Il-Palazz Imperjali fiċ-Ċina

BDL Books - Binjiet Meastużi

Beijing, fiċ-Ċina, hi dominata mill-Palazz Imperjali enormi, li tlesta fl-1420. Peress li aktar minn 500 sena ilu, dan il-palazz kien bogħod ferm mill-pubbliku, iċ-Ċiniżi jirreferu għalih bħala l-Belt Miċħuda. Illum, dan il-palazz jinsab imniżżel fil-lista tal-UNESCO għall-bini meqjus bħala Wirt Dinji.

Mill-1420 sal-1644, il-Belt il-Miċħuda kienet is-sede tad-Dinastija Ming. F’April 1644, inħatfet mill-forzi ribelli mmexxija minn Li Zicheng, li pproklama lilu nnifsu Imperatur tad-Dinastija Shun. Iżda ma damx ma ħarab qabel ma l-armati tal-Ġeneral Wu Sangui tad-Dinastija Ming, ingħaqdu mal-forzi Manchu. Sa Ottubru, il-Manchus kisbu supremazija fin-naħa ta’ fuq taċ-Ċina. Saret ċerimonja fil-Belt il-Miċħuda biex tipproklama liċ-ċkejken Imperatur Shunzhi bħala mexxej taċ-Ċina kollha taħt id-Dinastija Qing. Il-mexxejja Qing bidlu l-ismijiet prinċipali biex aktar jenfasizzaw l-‘Armonija’ milli s-‘Supremazija’.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Fl-1860, matul it-Tieni Gwerra Opium, il-forzi Anglo-Franċiżi ħadu l-kontroll tal-belt il-Miċħuda u okkupawha sa tmiem il-gwerra. Fl-1900, l-Imperatriċi Dowager Cixi ħarbet mill-Belt matul l-Irvell Boxer, u għal sena, il-belt sfat okkupata mill-forzi tal-qawwa li ħejjew it-trattat.

24 imperatur
Wara li kienet ir-residenza għal 24 imperatur – erbatax tad-Dinastija Ming u għaxra tad-Dinastija Qing – fl-1912, mal-abdikar ta’ Puyi, l-aħħar Imperatur taċ-Ċina, il-Belt il-Miċħuda waqfet milli tkun iċ-ċentru politiku. Bi ftehim mal-gvern ġdid tar-Repubblika taċ-Ċina, Puyi baqa’ jgħix fil-parti interna, waqt li dik ta’ barra ngħatat għall-użu pubbliku. Dan sa ma fl-1924 sar kolp u Puyi tneħħa minn hemm.

Fl-1933, wara l-invażjoni Ġappuniża fuq iċ-Ċina, ħafna teżori nazzjonali ttieħdu mill-Belt il-Miċħuda. Xi affarijiet mill-kollezzjoni ngħataw lura ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, iżda oħrajn ittieħdu Taiwan bl-ordni ta’ Chiang Kai-shek.
Il-Palazz Imperjali jinsab fi Pjazza Tienanmen, li tkabbret fis-snin ħamsin biex tesa’ aktar minn miljun ruħ. Illum hi mimlija b’dehriet differenti mill-isbaħ u b’nies itajru t-tajr tal-karti u oħrajn jipprattikaw it-tai chi. L-istranjieri jkunu mgħarrfa minn qabel għall-kwantitajiet ta’ bejjiegħa tat-triq, li jippruvaw ibigħulhom ftit minn kollox.

Il-Belt il-Miċħuda hi l-aktar eżempju ta’ bini u kultura Ċiniża antiki priservati bl-aqwa mod. Kienet id-dar għal ħafna dinastiji Rjali taċ-Ċina bħad-Dinastija Ming u d-Dinastija Qing. Din il-belt tant kienet kbira u impressiva li ħafna imperaturi qatt ma ħarġu minnha.

Id-dħul fil-belt
Ħafna nies jidħlu fil-Belt il-Miċħuda (il-Grada tal-Paċi tas-Sema) minn ħdejn il-Pjazza Tienanmen. Hemmhekk hemm ritratt kbir ta’ Mao Zedong u fuq ix-xellug, kartellun bi kliem li jaqra Ħajja Twila lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, waqt li fuq il-lemin hemm kartellun ieħor bil-kliem Ħa Tgħix fit-Tul l-Għaqda tal-Popli tad-Dinja.

It-tqassim bażiku tal-belt jaf il-bidu tiegħu fis-seklu 15, iżda ħafna bini li naraw illum, sar fis-seklu 19. Il-Palazz Imperjali oriġinali nbena minn 200,000 ħaddiem fi 17-il sena biss. Iżda tul is-sekli, il-kumpless inqered min-nar, terremoti u gwerra.

Il-Belt il-Miċħuda hi kumpless massiv ta’ bini u artefatti li jkopru 200 acre. Fiha hemm ukoll il-Mużew tal-Palazz. Għal kważi ħames sekli, serviet bħala d-dar tal-Imperatur u n-nies ta’ madwaru, kif ukoll bħala ċ-ċentru politiku u ċerimonjali tal-gvern Ċiniż.
Mibni bejn l-1406 u l-1420, il-kumpless għad fih 980 binja, bi 8,707 kmamar. Il-kumpless tal-palazz jixhed l-arkitettura tradizzjonali Ċiniża u influwenza l-iżviluppi kulutrali u arkitettoniċi fl-Asja tal-Lvant u postijiet oħra.

