F’erba’ xhur iltaqgħu, innamraw, tgħarrsu u żżewġu

altMinn Charles B. Spiteri

Bin ir-raba’ minn Ħ’Attard u bint ir-raba’ minn San Ġorġ, Ħal Qormi ltaqgħu flimkien u żżewġu permezz tal-ħbiberija li kienet teżisti bejn missirijiethom. Din il-koppja hi magħmula minn Filippo Camilleri u Filomena, li kunjom xbubitha kien Borg. Filippo ngħata dan l-isem għax waqt twelidu, il-lingwa Taljana kienet għadha fl-aqwa tagħha.

Meta Filippo kellu dawk il-15-il sena, safa ltim minn ommu. Ma’ mewtha, fid-dar baqa’ l-missier, Filippo u żewġ ħutu oħra subien. Wara xi sentejn, il-missier kien qed jaħsibha li jerġa’ jiżżewweġ, iżda malajr tajjar il-ħsieb u ħeġġeġ lil Filippo biex jiżżewweġ hu minfloku.

altKien bagħtu Ħal Qormi għand missier Filomena biex iġiblu ftit żerriegħa tal-ħass. Meta wasal għandhom, il-missier daħħlu d-dar u bagħat lil Filomena biex tmur iġġiblu u Filippo ma damx ma nġibed lejha. Hu reġa’ mar għandhom u f’temp ta’ erba’ xhur għaddew in-namur, l-għerusija u ż-żwieġ. F’Mejju ltaqgħu u l-ewwel ħarġa tagħhom kienet xahar wara, fil-festa tas-Santissma Trinita’ tal-Marsa. F’Settembru żżewġu.

Joħorġu bil-‘gwardja’

Bi tbissima ġenwina jirrakkuntaw li dak iż-żmien biex joħorġu ftit, imqar għal passiġġata, kienu jġorru ‘l-gwardja’ magħhom. Iżda fir-rigward tagħhom ma kellhomx perijodu twil ta’ namur u għerusija, li setgħu joqogħdu joħorġu, peress li kif jgħidu, kienu, ż-żwieġ tagħhom kien “mal-ħaġra t-tajn”. Għalhekk, l-aktar li kienu jiltaqgħu kien fid-dar tal-għarusa u joqogħdu miġburin hemm.

Madankollu, Filippo, li hu akkanit sew għall-festi, jirrakkonta li ma kienx ikun hawn festa li ma attendewx għaliha. Kien saħansitra jerfa’ fl-istatwi tal-festa u għadu dilettant kbir sal-lum. Biex jiċċajta qalli li għall-purċissjonijiet kien imur b’purċissjoni oħra, għax magħhom kienu jridu jieħdu lil ħutha.

Filomena żiedet li dak iż-żmien, id-dixxiplina kienet stretta. Huma, li kienu erbatax-il aħwa, kellhom dixxiplina bla swat, iżda jekk missierha kien jordnalha biex f’xi jum ma toħroġx barra mid-dar, kien ikollha tobdi bla mistoqsijiet.
Għall-għerusija kienu xtraw iċ-ċrieket, ħaduhom għand qassis u berikhomlhom.

Fl-1953, meta żżewġu Filippo u Filomena, iċ-ċerimonja taż-żwieġ kienet issir billi jagħtu l-kunsens. Dan għamluh fl-20 ta’ Settembru, billi marru fil-knisja ta’ San Bastjan, iż-żgħira f’Ħal Qormi. Il-kunsens tahulhom Dun Mikiel Balzan, li għamel 25 sena Kappillan ta’ Ħ’Attard u kien ħabib kbir ta’ Filippo.

Meta l-Kappillan Balzan ħa l-aħbar li ħabibu kien se jiżżewweġ, u aktarx li sar jaf min kien se jagħmlilhom xhieda, kien ħeġġeġ lill-għarus biex imur ikellem lill-Kappillan ta’ San Bastjan u jgħidlu bix-xewqa li jieħdu l-kunsens hemm, iżda jagħtihulhom hu (Dun Balzan). Filippo għamel kif qallu, għax il-Kappillan kien il-bniedem li għammdu, żewġu u mbagħad għammidlu ’l-ewwel żewġt itfal.

Għar-repo’ tat-tieġ ħadilhom ħsieb kollox missier Filippo. Ordnalhom ix-xorb u l-ħelu mingħand dulċier mill-Furjana u krielhom garaxx kbir il-Ħamrun bħala sala. Dak iż-żmien, is-swali ta’ llum ma kinux jinstabu. Kulħadd garaxx tal-karrozzi kien jikri.

Xhieda prominenti

altGħal-libsa tat-tieġ, Filomena kienet xtrat id-drapp u ħitithielha ħajjata. U jiftakru sew li x-xhieda taż-żwieġ tagħhom kienu żewġ persunaġġi mill-aqwa – il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, George Borg Olivier u l-Avukat tal-Kuruna Joseph Reynauld.

