma kienx daqstant mifrux u għalhekk biex tfittex bniedem jew familja, ridt iddum sakemm ma joħdokx xi ħadd.
Bis-saħħa tan-niċċa fil-kantuniera, fl-għoli, min jgħammar hemm seta’ jgħidlek fejn noqgħod fi TRIQ TA’ SANT ANDRIJA jew TRIQ IL-QALBA. B’hekk jaf jew ma jafx jikteb inti stajt issibu u għalhekk kienu n-niċċeċ u l-istatwi biex nsib fejn int u fejn sejjer: qisu t-tagħmir li ssib fil-karozza li jwasslek li jgħidlek min fejn tgħaddi u fejn tasal.
In-niċċa hemm tibqa’; ma tiċċaqlaqx; jew jieħdu ħsiebha jew titiekel bit-temp jew xi bravu jkissirha.
Qatt ħsibt li inti tista’ tkun bħan-niċċa biex tidher, biex tagħti fil-għajn mingħajr ma toħroġx minn triqtek jew mid-drawwa li trabbejt fiha. “Il-għada (drawwa) li titrabba fiha il-kifen biss ineħħiha.
Idħol għal dak li hu ġdid, duq minn dak li ma jħajrekx, dawra s’Għawdex, żjara lil Kemmuna. Idħol fil-Bibjoteka l-Belt Valletta u tara ringieli fuq ringieli ta’ kotba. Oħroġ għall-Karnival, żur Sptar Pawlu Boffa – Floriana, San Vinċenz, Ħal-Luqa, Mater Dei – San Ġwann. Dak li ma jħajrekx illum tista’ tinħtieġu ’l quddiem. Tibqax f’niċċa għax il-ħajja taħrab u tibqa’ xott u niexef minn ġewwa.
Ma nafx għaliex l-għanqbuta ssaħħarni ! Kont iżgħar u niftakarni nara ritratt ta’ waħda bejn il-weraq u s-sbuħija u n-nisġa fihom gost.
Naħseb li r-riħa tal-bottijiet li jeqirdu d-dubbien u n-nemus iddejjaqna u l-għanqbuta taqbad id-dubbien u n-nemus bla riħa u l-brimba tikolhom. In-natura madwarna tressqilna ħafna sbuħija u reqqa ta’ xogħol u ġmiel, ward, zkuk, siġar, ħamrija, widien, ilma, għelieqi. Min għajnejh miftuħa u mhux magħluq fih innifsu jara, jilmaħ, jifli, jgħarrex u jgħożż.
Imma l-għanqbuta ta’ min jgħarbilha: x-xogħol li fiha; is-sogru tal-brimba hi u tixxengel biex tibda l-għanqbuta. Għanqbuta fir-rokna tejn biex teħilsek mid-dubbien u n-nemus u tajba, u jekk tista’ teqridhiex.
Għanqbuta fil-moħħ ma tridhiex. Min għandu l-għanqbut f’moħħu mhux lakemm tfiehmu, mhux malajr jisma, mhux ħafif biex jaqtagħha. U għalhekk jista’ jew tista’ ġġib tbatija u wġiegħ lil ta’ madwaru. Dejjem kien hemm it-tingis – l-uġigħ imma meta ma jifhmukx tinkedd, meta tipprova tidħol f’moħħ u ssib ix-xtiebi, bibien magħluqa, msakkrin u ssiġġilati, taqta’ nifsek !
Min jaqra ktieb ma jkollux għanqbut għax jaħseb, min jitħallat, rexti, tertuqa, laqgħat, briju, moħħu jkollu l-wisgħa biex jerħi, jidħaq, jifraħ; ma jibqax mhux imfarfar. Moħħok għandu bżonn tfarfira mill-għanqbut. Aktarx li le jekk qrajt dan il-ktieb sa l-aħħar tikka.
Ġojjelli milbusa min-nies irjali u leġġendi ta’ Hollywood, kienu esibiti fl-ikbar esibizzjoni li qatt organizza Cartier.
Fost l-esibiti kien hemm iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly u oġġetti kkummissjonati u milbusa mid-Dukessa ta’ Windsor. Dawn kienu għall-wiri fil-Grand Palais, f’Pariġi mill-4 ta’ Diċembru, biex tkun ċelebrata l-arti u l-istorja tal-ġojjelliera ikoniċi. Fost id-djamanti kien hemm ukoll dawk milbusa minn Elizabeth Taylor. Iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly hu emerald ta’ 10.47 carat, mogħti lilha mill-Prinċep Rainier ta’ Monaco. Hi tidher bih fil-film High Society.
Tad-Dukessa ta’ Windsor kien hemm il-labra tal-fjamming, disinjata minn Jeanne Toussaint, li saret mill-platinum, brillanti, djamanti, emeraldi, żafiri, u ċitrin. Id-Dukessa dehret liebsa din il-labra fl-1940. Kien hemm ukoll għall-wiri d-disinn oriġinali ta’ Toussaint li sar għal din il-labra.
Jeanne Toussaint kienet saret direttriċi tad-dipartiment tal-ġojjellerija ta’ Cartier fl-1933.
‘La Peregrina’ ta’ Elizabeth Taylor kienet rigal mogħti lilha minn Richard Burton, u li Cartier dawruha f’ġiżirana. L-attriċi tidher liebsa din il-ġiżirana li fiha perla li tmur lura għas-seklu 16, u li darba kienet tar-Reġina Mary Tudor. Tal-attriċi Gloria Swanson kien hemm brazzuletta tal-1930, ikkummisjonata lil Cartier u magħmula mid-djamanti, platinum u rock crystal. Hi libsitha fiż-żwieġ tagħha lill-Franċiż Michael Farmer. Tidher biha fil-films Perfect Understanding u Sunset Boulevard.
Dawn kienu biss ftit mill-ħafna ġojjellerija li kien hemm għall-wiri. Fil-fatt, b’kollox kien hemm 600 oġġett.