Il-Mużew tal-Palazz
Mill-1925, il-Belt il-Miċħuda waqgħet taħt il-ħarsien tal-Mużew tal-Palazz, li l-kollezzjonijiet estensivi li għandu huma artiġjanat u artefatti mid-dinastiji Ming u Qing. Biex sempliċiment wieħed jimxi mill-Grada tal-Paċi tas-Sema sal-bini ewlieni tal-Palazz Imperjali u jidħol sal-Grada tal-Ħila Divina fit-tarf l-ieħor, jieħu mill-inqas sagħtejn. Ma’ dawn wieħed irid iżid il-ħin li fih jieqaf biex jesplora l-istrutturi li hemm mat-triq.

Tradizzjonalment, il-Belt il-Miċħuda hi maqsuma f’żewġ partijiet. Il-parti ta’ barra tinkludi t-taqsimiet fin-naħa tan-Nofsinhar u kienet tintuża għal skopijiet ċerimonjali. Il-parti ta’ ġewwa (il-Palazz ta’ wara) jinkludi t-taqsimiet tat-Tramuntana, u kienet ir-residenza tal-Imperatur u l-familja tiegħu, kif ukoll għall-ħtiġiet ta’ kuljum tal-istat.

Fil-ħafna swali li hemm fil-palazz, wieħed isib it-tron Imperjali. Dan qiegħed fil-Palazz tal-Purità tas-Sema. Hawnhekk kienet is-sala tal-udjenzi tal-Imperatur. Fuq it-tron hemm kitba li tgħid ‘Ġustizzja u Unur’.

Kurżitajiet
Skond leġġenda antika, fil-Belt il-Miċħuda hemm 9,999 kamra, iżda dan irriżulta li mhux minnu. Minn stħarriġ li sar minn esperti storiċi hemm 8,707 kmamar, li jinkludu l-palazzi kollha, is-swali, l-istudji u l-padiljuni.

Id-draguni
Fis-Sala tal-Paċi Suprema hemm numru enormi ta’ ornamenti li juru draguni differenti. In-nies isostnu li tant hemm minnhom, li hu diffiċli ferm tgħoddhom. Madankollu, wara biċċa xogħol iebsa, l-esperti qalu li b’kollox hemm 13,844 dragun.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-Belt il-Miċħuda kif tidher minn fuq l-għolja Jingshan fit-Tramuntana tal-pajjiż
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-tron tad-Dragun tal-Imperatur taċ-Ċina fil-Belt il-Minsija
BDL Books - Binjiet Maestużi
It-Tempju tas-Sema
BDL Books - Binjiet Meastużi
It-tron fis-Sala tal-Ħarsien tal-Armonija
BDL Books - Binjiet Meastużi
Ħajt b’disa’ draguni fil-Belt il-Miċħuda, f’Beijing
BDL Books - Binjiet Meastużi
Id-dħul għall-Palazz Imperjali
BDL Books - Binjiet Meastużi
Uħud mid-draguni fil-Belt il-Miċħuda
BDL Books - Binjiet Meastużi
Kreaturi skolpiti fl-injam biex iħarsu lill-okkupanti tal-Palazz

Ċimiterju ta’ ‘Tyres’

BDL Books - Laqtiet

Tyre medju ta’ karozza jagħmel madwar 20,000 mil sa ma jkollu bżonn jinbidel. Iźda meta fil-Kuwajt jiġri dan, it-tyres jispiċċaw f’ċimiterju għalihom.

Kull sena, fil-belt Sulaibiya, fil-Kuwajt, jitħaffru toqob ġgantestki fl-art tar-ramel, li jimtlew bit-tyres qodma. S’issa hu stmat li hemm aktar minn seba’ miljun tyre taħt il-livell tal-art. Din il-kwantità ta’ lastiku tant hi kbira, li tidher sa mill-ispazju.

Hu mifhum li t-tyres, huma kemm tal-Kuwajt kif ukoll ta’ pajjiżi oħra, li ħallsu biex jeħilsu minnhom – fejn hemm erba’ kumpaniji inkarigati mill-qerda tagħhom u hu maħsub li talbu ammont sostanzjali sew biex jeqirduhom.

Id-direttiva Ewropea għall-miżbliet issostni li dan it-tip ta’ rimi ta’ skart ikun illegali fl-Ewropa – ladarba r-regoli tal-2006 tal-UE iċċensurat ir-rimi tat-tyres fil-miżbliet, b’mod li kull sena jkun hemm madwar 480,000 tunnellata ta’ lastiku mqatta’ biex ikun riċiklat.

F’xi ċirkustanzi, it-tyres qodma jintbagħtu f’pajjiżi bħall-Indja, il-Pakistan u l-Malasja, għalkemm hemm liġijiet stretti fuq l-esportazzjoni tagħhom bil-baħar.

Xi xhur ilu nstab li t-tyres tal-karozzi qodma setgħu jkunu riċiklati u uźati għall-wiċċ tat-toroq . Huma joffru toroq aktar silenzjuźi.

Waħda mill-aktar toroq użati fl-Iskozja, s-sena li għaddiet ngħatat wiċċ bl-asfalt li kien fih biċċiet ta’ tyres qodma.

Mit-testijiet li saru, fit-triq bejn Perth u Dundee nstab li l-brejkijiet tal-karozzi rabtu aħjar u s-sewqan kien wieħed aktar silenzjuż. L-esperti huma wkoll tal-fehma li bl-użu tat-tyres fit-toroq, il-manutenzjoni tkun inqas.