Il-kunsens taż-żwieġ kienu tawh filgħaxija. Wara marru l-Ħamrun għar-ritratt, għand Cassar Photo Studio u minn hemm għas-sala. Kellhom madwar 400 ruħ mistiedna u kien hemm grupp tal-jazz li pprovda l-mużika għaż-żfin. Dak iż-żmien iż-żfin kien moda ħafna. Filippo jiftakar ukoll li l-kont tat-tieġ kien laħħaq dawra ta’ Lm400 – qisu Lm1 kull persuna, li għal dak iż-żmien, meta l-paga kienet ta’ xi Lm2 fil-ġimgħa, kienu flus!

Ħa;a li kienet għadha sseħħ f’ċerti rħulha Maltin, kienet li għall-ewwel lejla, l-għarusa tmur torqod f’dar il-ġenituri tagħha. Għalhekk, wara t-tieġ, Filomena u Filippo marru Ħal Qormi, fejn hu raqad fl-istess karma ma’ ħutha subien u Filomena raqdet ma’ ħutha bniet.

Ma kienx żgur qamar il-għasel, iżda l-użanzi antiki għandu jkollhom ir-rispett tagħhom ukoll. U ma jfissirx li għax ma kienx hemm qamar il-għasel kif nafuh illum, ħajjithom ma kinitx waħda normali. Anzi, meta jħarsu lura, kemm Filippo, kif ukoll Filomena, jistqarru li żmienhom kien isbaħ minn dan ta’ llum, għax il-ħajja kienet aktar trankwilla u kull tentazzjoni kienet għadha imbiegħda.

Wara dak il-lejl marru għall-quddiesa. Filomena semmiet li dari, minħabba t-tqarbin, ma kont tista’ tiekol xejn sa min-nofs il-lejl. Kien għalhekk li l-kunsens kien jingħata filgħaxija, biex wara jsir it-tieġ, li kien jintemm għall-ħabta tal-ħdax ta’ bil-lejl u l-għada jkunu jistgħu jattendu għall-quddiesa. Din semgħuha fil-parroċċa San Gejtanu, l-Ħamrun.

L-akkomodazzjoni

Biex isibu dar fejn imorru joqogħdu ma kellhomx problema. Missier Filippo tahom post minn tiegħu, iżda meta l-iben il-kbir mar joqgħod għalih waħdu u ż-żgħir, li żżewweġ għaxar snin wara Filippo, emigra lejn l-Awstralja, Filomena u Filippo kienu tal-fehma li lil missierhom ma jħalluhx waħdu. Għalhekk marru joqogħdu miegħu.

Ma kinitx xi ħaġa ġdida għal Filomena, peress li sa minn meta żżewġet, hi kienet il-mara fid-dar tal-familja kollha ta’ żewġha, peress li l-omm kienet mietet.

Filippo, li minkejja li għaddew aktar minn 60 sena minn fuqhom għadu jħossu miġbud sew lejn martu, jistqarr li mn’alla kienet hi għalihom, għax dar mingħajr l-omm, b’xi mod tistaġna. Kienet Filomena li mhux biss stinkat u reġgħet tat il-ħajja lid-dar, iżda kienet il-bniedma li awtomatikament saret qisha bint għal missier Filippo u oħt għal ħutu Karmnu u Leli.

Mingħajrha, jgħid Filippo, konna mmorru l-baħar. Filomena hi mara ta’ rispett kbir, tant li baqg[et tindokra u tikkura lil missieru sa ma miet, id-dar.

Hi wkoll għandha kliem ta’ rispett lejn il-kunjatu. Tg[ħid li kien jirreferi għaliha bħala ‘t-tifla’ u minħabba f’hekk, darba mar wieħed għandhom biex ikellem lil Vestru ħalli joħtobha. Vestru beda jidħaq, waqt li qallu li Filomena kienet il-mara ta’ ibnu Filippo.
Mas-snin kellhom tmint itfal, li llum huma lkoll miżżewġin. Joe u martu Margaret għandhom tlett itfal Kevin, Denise u Tyron, Helen, miżżewġa lil Salvu Schembri u għandhom lil Anna, li għandha żewġt itfal. Ġanni, miżżewweġ lil Joan u għandhom lil Jonathan, Marija, mart Salvu Abela, li għandhom erbat itfal, Darren, Keith, Stephanie u Elaine.

Warajhom twieled George, miżżewweġ lil Josephine u għandhom tlett itfal, George, Adrian u Marija; Nathaline, miżżewġa lil Mario Sant u għandhom tliet subien; Ryan, Eric u Clayton; Sylvester, miżżewweġ lil Therese u għandhom żewġt itfal; Karl u Nicholas. Imbagħad l-aħħar tarbija kienet Marika, miżżewġa lil Patrick Agius u għandhom tlett itfal; Martin, Matthew u Claire.

Nanniet ta’ 20 

B’hekk, Filippo u Filomena huma nanniet ta’ 20 neputi u neputija u s’issa, bużnanniet ta’ tnejn. L-ewwel żewġt itfal tal-koppja Camilleri, Joe u George Alexander kellhom bħala parrina lil Alexandra Borg Olivier, mart il-Prim Ministru, u hu għalhekk li t-tieni tifel issemma’ George Alexander – għalih u għal martu.

