Minn Charles B. Spiteri
Ġużeppi Schembri u martu Marion nee Grech kienu ltaqgħu flimkien f’jum ta’ matul il-ġimgħa fis-sajf tal-1957. Dak iż-żmien ukoll, il-ġnien Howard ħdejn il-Villa Rumana kien popolari. Iż-żgħażagħ kienu jinġabru fi gruppi, subien għalihom u bniet għalihom. Marion tiftakar sew dak iż-żmien u rrakkuntat li l-ġuvintur kienu joqogħdu fuq ir-railing tal-ħadid, jittantaw lix-xbejbiet. Ġużeppi żied li dakinhar li ra lil Marion mal-ħbieb, sejħilha u taha ftit karawett milli kellu. Hekk bdiet it-triq ta’ mħabbet Ġużeppi, li kellu 20 sena u Marion li kellha 17.
Il-koppja ma damitx wisq tinnamra, għax fl-ewwel ġimgħa Ġużeppi qalilha min kien – ta’ Saverja – u ħeġġigha ssemmih ma’ ommha. Sa taha r-ritratt biex turihulha. Ommha kienet taf lill-ġenituri ta’ Ġużeppi, u lil bintha qaltilha li taf li kellhom tifel imrobbi l-Buskett. Kien Ġużeppi nnifsu, li trabba ma’ zijietu peress li hu t-tielet wild minn tlittax.
Tifla unika
Omm Marion ma ħaditx l-aħbar bi kbira, iżda missierha ried ikun jaf sew jekk il-ġuvni kellux fehma retta għaż-żwieġ. Dan peress li Marion kienet l-unika wild fil-familja tagħha, u għalhekk kienet il-mimmi tal-ġenituri tagħha. Hi twieldet il-Belt, in-naħa ta’ San Duminku u telgħet tgħix mal-ġenituri tagħha r-Rabat meta lanqas kellha sentejn.
Għalhekk, missier Marion qalilha biex tgħid lil Ġużeppi, li hu ried ikellmu. Marru l-ġnien, u waqt li l-familja Grech kienet qed tixrob xi ħaġa, wasal Ġużeppi. Malajr saret l-introduzzjoni u biex Ġużeppi juri kemm tassew ried jiżżewwiġha, qal lil missierha li diġa’ kellu l-karti lesti, biex kif jiżżewġu, imorru l-Kanada ħdejn ħutu.
Marion, li ma kienet taf xejn b’dan il-ħsieb, qaltlu li l-Kanada ma kinitx beħsiebha titla’ u kulma missierha qal lil Ġużeppi kien; ‘‘It-triq li ġabitek, terġa’ tieħdok, għax it-tifla m’hix għas-safar.’’ Iżda Ġużeppi aktar ried lil Marion milli s-safar, u għalhekk qatta’ l-karti kollha.
Meta missier u omm Ġużeppi saru jafu bix-xewqa ta’ binhom ma qalu xejn, l-aktar għax il-ġenituri tax-xebba kienu joqogħdu maġenbhom u kienu jafuhom b’nies tajba u sewwa.
Appena l-ġenituri saru jafu bl-imħabba ta’ uliedhom għal xulxin, Saveria, omm Ġużeppi, qalet lil Tereża, omm Marion, li setgħet iddaħħlu bħala għarus. Iżda omm Marion riedet li qabel tagħmel dan il-pass, ikunu mgħarrfin iz-zijiet ta’ Ġużeppi, li kien ilu snin joqgħod għandhom. Dan għax Tereża kienet mara tal-affari tagħha.
Waqa’ l-forn ta’ ommu
Tgħarrsu fl-1 ta’ Awwissu, 1957. Dik is-sena kienet għamlet ħafna xita, tant li waqqgħet il-forn li kellha Saverja. Dan il-forn, ħdejn il-Katakombi r-Rabat kien taz-zijiet ta’ Ġużeppi, li qatgħuha li ibnu post għall-ġenituri tiegħu u flok il-forn jibnu dar għall-għarajjes il-ġodda.
Peress li d-dar ma damitx ma telgħet, iddeċidew li jiżżewġu. Għalhekk damu jafu lil xulxin għal sena u tmien xhur, u wara dan il-perijodu – fis-26 ta’ April, 1959 – qablu li jiżżewġu.