Dawn it-toroq bl-użu tat-tyres bdew jintużaw fis-snin sittin fl-Istati Uniti, fejn illum hemm 20,000 mil ta’ toroq magħmulin b’tyres riċiklati.

L-istess toroq tal-lastiku huma popolari fiċ-Ċina, fil-Brażil, fi Spanja u fil-Ġermanja. Minn stħarriġ instab li l-ħsejjes tat-traffiku jonqsu b’madwar 25 fil-mija.

Iżda biex immorru lura mnejn bdejna! Is-sena li għaddiet it-tyres fil-Kuwajt ħadu n-nar u d-daħna tant kienet kbira li setgħet tintlemaħ mill-ispazju. Dan ġara fis-17 ta’ April, qrib Al Jahrah.

Intqal li kien hemm madwar ħames miljun tyre li ħadu n-nar u kien iebes ferm li l-ispeċjalisti jikkontrollawh. Biex jintefa ssejħu n-nies tat-taqsima tat-tifi tan-nar; suldati u ħaddiema tal-kumpanija taż-żejt tal-Kuwajt.

Xahar wara qabdu tyres oħra fi skartiera f’Amghara, li għalih issejħu ħaddiema tat-tifi tan-nar minn sitt stazzjonijiet.

Hu diffiċli ferm biex titfi n-nar kaġunat mit-tyres – għax jipproduċu ħafna dħaħen, li jkun fihom kimiċi velenużi meta jinħarqu.

Niċċa

altMin jimxi u jħares ’l fuq jilmaħ fil-kantunieri tat-toroq, niċċa, jew mixgħula jew mitfija. Tista’ tkun f’sura u qagħda mill-aqwa; jekk xi ħadd jieħu ħsiebha u tista’ tkun mitluqa.

Il-kotba u l-qari f’Malta u f’Għawdex fil-qedem, ma kienx daqstant mifrux u għalhekk biex tfittex bniedem jew familja, ridt iddum sakemm ma joħdokx xi ħadd.

Bis-saħħa tan-niċċa fil-kantuniera, fl-għoli, min jgħammar hemm seta’ jgħidlek fejn noqgħod fi TRIQ TA’ SANT ANDRIJA jew TRIQ IL-QALBA. B’hekk jaf jew ma jafx jikteb inti stajt issibu u għalhekk kienu n-niċċeċ u l-istatwi biex nsib fejn int u fejn sejjer: qisu t-tagħmir li ssib fil-karozza li jwasslek li jgħidlek min fejn tgħaddi u fejn tasal.

In-niċċa hemm tibqa’; ma tiċċaqlaqx; jew jieħdu ħsiebha jew titiekel bit-temp jew xi bravu jkissirha.

Qatt ħsibt li inti tista’ tkun bħan-niċċa biex tidher, biex tagħti fil-għajn mingħajr ma toħroġx minn triqtek jew mid-drawwa li trabbejt fiha. “Il-għada (drawwa) li titrabba fiha il-kifen biss ineħħiha.

Idħol għal dak li hu ġdid, duq minn dak li ma jħajrekx, dawra s’Għawdex, żjara lil Kemmuna. Idħol fil-Bibjoteka l-Belt Valletta u tara ringieli fuq ringieli ta’ kotba. Oħroġ għall-Karnival, żur Sptar Pawlu Boffa – Floriana, San Vinċenz, Ħal-Luqa, Mater Dei – San Ġwann. Dak li ma jħajrekx illum tista’ tinħtieġu ’l quddiem. Tibqax f’niċċa għax il-ħajja taħrab u tibqa’ xott u niexef minn ġewwa.  

Għanqbuta

altMa nafx għaliex l-għanqbuta ssaħħarni ! Kont iżgħar u niftakarni nara ritratt ta’ waħda bejn il-weraq u s-sbuħija u n-nisġa fihom gost.

Naħseb li r-riħa tal-bottijiet li jeqirdu d-dubbien u n-nemus iddejjaqna u l-għanqbuta taqbad id-dubbien u n-nemus bla riħa u l-brimba tikolhom. In-natura madwarna tressqilna ħafna sbuħija u reqqa ta’ xogħol u ġmiel, ward, zkuk, siġar, ħamrija, widien, ilma, għelieqi. Min għajnejh miftuħa u mhux magħluq fih innifsu jara, jilmaħ, jifli, jgħarrex u jgħożż.

Imma l-għanqbuta ta’ min jgħarbilha: x-xogħol li fiha; is-sogru tal-brimba hi u tixxengel biex tibda l-għanqbuta. Għanqbuta fir-rokna tejn biex teħilsek mid-dubbien u n-nemus u tajba, u jekk tista’ teqridhiex.

Għanqbuta fil-moħħ ma tridhiex. Min għandu l-għanqbut f’moħħu mhux lakemm tfiehmu, mhux malajr jisma, mhux ħafif biex jaqtagħha. U għalhekk jista’ jew tista’ ġġib tbatija u wġiegħ lil ta’ madwaru. Dejjem kien hemm it-tingis – l-uġigħ imma meta ma jifhmukx tinkedd, meta tipprova tidħol f’moħħ u ssib ix-xtiebi, bibien magħluqa, msakkrin u ssiġġilati, taqta’ nifsek !

Min jaqra ktieb ma jkollux għanqbut għax jaħseb, min jitħallat, rexti, tertuqa, laqgħat, briju, moħħu jkollu l-wisgħa biex jerħi, jidħaq, jifraħ; ma jibqax mhux imfarfar. Moħħok għandu bżonn tfarfira mill-għanqbut. Aktarx li le jekk qrajt dan il-ktieb sa l-aħħar tikka.  