Mistoqsijin x’differenza jaraw bejn it-trobbija ta’ uliedhom u t-trobbija ta’ llum il-koppja Camilleri qalet li din hi waħda kbira ħafna. Dari, il-ħin tal-ġabra u d-dħul id-dar kien xi ħaġa li ħadd ma jikkontestah. Illum, tfal ta’ 12-il sena, joħorġu mid-dar fl-istess ħin li huma kienu jinġabru, u ma jirritornawx qabel sbiħ l-għada. Terġa’ t-tfal ta’ llum jgħidulek mod u jagħmlu ieħor. Iżda f’dik li hi kumdita’ u skola, it-tfal ta’ llum ma jistgħux igorru.

altF’għeluq il-25 sena żwieġ, Filippo u Filomena xtaqu jorganizzaw xi ħaġa familjari, iżda peress li missier ir-raġel kien marid, ipposponew. Għalhekk, organizzaw festin fid-dar tagħhom, f’għeluq it-35 sena, reġgħu fakkru ż-żwieġ meta għalqu 40 sena, imbagħad ta’ 50 u s’issa għamlu tal-60 sena wkoll.

Il-quddies li għamluh bħala tifkira taż-żwieġ tagħhom, qaddsuhulhom il-kappillani kollha li kien hemm f’Attard minn żmien Dun Mikiel Balzan ’l hawn.

Għall-mistoqsija fuq x’jaħsbu li żammhom magħqudin dan iż-żmien kollu flimkien – għomor ta’ bniedem – Filomena semmiet iċ-ċediment. Jekk wieħed jew waħda ma jċedux xi ftit lil xulxin, jaf jibda jinbet l-inkwiet.

Filippo jgħid li r-raġuni li l-koppji ta’ llum ma jdumux ma’ xulxin hi, li l-mara m’għadhiex bżonn ir-raġel. Dari l-mara kienet toqgħod id-dar. Illum, hawn ħafna każi fejn il-mara toħroġ taħdem u taqla’ flus aktar minn żewġha. Insibu wkoll nisa li ħadu karriera. U ma’ l-ewwel nuqqas minn żewġha jew ma’ l-ewwel diskors ta’ xi ħadd barrani li jgħidilha “kemm int ħelwa”, malajr taf tibdel it-triq li tkun daħlet għaliha bis-Sagrament taż-Żwieġ. Żiedu li l-bnedmin għandhom jitgħallmu mill-annimali tar-rix, bħall-papri, ħamiem u pappagalli, li bħala sieħeb ikollhom wieħed jew waħda, għal għomorhom kollu.

Finalment, il-koppja Camilleri taqbel li problema oħra li qed jiffaċċjaw l-għarajjes u l-miżżewġin friski hi l-abitazzjoni. Illum kulħadd irid jixtri d-dar fejn joqgħod u l-prezzijiet huma tant esaġerati li jridu jagħmlu għomorhom iħallsu.

Hu għalhekk li għal din il-koppja, iż-żmien imgħoddi tagħhom iqisuh bħala ż-żmien tad-deheb. Temmew jgħiduli li llum, sa minn tfal ċkejknin, għandna ġenerazzjoni li ma tafx xi trid. U dan iwassal biex jitilgħu ma jafux ifasslu sew u jitfarrku aktar tard.  

Presentation of “The Charting of Maltese Waters A Historical Account” to President Emeritus Dr. George Abela

altOn Tuesday 1st April, co-authors William Soler and Albert Ganado presented a copy of their book The Charting of Maltese Waters A Historical Account published last December, to the then President of Malta, now President Emeritus, Dr. George Abela at San Anton Palace. The President thanked and congratulated the authors on their research work on the sea charts of Malta.

The book is another contribution to Melitensia collectors, and to Maltese nautical cartography in particular. It deals with the development of the charting of the waters around Malta from the earliest mention of Malta in a ‘sailing directions’ account of a Greek writer of the fourth century before Christ, to the start of crude graphic representations of the Mediterranean Sea in the medieval portolan charts of the twelfth to the thirteenth century, to the separate sea charts of Malta staring from the fifteenth century, together with detailed descriptions of the nautical charts of the later Italian, Dutch, French and Maltese cartographers of the sixteenth to the eighteenth centuries, right up to the accurate British Admiralty charts of the scientific age from the nineteenth century onwards.

Dr. Abela was glad to hear that the book contains about sixty illustrated maps/nautical charts of Malta, both manuscript and printed, some of which are beautifully drawn, historically significant, attractive in their own right and published for the first time, arousing the curiosity and interest of all those who cherish the lore of the sea. Mr. Louis Scerri reviewed the book in the Culture Supplement of the Sunday Times of Malta of the 30 March 2014.

Bini magħruf bħala l-Palazz Presidenzjali

BDL Books - Binjiet Meastużi

Għalkemm il-White House hi waħda mill-aktar binjiet magħrufa fid-dinja u jżuruha miljuni ta’ viżitaturi kull sena, ftit huma dawk li tabilħaqq jifhmu u jafu bit-tqassim u l-istorja tagħha.