Il-koppja Schembri tiftakar sew li ż-żwieġ tagħha sar kollu mill-ġenituri tal-għarusa, tant li Marion qalet li meta daħlet id-dar, sabitha mgħammra bil-ħtiġiet kollha. Kienet dota sħiħa, li kopriet il-ħwejjeġ u t-tieġ bir-riċeviment b’kollox. Marion kienet ħajjatha gwappa, tant li mhux biss kienet tħit ħwejjiġha, iżda ħietet ukoll il-libsa tagħha tat-tieġ. Hi qalet li qatt ma emmnet f’superstizzjonijiet.
Quddiesa tat-tieġ
Ir-riċeviment tat-tieġ kienu għamluh fis-sala tal-Każin Konti Ruġġieru r-Rabat stess, wara l-quddiesa, li saret il-Ħadd filgħodu fid-9.00 a.m. Kemm Ġużeppi, kif ukoll martu Marion jiftakru li dakinhar kien jum ta’ xita qawwija, b’beraq u sajjetti. Bdiet f’xi s-sebgħa ta’ filgħodu u baqgħet għaddejja sa xi t-tmienja u nofs ta’ bil-lejl, tant li meta daħlu s-sala, ftit kienu l-mistednin preżenti. Biex il-kumplament waslu fis-sala, missier Marion kellu jaqbad karrozza tal-kiri u jmur għalihom fid-djar tagħhom, għax ħadd ma seta’ joħroġ minnhom.
Sadattant, il-miżżewġin friski waslu fis-sala- ferħu bil-mistednin u saqu lejn Blackman tal-Ħamrun għall-uniku ritratt tat-tieġ. Marion qalet li dak iż-żmien, ftit kien hawn fotografi, u meta koppja tasal għand wieħed, kien ikollha tistenna wara min imissha – koppji oħra.
It-tiġijiet ta’ ħamsa u ħamsin sena ilu kien ikun bil-waiters li jqassmu l-ikel u x-xorb huma. Ma kienx ikun hemm imwejjed bl-ikel fis-sala, iżda kulħadd kien ikollu ikel, ħelu, u xorb li jrid. Għal dan il-jum speċjali, kienu nkrew tliet bandisti, li pprovdew il-mu]ika ta’ dak iż-żmien. It-tieġ tagħhom dam għaddej sas-1.30 p.m.
Wara t-tieġ, Ġużeppi u Marion marru d-dar għand ommha, peress li kien il-maltemp. Baqgħu hemm sa tard filgħaxija meta għand ħajruhom imorru d-dar tagħhom u offrew li jwassluhom huma bil-vettura tagħhom. Qagħdu jitkellmu flimkien u wara li telqu l-kuġina u l-għarus tagħha, Ġużeppi u martu bdew jgħixu fid-dar il-ġdida.
Iżda peress li missier Marion, li kien jaħdem ma’ Farsons beda jispiċċa fit-tard mix-xogħol u d-dar tagħhom kienet fid-diżabitat – Ġużeppi, li kellu ammirazzjoni kbira lejn Tereża – staqsa lil martu jekk riditx li jerġgħu jmorru joqogħdu ma’ ommha. L-omm u l-bint qablu u baqgħu jgħixu fid-dar ta’ xbubit martu għal sitt snin, sa ma bdew ġejjin it-tfal u d-dar tan-nanna saret żgħira wisq.
Ħamest itfal
Ġużeppi u Marion kellhom ħamest itfal. L-ewwel wieħed twieled sena u tliet xhur wara ż-żwieġ. Imbagħad kellhom żewġ subien oħra u warajhom żewġt ibniet.
Għar-rigward ta’ reliġjon, il-koppja Schembri kienet tattendi quddiesa ta’ kuljum, l-aktar għax kienu joqogħdu bejn żewġ knejjes, ta’ San Pawl u Sant’Agata. Ir-rużarju wkoll kienu jirreċtawh kuljum, flimkien. Meta kellhom it-tfal, din l-użanza għaddewha lilhom ukoll. Quddiesa kuljum u lezzjonijiet tal-MUSEUM, ftit ’l isfel mid-dar tagħhom. Hemm damu jattendu sa ma kellhom 15-il sena. Fid-dar, ir-Rużarju baqa’ jingħad flimkien sa ma kibru l-ulied, u min iżżewweġ u min beda joħroġ għal rasu.