Esibizzjoni ta’ Ġojjellerija

Ġojjelli milbusa min-nies irjali u leġġendi ta’ Hollywood, kienu esibiti fl-ikbar esibizzjoni li qatt organizza Cartier.

BDL Books - Laqtiet

Fost l-esibiti kien hemm iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly u oġġetti kkummissjonati u milbusa mid-Dukessa ta’ Windsor. Dawn kienu għall-wiri fil-Grand Palais, f’Pariġi mill-4 ta’ Diċembru, biex tkun ċelebrata l-arti u l-istorja tal-ġojjelliera ikoniċi.
Fost id-djamanti kien hemm ukoll dawk milbusa minn Elizabeth Taylor.
Iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly hu emerald ta’ 10.47 carat, mogħti lilha mill-Prinċep Rainier ta’ Monaco. Hi tidher bih fil-film High Society.

Tad-Dukessa ta’ Windsor kien hemm il-labra tal-fjamming, disinjata minn Jeanne Toussaint, li saret mill-platinum, brillanti, djamanti, emeraldi, żafiri, u ċitrin. Id-Dukessa dehret liebsa din il-labra fl-1940. Kien hemm ukoll għall-wiri d-disinn oriġinali ta’ Toussaint li sar għal din il-labra.

Jeanne Toussaint kienet saret direttriċi tad-dipartiment tal-ġojjellerija ta’ Cartier fl-1933.

La Peregrina’ ta’ Elizabeth Taylor kienet rigal mogħti lilha minn Richard Burton, u li Cartier dawruha f’ġiżirana. L-attriċi tidher liebsa din il-ġiżirana li fiha perla li tmur lura għas-seklu 16, u li darba kienet tar-Reġina Mary Tudor.
Tal-attriċi Gloria Swanson kien hemm brazzuletta tal-1930, ikkummisjonata lil Cartier u magħmula mid-djamanti, platinum u rock crystal. Hi libsitha fiż-żwieġ tagħha lill-Franċiż Michael Farmer. Tidher biha fil-films Perfect Understanding u Sunset Boulevard.

Dawn kienu biss ftit mill-ħafna ġojjellerija li kien hemm għall-wiri. Fil-fatt, b’kollox kien hemm 600 oġġett.

Trid tibqa’ zaghzugha: uza l-bebbux !

altminn Charles B. Spiteri

Ftit żmien ilu kellna reklamar fuq duwa tal-bebbux. U balleċ, milli jidher hemm xi verità marbuta ma’ dan. Qed jingħad, li dak il-bebbuxu, li drajna narawh bħala stradikatur fil-ġonna tagħna, hu aktar ħabib milli għadu tal-bniedem fejn tidħol l-idea taż-żgħożija, jew biex dak li jkun jibqa’ jidher iżgħar fl-età.

Mil-likwidu oħxon li jħalli warajh il-bebbux għadha kif kienet introdotta kura rivoluzzjonarja għal wiċċ il-bniedem, fejn dan iħalli l-bebbux iduru fuqu. Instab li l-likwidu tal-bebbux fih taħlita ta’ proteini qawwija, antiossidanti u aċtu li jgħinu lill-ġilda żżomm friska, inaqqas u jserraħ mill-infjammazzjonijet u jwarrab ġilda mejta. Matul il-kura ta’ siegħa, li qed tkun offruta f’Salon Klinku f’Tokjo, il-wiċċ jitnaddaf qabel mal-bebbux jitqiegħed fuq il-ħaddejn u l-moħħ ta’ dak li jkun u jitħallew iduru fejn iridu. Din il-kura tal-wiċċ, magħrufa bħala Celebrity Escargot Course,  tiswa €187 u tinkludi serje ta’ massaġġi tal-wiċċ, masks u l-użu ta’ electrical pulse machine.

Qed jingħad ukoll li ż-żlieġa li jħalli l-bebbuxu warajh, tgħin kontra l-ħsara mix-xemx, l-aktar mir-raġġi ultravjola.

altIl-bebbux li qed jintuża mis-salon imsemmi, u li bħalissa huma ħamsa, qed jiġu mitmugħin ħaxix organiku, fosthom karrotti, spinaċi, u ħxejjex Ġappuniżi. Minkejja li tinstema’ xi ftit stramba, din il-kura għal kontra x-xjuħija, mhix xi ħaġa ġdida. Hu magħruf li ntużat aktar minn 2,000 sena ilu.

Skont mhu magħruf Hippocartes, li kien wieħed mill-ewwel tobba, kien jgħaffeġ il-bebbux u jħallathom ma’ ħalib qares biex jikkura l-infjammazzjoni tal-ġilda, waqt li aktar qrib tagħna nsibu li l-likwidu li jħallu warajhom il-molluski kien popolari għall-istess ħaġa fil-Ġappun u l-Korea t’isfel.

 

Lagħbuni

altIl-logħob għandu s-sehem tiegħu fis-saħħa, fil-moħħ u fis-soċjetà; logħob bil-kliem, iġelġel, jaqsam u jherri; l-agħar il-logħob bin-nies.

Ġieli tinzerta waħdek u jgħaddilek ħsieb: hemm lagħbuni u jibda ġej ħsieb wara ieħor, kelma ħdejn oħra, tbissima ta’ wieħed jew waħda u tgħid – ‘kif lagħbuni’ u hemm tħossok mixrub u mikdud. Minn għalik li l-vapur sejjer sewwa u ssib li ħareġ barra r-rotta.