Oriġinarjament, il-bini kien magħruf bħala l-Palazz Presidenzjali jew id-Dar Presidenzjali. Dolly Madison kienet irriferiet għaliha bħala l-Kastell Presidenzjali.

Madankollu, sal-1811, insibu l-ewwel xhieda fejn il-pubbliku beda jsejħilha l-White House, u dan minħabba li l-faċċata tagħha kienet imbajda bl-abjad. U kien il-President Theodore Rossevelt li fl-1901 taha l-isem formali ta’ The White House, li beda jintuża fl-istationery kollha tal-President.

Il-White House tinsab mibnija fi Vjal Pennsylvania, f’Washington, il-belt kapitali tal-Istati Uniti, fid-distrett ta’ Columbia. L-iskop tal-bini oriġinali tagħha, aktar minn 200 sena ilu, għadu jservi sal-lum. Fiha toqgħod il-familja tal-President, kif ukoll l-uffiċċji għall-ogħla uffiċjali (għalkemm illum, ħafna ħaddiema tal-White House jaħdmu fl-Eisenhower Executive Office Buliding, biswit il-White House).

BDL Books - Binjiet Maestużi

Il-bniedem li jieħu ħsieb id-dar u hu inkarigat li jara li kollox jimxi sew, għandu 90 ħaddiema oħra biex jassistuh. Fost dawn hemm kap housekeeper, ħames koki u numru ta’ sefturi, butlers, mastrudaxxi, plumbers, ġardinara u inġinieri. Ir-residenza fiha 52 metru wisa’ b’26 metru fond u 18-il metru għoli.

1,825,000 viżitatur fis-sena

BDL Books - Binjiet Maestużi

Il-White House iżuruha madwar 5,000 viżitatur kuljum, jew 1,825,000 viżitatur fis-sena. Fiha hemm: ir-residenza prinċipali b’bini ieħor fuq kull naħa; erba’ sulari bini kif ukoll kantina u sular ieħor taħtha; 5,100 metru kwadru ta’ art; 132 kamra u 35 kamra tal-banju; 412-il bieb; 147 tieqa; 28 fuklar; tmien turġien differenti; tliet liftijiet; bosta ġonna; tennis court; basketball court; putting green; bowling alley; teatru; jogging track u pixxina.

Il-White House fiha tliet taqsimiet ewlenin – dik tal-Lvant, tal-Punent u r-Residenza. Il-parti tal-Lvant fiha żewġ sulari, biċ-Ċentru Presidenzjali għal Ħidma ta’ Emerġenza maġenbha. It-taqsima tal-Punent ukoll fiha żewġ sulari, bil-White House Situation Room u uffiċċji oħra taħtha. Ir-Residenza hi għolja erba’ sulari, bil-kantina u sotto kantina, fejn jinsabu numru ta’ ħaddiema u l-faċilitajiet ta’ manutenzjoni.

Storja qasira

Id-dar presidenzjali kienet disinjata minn James Hoban u approvata personalment minn George Washington. Il-bini nbeda fit-13 ta’ Ottubru, 1792 b’Washington innifsu jqiegħed l-ewwel ġebla. Ma laħaqx raha lesta, peress li l-bini tagħha sar bil-lajma.

Ir-Residenza

It-Tieni President tal-Istati Uniti, John Adams sar l-ewwel kap eżekuttiv li mar joqgħod f’dan il-bini, li issa ħa l-isem ta’ Residenza. Dan seħħ fl-1 ta’ Novembru, 1800, meta kienet għadha mhix mitmuta.

Il-portiċi fin-naħa tat-Tramuntana u fin-Nofsinhar ma kinux għadhom parti mill-bini, u dan għal 30 sena. Fl-1835 kienu stallati fiha l-ilma tal-vit u s-central heating. Tlittax-il sena wara kien stallat ukoll id-dawl tal-gass. Imbagħad fuq kull naħa nbnew padiljuni mgħottijin u aktar tard is-serer, biex jitkabbru l-fjuri u ħxejjex tal-ikel. Ornamenti u dekorazzjonijiet Vittorjani bdew jiżegħdu bejn l-1870 u l-1890.

Fl-1870 beda dieħel id-dawl elettriku fil-White House u żdied l-ewwel lift fl-1898. Fl-1902, Theodore Roosevelt neħħa l-ornamenti Vittorjani u rrestawra ‘l-White House għall-istil federali b’laqtiet :orġjani. Fl-1927 sar saqaf ġdid u nbena t-tielet sular. Fil-bidu tas-snin 60, il-Kennedys irrimudellaw il-White House b’mod estensiv u xi rinovazzjonijiet għadhom għaddejjin sal-lum.

Il-parti tal-Punent

BDL Books - Binjiet Meastużi

Qabel il-bini tan-naħa tal-Punent, il-ħaddiema presidenzajli kienu jaħdmu fit-tieni sular tar-Residenza. Madankollu, meta Theodore Rossevelt sar President, irrealizza li l-kmamar fid-dar kienu żgħar wisq għall-familja kbira li kellu u għall-ħaddiema. Għalhekk, fl-1902 inbena uffiċċju temporanju fejn kien hemm is-serer.