Illum il-ġurnata, Ġużeppi u Marion huma nanniet ta’ seba’ neputijiet, iżda d-differenza mit-trobbija tal-ulied għal dik tan-neputijiet iqisuha bħala totalment differenti. Marion tirrakkonta li uliedha kienu ‘pupi tal-plastik’, joqogħdu fejn tqegħidhom. Iżda n-neputijiet ma tista’ tħallihom imkien. Mimlijin enerġija, tant li trid toqgħod magħhom kontinwament.
Marion tgħid li meta t-tfal tal-lum jikbru, huma aktar imqarqċin minn dari, iżda hi ma tistax tgorr għan-neputijiet tagħha, għax s’issa kollha jidhru li jobdu lill-ġenituri tagħhom u huma bil-għaqal. L-akbar wieħed għandu 23 sena u jieħu ħsieb ir-ristorant ta’ missieru. Għalhekk, lanqas jekk irid, ma jista’ jiġri ’l hawn u ’l hemm.
Differenza fil-ħajja
Għar-rigward tad-differenza fil-ħajja mgħoddija ma’ dik tal-lum, Ġużeppi jsostni li fil-preżent trid ħafna flus biex tgħaddi. Qal li bl-ammont ta’ flus li llum jgħaddu bih hu u martu, qabel kienu jgħixu huma u l-ħamest itfal f’daqqa.
Żied jgħid li r-raġuni għal dan hu li ż-żgħażagħ tal-lum draw iridu kulma jaraw. Per eżempju fil-kċina tagħhom, illum għandhom madwar 12-il oġġett li jaħdmu bid-dawl. Dan meta fl-antik kollox kien isir bl-idejn. Sa friġġ ma kienx hawn, u kienu jitniżżlu l-oġġetti fil-bjar. Ħamsa u ħamsin sena ilu, kulma kont issib fil-kċina jaħdem bid-dawl, kienet tkun il-bozza tad-dawl!
Illum, il-familja tinħtieġ ħafna finanzi. Ġużeppi u Marion isostnu li minħabba l-kumditajiet moderni, il-familja ma tistax tiddependi mill-paga tal-missier biss, u għalhekk l-ommijiet ikollhom joħorġu jaħdmu. Ġużeppi minn dejjem qies dan il-pass bħala wieħed perikoluż u rrakkuntali stejjer li jaf hu, fejn it-tlaqqigħ ta’ kuljum bejn irġiel u nisa miżżewġin, wassal għat-tkissir tal-familji.
Min-naħa tagħha Marion qalet li l-ħażen kien minn dejjem, iżda llum tant tkattar u ħareġ fid-dieher, li qisek tiskanta mhux b’dak li hu ħażin, iżda b’dak li hu tajjeb. Dari kont tisma’ xi każ ta’ twelid ta’ tarbija barra ż-żwieġ, u kulħadd jipprova jaħbi l-fatt. Illum, li jkollok tarbija qabel iż-żwieġ jew barra ż-żwieġ, saret ħaġa normalissima. Forsi għax illum hemm l-għajnuna finanzjarja tal-Gvern u għalhekk, in-‘nuqqas’ jitqies b’‘barka’ u xejn m’hu xejn.
Ir-reliġjon
Mistoqsijin x’jaħsbu fuq ir-reliġjon, il-koppja Schembri tħoss li din qatgħet lura ħafna minn dari. Marion hi tal-fehma li r-reliġjon tal-lum tikkonsisti biss filli nemmnu li Kristu ġie fostna u ħa l-mewt għalina biex isalvana… għax illum aħna nies mitlufin. Forsi kienu wkoll l-għaqdiet ‘imħallta’ fi ħdan il-Knisja stess, li tat l-imbuttatura għat-taħlit bejn ix-xebbiet u l-ġuvintur. Tant li għall-bidu, meta dawn l-għaqdiet kienu jidħlu fi knisja kien hemm min ilissen ‘Ara fiex ġejna’. Fi żmien Ġużeppi u Marion, il-ġuvintur dejjem kienu f’qatgħa għalihom u x-xebbiet ukoll.