Xogħfa bħal din il-ftit tal-ftit ma’ għandhomx u għalhekk jiżdied il-qerq, il-ħsieb ħażin u ż-żewġt uċuh; għax la għamilha lilek trid tagħmilha ’l ħaddieħor.

Jew tagħżel li tgħix il-ħajja, jew tinkedd kull siegħa li tgħaddi !  

Il-ġojjell tal-arti Islamika u kapolavur ta’ wirt dinji

BDL Books - Binjiet Meastużi

It-Taj Mahal hu meqjus bħala l-iktar eżempju rikk tal-arkitettura tal-Mughal, stil li jikkombina l-elementi mill-istili arkitettoniċi Persjani, Ottomani u Islamiċi. Fl-1983, it-Taj Mahal kien dikjarat sit ta’ wirt dinji mill-UNESCO u meqjus bħala “il-ġojjell tal-arti Islamika u kapolavur ta’ wirt dinji meqjum universalment.”

Waqt li l-koppla tal-musulew magħmula minn irħam abjad hi l-aktar komponent familjari, it-Taj Mahal hu kumpless integrat ta’ bini. Il-bini beda madwar l-1632 u tlesta għall-ħabta tal-1653. Għal biex sar kienu mħaddma eluf ta’ artiġjani u nies tas-sengħa.

Il-bini tat-Taj Mahal ingħata lil bord ta’ periti taħt is-superviżjoni imperjali fosthom Abd ul-Karim Ma’mur Khan, Makramat Khan u Ustad Ahmad Lahauri, Persjan li hu meqjus bħala d-disinjatur prinċipali. Fl-1631, ix-Shah Jahan, imperatur waqt il-perijodu tal-imperu Mughal, li kien wieħed prosperu mmens, intlaqat minn niket kbir hekk kif it-tielet mara li kelu, Mumtaz Mahal, mietet wara li welldet lill-erbatax-il tarbija tagħhom, Gauhar Begum.

Talba ta’ moribonda

Waqt li kienet fl-afja tal-mewt, Mumtaz ħeġġet lil Shah Jahan jibnilha musulew b’tifkira, li kellu jkun l-isbaħ wieħed milli d-dinja qatt rat qabel. Ix-Shah wegħidha li x-xewqa tagħha kellha titwettaq u l-bini tat-Taj Mahal beda fl-1632, sena wara mewtha. Id-dwejjaq li waqa’ fih ix-Shah tixhed l-istorja ta’ mħabba li wasslet għall-ispirazzjoni tat-Taj Mahal. Il-musulew prinċipali tlesta fl-1648 u l-bini tal-madwar u l-ġnien, tlestew ħames snin wara. Ix-Shah Jahan innifsu ddeskriva t-Taj b’dawn il-kelmiet:

BDL Books - Binjiet Meastużi

Jekk ħati jfittex kenn hawnhekk, Bħal wieħed maħfur, ikun meħlus mid-dnub.
Jekk midneb jidħol f’dan il-bini,
Dnubietu qodma jinħaslulu.
Id-dehra ta’ dan il-bini joħloq stagħġib ta’ diq;
U x-xemx u l-qamar ixerrdu d-dmugħ minn għajnejhom.
F’din id-dinja, dan l-edifiċċju sar;
Biex jixhed il-glorja tal-ħallieq.

L-ispirazzjoni speċifika għall-bini tat-Taj Mahal ġew mill-bini magħruf tad-dinastija Timurid u tal-Mughal, fosthom il-Gur-e-Amir (il-qabar ta’ Timur, il-proġenitur tad-dinastija Mughal, f’Samarkand), il-qabar Humayun, il-qabar Itmad-Ud-Daulah (kultant imsejjaħ tat-Tarbija Taj) u dak tax-Saha Jahan innifsu, il-Jama Masjid f’Delhi. Waqt li l-binjiet Mughal ta’ qabel kienu jsiru minn ġebel aħmar, Shah Jahan ippromwova l-użu ta’ rħam abjad intarsjat b’ħaġar semi prezzjuż, u l-bini taħt il-patrunaġġ tiegħu laħqu livelli ġodda ta’ rfinar.

Il-qabar 

L-attenzjoni ċentrali tal-kumpless hu l-qabar. Din l-istruttura kbira, magħmula minn irħam abjad, jinsab wieqaf fuq plinta kwadra u tikkonsisti f’bini simetriku b’iwan (speċi ta’ bieb forma ta’arkata) li fuqu hemm kampnar kbir b’turretta tar-ram maħsula bil-bronż (finial). Bħal ħafna mill-oqbra tal-Mughal, l-elementi bażiċi għandhom l-oriġini tagħhom Persjani. Il-kampnar tal-irħam li jgħatti l-qabar hu l-aktar fattur spettakulari. Hu għoli madwar 35 metru, kważi l-istess għoli tal-bażi u jaċċentwa aktar peress li jistrieħ fuq drum tond ta’ madwar seba’ metri għoli. Minħabba l-għamla tal-kampnar ġieli ssir referenza għalih bħala l-kampnar ‘basla’ jew amrud. L-istess għamla tal-kampnar hi enfasizzata minn erba’ kampnari oħra iżgħar chattris, li jinsabu fl-erba’ kanturnieri, li jirreplikaw l-għamla ta’ basla tal-kampnar prinċipali.