Fl-1909, Willam Howard Taft kabbar il-bini u ħoloq uffiċċju ovali għall-President. Erbatax-il sena wara kien rimudellat. Fl-1930 inbena mill-ġdid wara nar li ħa fil-Milied. Fl-1934, Franklin Roosevelt ra li jinbena t-tieni sular u mexxa l-Uffiċċju Ovali f’rokna lejn ix-Xlokk, għal dawl aħjar u għal aktar privatezza. Għamel ukoll pixxina u ġimnasju, fejn seta’ jagħmel l-eżerċizzju b’mod regulari.

Ħafna mill-Presidenti rrinovat l-Uffiċċju Ovali u l-Kamra tal-Kabinett. Richard Nixon bidel il-pixxina u l-ġimnasju għal briefing room u uffiċċji għall-ġurnalisti. Hu ddedika wkoll il-kamra tal-konferenzi lil Theodore u Franklin Roosevelt. Fl-2006, George W. Bush sebbaħ l-inħawi tal-ġurnalisti u kabbar u rranġa s-Situation Room.

Il-parti tal-Lvant

Fil-bidu, flimkien mat-Taqsima tal-Punent, Theodore Roosevelt bena l-ewwel sular tat-Taqsima tal-Lvant, bħala dħul formali għall-mistednin. Din it-taqsima żdiedet mal-White House fl-1942. Dan sar kemm biex tibbilanċja t-Taqsima tal-Punent li kienet tkabbret, kif ukoll biex tgħatti l-bini ta’ air raid bunker taħt l-art, illum magħruf bħala ċ-Ċentru għal Operazzjonijiet ta’ Emerġenza Presidenzjali. Fost l-użi tagħha, it-Taqsima tal-Lvant ġieli kellha fiha l-uffiċċji u ’l-ħaddiema tal-first lady u tipprovdi dħul mgħotti għall-White House li jippermetti dħul u ħruġ faċli mill-bini f’każ ta’ ġrajjiet soċjali numerużi.

L-uffiċċju tal-President

BDL Books - Binjiet Meastużi

L-Uffiċċju Ovali hu l-uffiċċju formali tal-President, fejn jilqa’ u jiddiskuti mal-kapijiet tal-istat, diplomatiċi, il-ħaddiema tiegħu u dinjitarji oħra, u fejn spiss jindirizza lill-poplu Amerikan u lid-dinja permezz tat-televiżjoni jew radju. Minnu jinforma ruħu bil-ġrajjiet ta’ kuljum.

L-istorja tal-Uffiċċju Eżekuttiv

BDL Books - Binjiet Meastużi

Fl-1909, William Howard Taft stabbilixxa uffiċċju ovali fil-bini l-antik tal-Uffiċċju Eżekuttiv, waqt li kabbar l-istruttura oriġinali u temporanja li fl-1902 għamel Theodore Roosevelt. Qabel, ħafna mill-presidenti ħadmu mill-kamra li llum hi magħrufa bħala l-kamra tas-sodda ta’ Lincoln.

Fl-1933, Franklin Roosevelt kompla jespandi t-Taqsima tal-Punent u mexxa kif għedna ‘l-Uffiċċju Ovali aktar lejn ix-Xlokk, għar-raġuni wkoll li kien iktar faċli għalih iqum mis-siġġu tar-roti li kellu.

L-iskrivanija presidenzjali

Ħafna presidenti Amerikani użaw il-famuż Resolute desk fl-Uffiċċju Ovali jew fl-istudji privati tagħhom. Din l-iskrivanija saret mill-injam tal-vapur HMS Resolute, li ngħata lill-President Rutherford Hayes mir-Reġina Vittorja tal-Ingilterra, fl-1880.

Il-kamra tas-sodda Lincoln

BDL Books - Binjiet Meastużi

Din il-kamra tas-sodda tinsab fit-tieni sular tal-White House, flimkien ma’ kmamar oħra li jinkludu s-salott Lincoln u l-kamra tal-banju Lincoln ukoll. Imsemmija għal Abraham Lincoln, u użati minnu bħala uffiċċju, jingħad li fil-kamra tas-sodda jidher spirtu. Terġa’ din il-kamra hi magħrufa l-aktar bħala kamra tal-mistednin u tintuża l-aktar mill-presidenti u partitarji politiċi ħbieb.

BDL Books - Binjiet Maestużi

Hi armata b’għamara stil Vittorjan mindu rranġaha Truman. Xi għamara kienet użata mill-amministrazzjoni Lincoln (ħadd ma jaf id-data tagħha) u tinkludi sufan u tliet pultruni pariġġ, żewġ slipper chairs, u erba’ siġġijiet tal-Kabinett ta’ Lincoln. L-attenzjoni prinċipali hi s-sodda, kważi tmien piedi b’sitt piedi b’tastiera enormi fuq wara. Aktarx li din is-sodda qatt ma ntużat mill-President Lincoln, għalkemm ħafna mill-presidenti ta’ warajh, użawha.

Kwantità ta’ mudelli tal-karozzi

minn Charles B. Spiteri

Albert Torney, magħruf bħala Tapper kien idur il-funzjonijiet kollha pubbliċi, l-aktar is-swali taċ-ċinematografu. Miegħu kien jieħu xkora, u joqgħod jiġbor il-fliexken u l-laned vojta tax-xorb.

