Minn Charles B. Spiteri
Kultant l-affarijiet lanqas jitwemmnu! Festa ta’ Santa Marija fil-Mosta, fejn il-ġuvni, ta’ xi 17-il sena jservi bħala barman fil-ħanut li kellhom iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara. Hu u ħabibu kellhom l-ordni li meta t-tfal jixtru xi flixkun luminata, flok jagħtuhom tazza tal-ħġieġ , jagħtuhom qasba (straw). Tidħol xbejba ta’ xi 15-il sena ma’ oħtha ta’ ħames snin, li ma kienet tixrob xejn jekk mhux minn tazza tal-ħġieġ u jordnaw x’jixorbu. Tinqala’ tilwima ċkejkna fejn ix-xbejba tgħid lill-ġuvni: ‘‘X’taħseb? Li jekk inkissru t-tazza m’aħniex kapaċi nħallsuha? ’’
Il-ġuvni kien Joe u x-xbejba kienet Carmen. Joe intlaqat mir-rieda soda ta’ Carmen u l-Ħadd ta’ wara sabu ruħhom flimkien ma’ grupp miż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, sejrin vaganza Għawdex. Joe staqsa lil ħabibu Alfred Sammut jekk jafx min kienet u dak wieġbu li jisimha Carmen u tah id-dettalji kollha tagħhom għax kienet toqgħod ħdejhom.
Tilfet ‘cardigan’
Hi, min-naħa tagħha tilfet cardigan u marret tgħid b’hekk lil Joe. Joe, li hu bniedem ċajtier ferm, għadu sal-lum tal-fehma, li t-telfa tal-cardigan setgħet kienet skuża biex taqbad miegħu!
Carmen hi l-kbira fost żewġt ibniet u l-ġenituri tagħha kienu armati bi grocer, waqt li Joe hu t-tieni wild minn tmienja u kienu armati bil-forn. Tkellmu waqt il-vaganza u wara ltaqgħu xi darbtejn. Mhux iżjed. Għax xi ħadd mar kżaha lil omm Carmen – li kienet iżżommilha ferm minħabba d-dixxiplina stretta li kellha – u qaltilha li jekk riedet tkompli toħroġ u tkellem liż-żagħżugħ, dan kellu jkun raġel biżżejjed li jasal jiltaqa’ ma’ missierha.
Carmen tirrakkonta li ma’ ommha ma tantx kienet iġġibha żewġ, iżda missierha kien taz-zokkor, jifhimha ferm u jipprova jikkuntentaha. Għalhekk bagħtet ittra lil Joe, tgħidlu b’dak kollu li xtaqet ommha.
Joe inħasad u ma weġibx mill-ewwel. Kulma bagħat jgħidilha kien, li kien għadu żgħir.
Iltaqgħu xi sena wara, fil-festa ta’ Santa Marija tal-Imġarr u Joe ħass li kellu jgħid b’kollox lil ommu. Semmielha min kienet Carmen, u peress li kienet taf li huma familja mill-aħjar, inkuraġġietu jkompli. Jiftakar li darba, hu u Carmen ftiehmu, li wara li jmorru jaraw film il-Palladium, fil-Mosta, jmur id-dar tagħha biex jiltaqa’ ma’ missierha. Ommha ma emmnithiex meta qaltilha li kellu jmur għandhom, u telgħet torqod bħas-soltu. Iżda aktar tard, meta Carmen irritornat u qaltilha li kien hemm l-għarus, skantat immens u bagħtitha tgħid lil missierha, li bħas-soltu kien qed jitkellem ma’ xi ħbieb f’garaxx. Joe għadu jiftakar li kulma qallu missierha kien ‘‘OK, ibni kif int? Tal-familja jafu?’’ u taptaplu fuq spalltu. Minn dakinhar, u għal tliet snin, damu għarajjes.