Il-finial oriġinali kien magħmul tad-deheb iżda nbidel b’kopja maħsula bil-bronż fil-bidu tas-seklu 19. Dan l-oġġett jagħti eżempju ċar tal-integrazzjoni tal-elementi dekorattivi tardizzjonali, Persjani u Hindu. Fil-quċċata tal-finial hemm qamar, motiv tipiku Islamiku, li l-ponot tiegħu jippuntaw lejn il-ġenna.

Il-minareti, li huma twal aktar minn 40 metru, juru l-ħila enormi tad-disinjatur għas-simetrija. Kienu disinjati bħala minareti li jagħtu sehemhom – element tradizzjonali tal-moskej, intużati mill-muezzin biex isejħu lill-fidili Islamiċi għat-talb.

Id-dekorazzjonijiet 

BDL Books - Binjiet Meastużi

Id-dekorazzjonijiet tat-Taj Mahal fuq barra, huma fost l-iktar fini li jinstabu fl-arkitettura Mughal. Hekk kif il-firxa tal-art tinbidel, id-dekorazzjonijiet jidhru rfinuti b’mod proporzjonali. L-elementi dekorattivi nħolqu billi ntużat iż-żebgħa, l-istucco, l-intarsjar fil-ġebel u l-iskultura. U peress li l-Islam jipprojbixxi l-użu ta’ tpinġijiet ta’ annimali, l-elementi dekorattivi jistgħu jinġabru fil-kaligrafija, f’forom astratti jew f’disinji vegetattivi.

Iżda mal-kumpless kollu tat-Taj Mahal, bħala elementi dekorattivi, intużaw passaġġi mill-Qur’an. Xi wħud huma tal-fehma li s-suġġetti tal-passaġġi ntgħażlu minn Amanat Khan u jirreferu għat-temi ta’ ġudizzju. Il-kaligrafija fuq il-grada l-kbira taqra hekk: “O Ruħ, int tinsab mistrieħa. Mur lura għand is-Sid f’ paċi Miegħu, u hu jkun paċi miegħek”. Fil-ġnieb tal-qabar hemm skolpiti f’bas reliev, fjuri u dwieli. Dawn ġew illustrat b’mod li jenfasizzaw sew l-iskultura tagħhom.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-kamra ta’ ġewwa tat-Taj Mahal hi bogħod mill-elementi dekorattivi tradizzjonali. Hawn, l-intarsjar mhux tal-pietra dura, iżda ħaġar prezzjuż u semi prezzjuż. Il-forma tagħha hi ta’ ottagonu, biex tidħol mnejn tidħol tara l-istess dehra, għalkemm bieb wieħed biss jintuża. Il-ħitan huma għoljin madwar 25 metru u fuqhom jistrieħ kampnar ‘falz’ b’motif tax-xemx. It-tradizzjoni Musulmana ma tippermettix dekorazzjoni elaborata fuq l-oqbra. Għalhekk Mumtaz u Shah Jahan jinsabu midfunin fi kripta relattivament sempliċi, b’wiċċhom iħares lejn il-lemin, u lejn il-Mecca.

Tliet ħitan 

Il-kumpless Taj Mahal hu magħluq minn tliet naħat b’ġebel aħmar, waqt li fuq ix-xellug, fejn hemm ix-xmara, baqa’ miftuħ. Barra l-ħitan hemm bosta musulej oħra, li jinkludu dawk tan-nisa l-oħra li kellu x-Shah, u qabar ikbar għas-seftur favorit li kellha Mumtaz.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Id-daħla prinċipali (darwaza) hi struttura monumentali mibnija primarjament mill-irħam, li hu reminixxenti tal-arkitettura Mughal tal-imperaturi tal-bidu. Hi mimlija bas reliev, u dekorazzjonijiet intarsjati tal-pietra dura b’motifi florali.

Biex kiseb l-art fejn inbena t-Taj Mahal, ix-Shah Jahan ta palazz kbir fiċ-ċentru ta’ Agra lil Maharajah Jai Singh. L-art, ta’ madwar tliet acres kienet skavata, mimlija bl-iskart biex tinxef u ġiet livellata f’50 metru ’l fuq minn xatt ix-xmara. Fejn hemm l-oqbra , tħaffru l-bjar u mtlew bil-ġebel u l-mazkan biex jiffurmaw il-qiegħ tal-qabar.

Leġġenda 

Skond leġġenda jingħad, li kienet inbniet rampa ta’ 15-il kilometru biex jiġi trasportat l-irħam u l-materjali għall-bini tas-sit, u gruppi ta’ għoxrin u tletin ġendus ġibdu l-blokki fuq vaguni li nbnew b’mod speċjali. Inħadmet ukoll sistema elaborata ta’ tarjola, biex permezz tagħha jittellgħu il-blokki fil-pożizzjoni mixtieqa. L-ilma kien jittella’ mix-xmara permezz ta’ makkinarju mimli bi bramel, li jtella’ l-ilma f’tankijiet kbar u minn hemm jitqassam mal-kumpless. Biex l-ilma jitla’ fit-tankijiet, kienu jintużaw ukoll l-annimali.

Il-plinta tal-qabar ħadet madwar 12-il sena biex tlestiet. Il-partijiet l-oħra ħadu għaxar snin oħra. L-ispiża totali dak iż-żmien kienet stmata f’madwar 32 miljun rupee, li llum jissarrfu fi triljuni ta’ dollari.