Il-koppja Schembri għalqet 55 sena miżżewġa. Għal din l-okkażjoni, ġeddew il-wegħda ta’ fedelta’ tagħhom b’quddiesa ta’ ringrazzjament fil-knisja kolleġġjata ta’ San Pawl Ir-Rabat, fejn qaddsilhom l-Arċipriet Dun Louis Suban, megħjun minn Fr. Victor Shields MSSP. Wara, Ġużeppi u Marion kellhom riċeviment familjari.
minn Charles B. Spiteri
Iżda immedjatament, il-kangaroo jmur fuq id-difensiva – l-istess kif jagħmlu l-boxers, u jersaq lejn il-kelb.
miktuba minn Fiona Vella
F’Marzu li għadda, ġejt mistiedna biex inżur il-fdalijiet tal-ġonna ta’ Villa Frere fil-Gwardamangia illi fihom Vassalli kien isib ftit serħan u trankwillità flimkien ma’ wieħed mill-uniċi ħbieb li kellu, l-aristokratiku Ingliż, John Hookham Frere. Aktar tard, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt, fl-esebizzjoni li hemm din is-sena li tikkonsisti minn mitt oġġett relatati mal-istorja ta’ Malta, ilmaħt il-Lexicon ta’ Vassalli. Naturalment ma setax jonqos li nagħti daqqa t’għajn ukoll lill-monument imponenti li hemm iddedikat għalih f’Ħaż-Żebbuġ, u hemmhekk ħassejtni sodisfatta li dan il-persunaġġ kien ingħata ġieħ. Madanakollu, meta dil-ġimgħa ltqajt mal-Prof. Ciappara sirt naf illi sa llum, għadna qatt ma sibna xi rikordju tax-xbieha tiegħu u allura s’issa, wiċċ Vassalli huwa biss immaġinat.
Wara li kont segwejt b’tant interess l-istorja ta’ Vassalli, ma stajtx ma mmurx inżur is-sit fejn hu ġie midfun. Fi kmajra ġewwa ċ-ċimiterju tal-Msida Bastion fil-Furjana, ġejt murija xi oġġetti relatati ma’ Vassalli fosthom kwadru tax-xbieha ‘tiegħu’, kopja tal-Lexicon li ngħatat b’self lil Din L-Art Ħelwa mill-familja Vassallo, riproduzzjoni ta’ paġna mill-Lexicon, kopja tal-alfabet Malti li kien ġie mressaq minn Vassalli, u anki kopji tan-noti tar-reġistru tal-funerali li juru li f’dak iċ-ċimiterju ġew midfuna Vassalli u martu.
Kull tant żmien, l-umanità tnissel numru ta’ individwi prolifiċi li permezz tagħhom jitwettqu proġetti sinifikanti li jwasslu biex ibiddlu l-istorja ta’ pajjiżhom u sikwit, anki dik tad-dinja. Wieħed minn dawn kien Themistocles Zammit, li aktar tard sar magħruf bħala Sir Temi Zammit. Akkost li Zammit kien ġej minn familja umli, fejn il-ġenituri tiegħu la kienu jafu jiktbu u lanqas jaqraw, huwa rnexxielu jirbaħ bosta ostakli u jilħaq l-ogħla unuri. Infatti, fost il-kisbiet tiegħu, huwa sar tabib u speċjalizza fil-qasam tal-kimika. Kien ukoll awtur tal-letteratura Maltija, rettur fl-Università ta’ Malta, kreatur u direttur tal-ewwel Mużew Nazzjonali u kuratur tas-sezzjoni tal-arkeoloġija. Ċertament, b’dawn ix-xogħlijiet tiegħu, Zammit għamel bosta suċċessi personali, iżda fl-istess ħin, huwa kiseb ukoll ġieħ u rispett lejn il-poplu Malti u lejn pajjiżu. Madanakollu sal-ġurnata ta’ llum, fil-gżejjer tagħna ma ssib l-ebda monument li jagħti dak il-prestiġju nazzjonali li tant jixraq lil dan l-individwu. X’żammna lura?