Kulħadd kien jemmen li hu xi ftit eċċentriku u t-tfal kienu jinkuh u jdejquh. Aktar tard instab li l-fkiexken kien ibigħhom kollha u jbigħ ukoll parti żgħira mil-laned.

Meta miet, fl-1998, fl-eta’ 86 sena nstabet kollezzjoni enormi ta’ karozzi, magħmulin mil-laned tal-aluminju li kien jiġbor.

Dan kollu hu prova li la għandek tiġġudika ktieb mill-qoxra tiegħu u lanqas tiġġudika skultur mill-ixkora li jġorr.

alt
alt
alt
alt
alt

Bidlulhom lil Uliedhom

BDL Books - Laqtiet

Fl-aħħar tas-sena li għaddiet seħħ mument straordinarju għal żewġ ommijiet li bi żball tal-infermiera tal-maternità fl-isptar, ngħataw it-tarbija tifla li ma kinitx tagħhom.

B’kumbinazzjoni, iż-żewġ ommijiet jisimhom Lyudmila u t-tnejn kellhom jagħmlu ċesarja fl-istess waqt fi sptar Russu. Wara li ħadu lit-tfal fid-djar rispettivi u sqewhom il-ħalib ta’ sidirhom għal mija u jumejn, l-ommijiet reġgħu ltaqgħu fil-klinika tal-maternità u bidlu liż-żewġt ibniet.

Finalment, Lyudmila Dubaeva (xellug) u Lyudmila Trofimova (lemin) għandhom lil veri uliedhom.

Biex itaffu ftit mill-agunija li għaddew minnha mindu saru jafu bl-iżball, iż-żewġ nisa nżammu għal ftit jiem fl-istess kamra tal-isptar, jgħinu lil xulxin bil-veru wild tagħhom u biex isiru jafu aħjar xħin kienu jraqqduhom u liema kantalieni kienu jħobbu jisimgħu.

Lyudmila Dubaeva ta’ 32 sena stqarret li ż-żwieġ tagħha kien se jitfarrak meta l-eżami tad-DNA wera li t-tarbija ma kinitx ta’ żewġha. Għalhekk hu ħaseb li kienet infidila miegħu u hedded li jiddivorzjaha.

Appena welldu b’ċesarja, fis-6 ta’ Awwissu li għadda, kemm hi kif ukoll Lyudmila Trofimova ta’ 28 sena ssuspettaw li ngħataw it-tifla ta’ xulxin – Aishat u Anna rispettivament – iżda l-awtoritajiet tal-isptar f’Naberezhnye Chelny qalulhom li żball bħal dak kien impossibbli.

Anki meta n-nisa ħallsu għall-eżamijiet tad-DNA, li kkonferma l-iżball – l-isptar baqa’ jinsisti li ma kienx hemm bdil ta’ trabi. Kellu jkun rapport lill-Pulizija minnLyudmila Trofimova li ġiegħel lit-tobba jaċċettaw li l-ommijiet kellhom raġun.

Finalment, l-isptar aċċetta wkoll l-iżball; keċċa lill-ħaddiema li kienu responsabbli għall-każ u offra l-għajnuna kollha lill-ommijiet.

Mimlija emozzjoni, Trofimova, bilqiegħda ħdejn Lyudmila l-oħra qalet li lil Dubaeva tqisha bħalha aktar minnoħtha, aktar minnxi ħadd familjari. U lil bintha saret tħobbha daqslikieku kienet tagħha.

Min-naħa tagħha Lyudmila Dubaeva qalet li kienu operati fl-istess waqt, fl-istess teatru. Uliedhom twieldu ftit minuti bogħod minnxulxin. Meta kienet tmur għall-eżami tat-tqala, kienu qalulha li t-tarbija tagħha se tkun tiżen 3,600 gramma, iżda dik li tawha kellha piż ta’ 2,800 gramma.

Wara li telqu d-dar bit-tfal, l-ommijiet baqgħu f’kuntatt u meta Dubaeva rat li t-tifla li kellha Trofimova kienet iktar kabbarija, iżjed aċċertat ruħha li kien sar żball fl-isptar.

Dan ma kienx l-ewwel każ fi sptar Russu u l-awtoritajiet dejjem saħqu li n-numru ta’ taħlit tat-trabi ma jkun magħruf qatt.

Żjara lil 35 tribù f’periklu ta’ qirda

altminn Charles B. Spiteri

Il-fotografu Ingliż Jimmy Nelson qatagħha li jivvjaġġa d-dinja fi tliet snin, u żar 35 tribù fil-ħames kontinenti, li jinsabu fix-xifer tal-estinzjoni.

Ma jistax jgħid li kienu ostili miegħu. Anzi; il-ħin kollu joffrulu l-vodka, iżda billi ma jixrobx alkoħol, irrifjuta. Madankollu wara li ma rnexxilux jipperswadihom jippużawlu għar-ritratti, ħaseb li jkun aħjar jekk iwarrab il-camera tal-ritratti u jagħmilha tal-mistieden tagħhom.