Biex inbena t-Taj Mahal intużaw materjali mill-Indja u l-Asja kollha u ’l fuq minn 1,000 iljunfant intużaw biex jittrasportaw dan il-materjal. Il-ħaddiema għal dan il-proġett kienu jlaħħqu għal madwar 20,000 u nġabru min-naħa ta’ fuq tal-Indja.

Imneħħi minn ibnu 

Hekk kif tlesta t-Taj Mahal, Shah Jahan tneħħa mill-poter minn ibnu, Aurangzeb, u tqiegħed taħt arrest f’dar qrib il-Forti Agra. Meta x-Shah Jahan miet, Aurangzeb difnu fil-musulew qrib martu.

BDL Books - Binjiet Meastużi

Lejn tmiem is-seklu 19, partijiet mill-bini ġarrbu ħsarat li ma setgħux ikunu irranġati. Imbagħad, matul l-irvell Indjan tal-1857, it-Taj Mahal safa misruq mis-suldati Ingliżi u uffiċjali tal-gvern, li ħaffru biex qalgħu l-ħaġar prezzjux u l-lais lazuli minn mill-ħitan tiegħu. Iżda l-Viċire Ingliż, Lord Curzon ordna restawr massiv, li tlesta fl-1908. Hu ikkummissjona wkoll lampa kbira fil-kamra ta’ ġewwa, fuq mudell ta’ oħra li kien hemm f’moskea fil-Kajr. Fl-istess żmien, il-ġnien ġie rimudellat fi stil Ingliż – ħaġa li għadha hekk sal-lum.

Fl-1942, il-gvern waqqaf scaffolding għax beża minn xi attakk mill-ajru mill-Luftwaffe :ermaniżi u wara mill-Forzi tal-Ajru :appuniżi. Waqt il-gwerer tal-1965 u l-1971 bejn l-Indja u l-Pakistan, l-iscaffoldings reġgħu nbnew biex iqarrqu bil-piloti tal-bombers. Iżda theddid ieħor kien dak mit-tinġis ambjentali mix-xmara Yamuna u l-acid rain minħabba r-raffinerija taż-żejt ta’ Mathura. Dan it-tinġis qed jaqleb il-lewn abjad oriġinali tat-Taj Mahal, f’isfar.

It-Taj Mahal jiġbed lejh bejn żewġ u erba’ miljun viżitatur fis-sena, b’aktar minn 200,000 ikunu turisti.

Il-Palazz tad-dinastija Savoia

BDL Books - Binjiet Meastużi

Il-Palazz fuq stil Barokk ta’ Venaria Reale, inbena mid-dinastija Savoia ’il barra mill-belt ta’ Turin matul is-sekli 17 u 18. Meta Emmanuele- Filiberto, Duka ta’ Savoia, mexxa ’l-kapitali lejn Turin, fl-1562, beda sensiela vasta ta’ proġetti. Din il-ħidma tkompliet mis-suċċessuri tiegħu, biex juru l-kobor u l-qawwa tagħhom fit-tmexxija.

Fl-1659 sar il-proġett grandjuż tad-Duka Carlo Emanuele II, li bena post fiss għall-kaċċa, biex permezz tar-ritwali tal-kaċċa, ikun jista’ jiċċelebra l-kobor tad-Dukat. Għalhekk bena dan il-Palazz b’ħidma tant delikata li tqies bħala l-kuruna tal-kapitali Turin. Ix-xogħol f’Castellamonte, li beda fl-1659 intemm fl-1657 u kien jikkonsisti f’Villaġġ, il-Palazz Irjali u l-Ġonna. Dan kollu kien jestendi fuq art, f’qies ta’ madwar żewġ kilometri.

Sala Diana

BDL Books - Binjiet Meastużi

F’nofs il-Villaġġ saret pjazza kwadra. Il-Palazz Irjali jinkludi żewġ ġonna u fin-nofs hemm is-Sala kbira dedikata lil Diana. Lejn in-Nofsinhar hemm l-istalel u l-kennels tal-klieb, waqt li fin-naħa tal-Punent hemm l-orangerie. Quddiem il-Villaġġ, tinsab il-Kappella ta’ Santu Rokku.

Il-qirda f’xi partijiet tal-palazz, kawżata mit-truppi Franċiżi ta’ Catinat fl-1693, kienet ir-raġuni għall-bidu ta’ proġett ġdid ta’ restawr (1699-1713). Fil-proġett tiegħu, Michelangelo Garove esprima r-referenza ġdida tal-Qorti ta’ Vittorio Amedeo II : Versailles. Iżda l-parti t’isfel biss tlestiet skont il-proġett ta’ dan l-arkitett. Il-parti ta’ fuq baqgħet kif kienet, minħabba l-mewt għal għarrieda ta’ Garove fl-1713.

Fl-1716, is-sit kien assenjat lil Filippo Juvarra. Hu ħadem fuq numru ta’ elementi prinċipali tal-bini: l-irranġar tal-bini użat għall-kaċċa, il-bini tal-Kappella Rjali u ħoloq ġnien wieħed quddiem il-Villaġġ.

Kappella San Uberto

BDL Books - Binjiet Meastużi

Biex aktar joħroġ il-kobor ta’ dan l-ispazju, Juvarra għolla l-gallerija u fetaħ twieqi kbar. Ix-xogħol tiegħu kompla bejn l-1717 u l-1722, bit-tlestija tal-Kappella dedikata lil San Uberto. Il-bini ssejjaħ ‘L-Istalla l-Kbira’ jew ‘Orangerie’.