Fit-8.00p.m. id-dar
Fix-xitwa kienu jmorru t-talkies kull nhar ta’ Ħadd u fis-sajf imorru sal-baħar. Iżda d-dixxiplina ta’ omm Carmen kienet tali, li kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa, kienet tkun trid irritornat id-dar sat-8.00 p.m. U meta ma tmurx it-talkies tar-raħal, kienet tkun trid tieħu lil oħtha ż-żgħira magħha.
Joe jiftakar li fit-triq tagħhom il-Mosta, fejn kienu armati bil-forn, kien missieru u raġel ieħor biss li kellhom vettura. Tagħhom kienet vann, li missieru kien jimlieh bil-ħobż u jmur ibiegħu f’Ħal Lija. Fis-sajf, wara li jbiegħu l-ħobż u jieklu l-ikla ta’ nofsinhar, missieru kien jitla’ jorqod u Joe inaddaf il-vann. Dan biex għal xi l-4.30 p.m. jinġabru t-tfal kollha tat-triq u missieru joħodhom sal-Qawra biex jgħumu. Kienu jdumu hemm sa tard filgħaxija.
Carmen qatt ma marret il-baħar magħhom, minkejja li kienu diġa’ għarajjes. Ommha kienet tg[idilha li qabel ma tiżżewweġ, ma tagħmilx li trid. Lanqas id-dar għand il-ġenituri tal-għarus ma kienet titħalla tmur.
Wara tliet snin g[erusija, kien hemm [abiba ta’ ommu, li g[arrfitu li kien hemm dar f’kantuniera, għall-bejgħ. Kulma kienet tiswa kien Lm800. Joe jgġid li għal dak iż-żmien – 43 sena ilu, Lm800 kienu flus.
Ma’ missieru kellu paga ta’ Lm5 fil-ġimgħa u kien idaħħal xi Lm1.50/ aktar peress li flimkien ma’ zitu kienu jagħmlu x-‘xiwa’ nhar ta’ Ħadd. Dak iż-żmien, in-nies kienu jsajru l-forn barra u l-ħlas kien ivarja bejn erba’ soldi u sitt soldi. Jiġifieri ma tantx kien hawn flus fl-idejn.
Terġa’ l-ġenituri ta’ Carmen kellhom dar mal-ħanut tal-merċa u garaxx ftit ’l hinn. Meta l-għarajjes qatgħuha li jiżżewġu, omm u missier Carmen bnew xi appartamenti fuq il-garaxx u marru joqogħdu f’wieħed minnhom. Id-dar u l-ħanut tawh lil Carmen u Joe. B’hekk, huma sabu d-dar lesta u kulma nefaq Joe kienu xi Lm70 biex xkatla l-ġebla u flok reġa’ bajjad bil-ġir, bajjad bil-water paint.
Il-kamra tas-sodda
Kellu xi jgħid ma’ ommha għal xi jumejn, wara li xtara kamra tas-sodda għall-prezz ta’ Lm200, għax qieset li kienet għolja ferm, għal dawk iż-żminijiet. Iżda mbagħad iż-żmien taffa l-korla u kollox mexa sew.
Iżżewġu kif kienu ppjanaw, il-Ħadd, 12 ta’ Ġunju tal-1966 – jiġifieri bħall-bieraħ 43 sena ilu – fil-knisja parrokkjali tal-Mosta. Iċ-ċelebrant kien iz-ziju ta’ Joe, Patri Salv Portelli. Dik il-ħabta l-għarus kellu 23 sena u l-għarusa 21.
It-tie; għamluhulhom il-ġenituri ta’ Carmen. Is-sala li krew kienet l-Ark Royal, fil-Mosta stess. Din is-sala kienet ’il fuq minn Casa Arkati, u għalih kellhom numru mdaqqas ta’ mistednin. Sabu fotografu li ġibdilhom xi ritratti fid-dar u fis-sala –ġħax il-fotografi li joħor;u mill-istudjo tagħhom ma kinux għadhom numerużi.