It-Tribù tal-Mursi

Ir-riżultat kien li f’temp qasir siker sakra ma jarax art u ntilef minn sensih. Meta qam, sab ruħu t’tinda, imdawwar minn madwar 30 persuna. Xtaq iqum biex jurina, għax kellu l-bużżieqa tal-awrina se tixpakka, iżda ma felaħx. Imgeżwer f’madwar tmien saffi ta’ ħwejjeġ, f’temperatura ta’ inqas minn 40 grad barra, il-fotografu Ingliż ma kellux għażla għajr li jagħmel taħtu. U reġa’ raqad.                                                                                                            

altAktar tard irrealizza li t-tinda waqgħet minħabba kwantità ta’ ċriev – annimali li ma kienx jaf li jersqu f’numru mdaqqas meta jxommu l-melħ fl-urina. Dawn l-annimali dawruħ u bdew jippruvaw jilagħqulu ħwejġu.
Irrakkonta li għall-bidu n-nies tat-tribù Tsaatan kienu riservati, iżda meta sar ‘il-babbu’ tagħhom u bdew jidħqu bih, malajr aċċettawh u għoddewh b’wieħed minnhom.
 

 

 

 

 

It-Tribù tal-Mursi

Bniedem Ċajtier Joħloq Biża’ Kbir

BDL Books - Laqtiet

Ġimgħa qabel il-Halloween, iċ-ċajtier Amerikan Tom Mabe għamel ċajta li werwret lil bosta mill-vittmi tiegħu, fosthom joggers, individwi li joħorġu għal ħarġa bil-kelb tagħhom u wkoll lil tfal.

Hu għamel użu minn skeletru, li rrefera għalih bħala l-‘Ħassad li Jtir’, li ħaddmu bir-remote control u ġibed il-filmat.

Għalhekk, lil dan il-katavru beda jtajru lejn u fuq in-nies li kienu għaddejjin għall-affari tagħhom. L-istess persuni, kif jindunaw bih, jaħarbu jiġru, uħud imwerwrin!

BDL Books - Laqtiet

Tom għamel isem għalih innifsu billi ħoloq filmat mingħajr atturi magħrufa, u kellu riżultat eċċellenti. F’24 siegħa mindu tefa’ l-filmat fuq il-You Tube, kellu aktar minn 150,000 telespettatur.

Tom Mabe, ta’ 44 sena minn Louisville, Kentucky, qal li ħa gost iwettaq din iċ-ċajta, għalkemm ħaditlu ftit ħin mhux ħażin.

Arloġġ bi Storja Jinbiegħ fi Rkant

BDL Books - Laqtiet

Arloġġ tal-idejn tad-ditta Rolex, milbus minn priġunier tal-gwerra li għen fit-tħaffir tal-mini għall-famuża ħarba magħrufa bħala ‘Great Escape’ se jkun irkantat u mistenni jġib €35,143.

Minkejja li kien miżmum fil-kamp Ġermaniż Stalag Luft, il-Logutenent Gerald Imeson xorta waħda seta’ jordna u jirċievi l-arloġġ ġdid fl-1942.

Il-produttur tal-arloġġi Żvizzeri kien offra lill-priġunieri Ingliżi kollha tal-gwerra, arloġġ ġdid fjamant minn tiegħu, għax dawk li kellhom fuqhom qabel ma nqabdu priġunieri, kienu tteħdulhom mill-Ġermaniżi. Id-ditta Żvizzera għamlet dan bil-patt li wara l-gwerra, jħallsu għalihom.

Il-Logutenent Imeson libes l-arloġġ Rolex waqt li għen fit-tħaffir tal-mini li kellhom jgħinu lill-priġunieri jaħarbu fl-1944. Hu kellu l-parti ta’ ‘pengwin’ – wieħed mill-irġiel li b’mod sigriet kien jitfa’ l-ħamrija maqlugħa fil-bwiet imtaqqba ta’ ħwejġu u jferrixha kull fejn imur.

BDL Books - Laqtiet

Kellu jkun il-172 persuna fil-kju tal-priġunieri li kellhom jaħarbu, iżda ma laħaqx wasal sal-mini, għax l-għassiesa Ġermaniżi kixfu l-pjan.

Meta reġa’ lura fil-Gran Britannja, u sewwasew fl-1947, kellu jħallas il-kont tal-arloġġ — €199, (madwar €5,857 tal-lum). Ma ħallasx ma tmiem il-gwerra, peress li dak iż-żmien, il-Gvern Ingliż ma ħalliex flejjes joħorġu barra l-pajjiż. Ried jistenna l-permess tal-Bank Ingliż biex seta’ jibgħat il-flus lejn l-Iżvizzera.

Tul ħajtu u sa ma miet fl-2003, fl-età ta’ 85 sena, Imeson apprezza ferm l-arloġġ tiegħu. Hu dejjem xtaq li wara mewtu, l-arloġġ jinbiegħ biex familtu tkun tista’ tibbenefika minnu.