Il-Palazz kien ħa daqqa ta’ ħarta fis-seklu 19 meta ntuża bħala barracks, iżda minngħaxar snin ’l hawn saret ħidma biex terġa’ ġġibu fl-istat oriġinali. Dan ix-xogħol sewa 284 miljun dollaru Amerikan. Kien xogħol li kopra 200 acre ta’ ġonna u 860,000 pied kwadru ta’ padiljuni mimlijin bi stuccos u pittura.

L-inizjattiva sabet l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea u twettqet mill-Ministeru tal-Wirt Kulturali u r-Reġjun ta’ Piemonte. Bħala proġett tqies bl-iktar wieħed importanti fir-riabilitazzjoni tal-assi kulturali fl-Ewropa.

B’kollox, il-bini monumentali għandu firxa ta’ 80,000 metru kwadru, bid-diversi estensjonijiet li saru, u jinkludu uħud mill-aqwa espressjonijiet tal-Barokk Ewropew: is-Sala l-kbira ta’ Diana, kapolavur tas-seklu 17 minnAmedeo di Castellamonte; il-Galleria Grande; il-Knisja, is-Serra taċ-?itru u l-Kumpless Prinċipali tal-Istalel, mibnija fis-seklu 18 mill-ġenju Filippo Juvarra.

Kumpless enormi

BDL Books - Binjiet Meastużi

Meta wieħed jaraha mill-ajru, ir-Reggia di Venaria tinfirex f’kumpless sħiħ ta’ bini u parki ta’ 950,000 metru kwadru. Fiha ġnien ta’ 80 ettaru (wieħed mill-ikbar fl-Italja), il-Pixkerija l-Kbira, xmara artifiċjali li tesa’ ħdax il-miljun litru ta’ ilma, iċ-ċentru tal-belt storika, il-Borgo Castello u l-Cascina Rubbianetta, f’dominju fejn hemm siġar u kastelli li joħorġu mill-ħdura ta’ La Mandria park, li jinfirex fuq aktar minn6,000 ettaru.

Il-mużew li qed isir, qed ikun disinjat għall-okkażjoni li hi ippjanata għall-2011, li hi l-150 anniversarju mill-unifikazzjoni tal-Italja.

BDL Books - Binjiet Meastużi
Il-funtana, li matul il-lejl tkun spettakulari għall-aħħar bl-ilma li ddawwar
BDL Books - Binjiet Meastużi
Dik magħrufa bħala ‘galleria grande’ – loġġa kbira li tagħti għal fuq il-ġonna interni tal-Palazz
BDL Books - Binjiet Meastużi
Wieħed mill-appartamenti bl-isbaħ arti indurata bid-deheb
BDL Books -Binjiet Maestużi
Iż-żieda li saret fil-Palazz matul iż-żmien

Studenti bil-ħrieqi

altminn Charles B. Spiteri

Fl-Ingilterra nstab li tfal ta’ ħames snin qed jintbagħtu l-iskola bil-ħrieqi, u dan għax qatt ma ngħataw taħriġ biex jużaw WC. 

Rapport li sar apposta juri li numru qawwi ta’ ġenituri qed jonqsu milli jgħallmu lil uliedhom il-ħiliet bażiċi, tant li lanqas jagħrfu meta għandhom jirrikorru għad-WC. Minħabba f’hekk, l-għalliema qed jispiċċaw jgħinu lit-tfal ibiddlu ħwejjiġhom minflok jgħallmuhom is-suġġetti tal-iskola.

L-għaqda tal-għalliema tefgħet it-tort kollu tal-problema fuq l-ommijiet u l-missirijiet li ma jafux x’inhuma d-dmirijiet tal-ġenituri lejn uliedhom ċkejkin. Kollox beda wara stħarriġ fi 18-il klassi tal-iskola primarja, fejn instab li 24 tifel u tifla ma kinux jafu kif jużaw id-WC u għalhekk kienu għadhom jitlibbsu l-ħrieqi. Issa, l-komunità tas-Saħħa f’Kent qed titlob lill-infermiera tal-iskejjel, jippruvaw jgħallmu l-ħtiġiet bażiċi lit-tfal, qabel ma jibdew l-iskola, għax instab ukoll li ħafna ġenituri mhumiex jagħtu jixorbu lil uliedhom biex ikunu jistgħu jibqgħu indaf il-ġurnata kollha.

Barra minn hekk, is-soċjetà waslet f’livell fejn il-ġenituri tat-tfal żgħar lanqas jgħallmuhom jgħidu ‘jekk jogħġbok’ u ‘grazzi’. 

L-għalliema jsostnu li dawn huma manjieri li għandhom ikunu mgħallma mill-ġenituri nfushom, u jkun inutili li huma, min-naħa tagħhom jgħallmuhom kif iġibu ruħhom mal-mejda; kif jużaw l-imgħarfa, l-furketta u s-sikkina, meta la jafu jgħidu ‘grazzi’ u lanqas meta għandhom imorru d-WC.

Sue Palmer, awtriċi ta’ kotba fuq l-iżvilupp tat-tfal, issostni li t-tort totali għandu jinġarr mill-ġenituri, li għandhom isibu ħin jgħallmu l-ħwejjeġ bażiċi kollha lil uliedhom. Jekk dan ma jsirx, ħadd ma jista’ jistenna aħjar mit-tfal iż-żgħar. M’għandux ikun hemm ġenituri li jaħsbu li għax uliedhom ikunu l-iskola, l-għalliema għandhom iġorru r-responsabbiltà huma.