Jintqal li l-bniedem huwa essenzjalment prodott ta’ żmienu u għalhekk l-awtur, biex jifhem aħjar lil Temi Zammit, irriċerka wkoll fl-iċken dettall il-kuntest li dan għex fih. Għaldaqstant, din il-bijografija tinkludi wkoll introduzzjoni twila mhux ħażin li tiddeskrivi s-sitwazzjonijiet soċjali, kulturali, politiċi, ekonomiċi u reliġjużi li ċertament kellhom influwenza qawwija fuq Zammit. B’hekk il-qarrej apparti li jista’ jifli mill-qrib il-ħajja ta’ dan l-individwu, li tkopri ż-żmien bejn l-1864 u l-1935, għandu wkoll materjal informattiv dwar il-qagħda tal-gżejjer tagħna fi żmien meta dawn kienu meqjusa bħala bażi navali Brittanika importanti ħafna.
Rigward il-qasam tal-letteratura Maltija li ġie inkluż f’din il-bijografija, tkellimt mal-Prof. Oliver Friggieri, li għoġbu jintroduċini wkoll man-novelli ħelwin li kiteb dan il-personaġġ u li dwarhom kiteb l-awtur.
Minn
Biex kollox jagħqad, ċertu Anton Ellul, li kien ħabib ta’ Joe u jiġi minn Josephine, sabu waħdu u qallu joqgħod attent għax Josephine kienet għadha tifla. Għalhekk Joe ħaseb li jwaqqaf ir-relazzjoni, iżda biddel fehmtu kif sar jaf li Josephine kellha 19-il sena. U f’konverżazzjoni li kellhom, flok ma qalilha li kellu 28 sena, qalilha li kellu 27. Dan biex flok il-qabża fl-età tkun tidher ta’ disa’ snin, tkun ta’ tmienja. Għalkemm ma’ kull birthday kien jgħidilha l-verità dwar l-età tiegħu, hi kienet taħseb li jkun qed jiċċajta. Dan il-fatt dam għaddej sa lejliet it-tie; u sa meta Josephine ġabret iċ-ċertifikati tal-magħmudija għall-kappillan.
Biex tagħqad, it-televiżjoni u anki l-internet kultant saru mezzi ta’ permissività anki għat-tfal żgħar. Dan jirriżulta wkoll minn filmati tal-pupazzi fuq il-kompjuter, fejn id-diretturi jinqdew bil-pupu u jirrakkuntaw stejjer kważi kważi sesswali, lil tfal ta’ ftit snin. Dawn, li jitilgħu f’dan l-ambjent minn ċkunithom, ma jistgħux jinbidlu ’l quddiem, jekk isegwu t-tali filmati, u allura immaġina x’ħajja jistennew li jgħaddu minnha. Ovvjament, il-hajja ta’ madwarhom tagħmilhom skjavi tagħha bla ma jridu. Anki ż-żgħażagħ li jaraw film fuq it-televiżjoni, bla ma jridu jkollhom isegwu partijiet minnu li żgur setgħu tħallew barra, u ma jimbarazzawx lill-genituri tagħhom u lin-nanniet, li magħhom ikunu jsegwuhom.
Trid jew ma tridx tieħu grazzja ma’ xi ħadd tfittex li tkun miegħu jew magħha u tiftaħ qalbek ukoll, u tibni fis-sod.
Il-ħlewwa tiġbdek u l-gost ipaxxik u għalhekk minn barra jidher li kollox b’saħħtu. Trid tara ġewwa x’hemm. Meta bniedem tal-affari tiegħu jixtri dar, ifittex perit biex jgħarbel jekk id-dar fihiex nuqqasijiet moħbija u b’hekk ikollu rasu mistrieħa li daru soda.
Sant’ Iermu wieqaf sabiħ fil-bidu tal-Belt Malta jilqa’, jħares u jsebbaħ il-madwar: ġmielu issa qed joħroġ aħjar.
Il-Ħajja qisha l-istess: tqum, tinħasel, tiekol, toħroġ, taħdem, terġa’ lura, tiekol u torqod; qoffa ġejja u oħra sejra.