BDL Books - Laqtiet

Issa, se jkun irkantat minn ‘Bourne End Auction Rooms’ ta’ Buckinghamshire. L-istima tal-prezz għalih hi ta’ €29,286, iżda aktarx li l-prezz jogħla.

Fl-1963 sar il-filmat ‘The Great Escape’. Kien ibbażat mill-ġrajjiet veri li seħħew għalkemm xi karattri kienu fittizji. Fil-film ħa sehem prinċipali l-attur Steve McQueen bħala l-Kaptan Virgil Hilts, James Garner bħala Flight Lieutenant Robert Hendly u Richard Attenborough bħala l-Kap tal-Iskwadra Roger Bartlett.

Madankollu, mhux minnu li kien hemm xi priġunieri tal-gwerra Amerikani fit-tentattiv, u la kien hemm ħarbiet b’mutur u lanqas b’ajruplan.

Għanqbuta

altMa nafx għaliex l-għanqbuta ssaħħarni ! Kont iżgħar u niftakarni nara ritratt ta’ waħda bejn il-weraq u s-sbuħija u n-nisġa fihom gost.

Naħseb li r-riħa tal-bottijiet li jeqirdu d-dubbien u n-nemus iddejjaqna u l-għanqbuta taqbad id-dubbien u n-nemus bla riħa u l-brimba tikolhom. In-natura madwarna tressqilna ħafna sbuħija u reqqa ta’ xogħol u ġmiel, ward, zkuk, siġar, ħamrija, widien, ilma, għelieqi. Min għajnejh miftuħa u mhux magħluq fih innifsu jara, jilmaħ, jifli, jgħarrex u jgħożż.

Imma l-għanqbuta ta’ min jgħarbilha: x-xogħol li fiha; is-sogru tal-brimba hi u tixxengel biex tibda l-għanqbuta. Għanqbuta fir-rokna tejn biex teħilsek mid-dubbien u n-nemus u tajba, u jekk tista’ teqridhiex.

Għanqbuta fil-moħħ ma tridhiex. Min għandu l-għanqbut f’moħħu mhux lakemm tfiehmu, mhux malajr jisma, mhux ħafif biex jaqtagħha. U għalhekk jista’ jew tista’ ġġib tbatija u wġiegħ lil ta’ madwaru. Dejjem kien hemm it-tingis – l-uġigħ imma meta ma jifhmukx tinkedd, meta tipprova tidħol f’moħħ u ssib ix-xtiebi, bibien magħluqa, msakkrin u ssiġġilati, taqta’ nifsek !

Min jaqra ktieb ma jkollux għanqbut għax jaħseb, min jitħallat, rexti, tertuqa, laqgħat, briju, moħħu jkollu l-wisgħa biex jerħi, jidħaq, jifraħ; ma jibqax mhux imfarfar. Moħħok għandu bżonn tfarfira mill-għanqbut. Aktarx li le jekk qrajt dan il-ktieb sa l-aħħar tikka.  

Esibizzjoni ta’ Ġojjellerija

Ġojjelli milbusa min-nies irjali u leġġendi ta’ Hollywood, kienu esibiti fl-ikbar esibizzjoni li qatt organizza Cartier.

BDL Books - Laqtiet

Fost l-esibiti kien hemm iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly u oġġetti kkummissjonati u milbusa mid-Dukessa ta’ Windsor. Dawn kienu għall-wiri fil-Grand Palais, f’Pariġi mill-4 ta’ Diċembru, biex tkun ċelebrata l-arti u l-istorja tal-ġojjelliera ikoniċi.
Fost id-djamanti kien hemm ukoll dawk milbusa minn Elizabeth Taylor.
Iċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Grace Kelly hu emerald ta’ 10.47 carat, mogħti lilha mill-Prinċep Rainier ta’ Monaco. Hi tidher bih fil-film High Society.

Tad-Dukessa ta’ Windsor kien hemm il-labra tal-fjamming, disinjata minn Jeanne Toussaint, li saret mill-platinum, brillanti, djamanti, emeraldi, żafiri, u ċitrin. Id-Dukessa dehret liebsa din il-labra fl-1940. Kien hemm ukoll għall-wiri d-disinn oriġinali ta’ Toussaint li sar għal din il-labra.

Jeanne Toussaint kienet saret direttriċi tad-dipartiment tal-ġojjellerija ta’ Cartier fl-1933.

La Peregrina’ ta’ Elizabeth Taylor kienet rigal mogħti lilha minn Richard Burton, u li Cartier dawruha f’ġiżirana. L-attriċi tidher liebsa din il-ġiżirana li fiha perla li tmur lura għas-seklu 16, u li darba kienet tar-Reġina Mary Tudor.
Tal-attriċi Gloria Swanson kien hemm brazzuletta tal-1930, ikkummisjonata lil Cartier u magħmula mid-djamanti, platinum u rock crystal. Hi libsitha fiż-żwieġ tagħha lill-Franċiż Michael Farmer. Tidher biha fil-films Perfect Understanding u Sunset Boulevard.

Dawn kienu biss ftit mill-ħafna ġojjellerija li kien hemm għall-wiri. Fil-fatt, b’kollox kien hemm 600 oġġett.