Fis-sala kellhom ukoll grupp orkestrali magħmul minn ħames mużiċisti. Kien jismu The Gatt 5, immexxi minn Charles ‘City’ Gatt u l-kantant ma kien ħadd għajr Anġlu Fenech, ħabib tal-familja Camilleri u aktar tard Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Wara t-tieġ, l-għarajjes friski rħewlha għal qamar il-għasel. Alloġġjaw fis-Seabank Hotel, ix-Xemxija. Kellhom iqattgħu tlett iljieli – mill-Ħadd sal-Erbgħa ta’ wara, iżda x-xitan ma ħamilx. Kif Carmen sabet ruħha fit-tibdil tal-arja, din xorbitha, u wara jumejn kellhom jirritornaw id-dar bla ħsieb u jsejħu tabib. Iżda wara, gawdew kemm setgħu.
Ftit xhur wara t-tieġ, Carmen ħarġet tqila bl-ewwel tarbija tagħha Rosita. Imbagħad kellhom lil Joanne, lil Isabelle u lil Stephanie. Illum il-ġurnata Rosita hi miżżewġa lil Mark Muscat u għandhom tlett itfal: Amy, Lara u Janice. Joanne wkoll hi miżżewġa. Ir-raġel tagħha hu Tony Caruana u għandhom tlett itfal oħra: Kelly Ann, Kurt u Krista Jo. L-aħħar żewġt itfal għadhom xebbiet. Għalhekk Joe u Carmen huma nanniet ta’ sitt neputijiet.
Ġibda għall-knisja
Kif irrakkuntali Joe, meta kien ġuvni kien miġbud lejn il-knisja u s-soċjetajiet tagħha. Kien jattendi għall-quddiesa u anki jgħid ir-rużarju mal-familja tiegħu, iżda meta żżewweġ u ħa l-ħanut, ma kienx isib ħin biex jibqa’ fil-ħajja reliġjuża tiegħu. Kien iqum fl-4.30 a.m. kuljum biex jiftaħ il-ħanut tal-merċa u kien ikollu jmur il-Pitkalija biex jixtri l-ħaxix ħalli jbigħu. Qatt ma għalaq in-negozju tiegħu qabel it-8.00 p.m.
Min-naħa tagħha Carmen kellha lil ommha li tesiġi li l-quddiesa, ir-rużarju, u d-duttrina ma jonqsuhom qatt. Meta qatgħet milli tmur id-duttrina, bdiet tattendi ż-żgħażagħ Ħaddiema Nsara.
Meta mistoqsijin jgħidu x’jaħsbu li wassal għad-differenza bejn it-trobbija ta’ dari għal dik ta’ llum, il-koppja Camilleri ma ħaditx wisq żmien biex twieġeb.
Huma jaqblu li fi żmien it-tfulija tagħhom, huma kienu jilagħbu bix-xejn. Joe isostni li l-footballers kollha tal-Mosta Football Club kollha telgħu mill-Oratorju tal-lokal. Illum, biex tifel ċkejken jattendi Nursery, il-ġenituri tiegħu jridu jħallsu. Jemmnu wkoll li fi żmienhom, iż-żgħażagħ kienu lkoll ferħana. Illum, lit-tfal tasal tagħtihom kulma jridu u xorta qishom ma jieħdu gost b’xejn. Carmen issotni li minkejja li llum trabbi l-istess, it-tfal jitilgħu b’mod differenti. Temmen li l-ħajja tbiddlet u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja wasslu biex biddlu l-ħajja tat-tfal.
Min-naħa tiegħu Joe isostni li jemmen li li kieku lit-tfal ma nagħtuhomx dak kollu li jridu u nħajmuhom, jafu jitilgħu mod ieħor. Illum, it-tfal ma jafux jgħaddu mingħajr dak kollu li jridu.
Fl-aħħarnett staqsejt lill-koppja Mostija Camilleri, x’tifsira tagħti lill-imħabba. Mingħajr tlaqliq u titubar qaluli li t-triq tal-ħajja miżżewġa tagħhom għallmithom li l-imħabba hi sagrifiċċju, tolleranza, paċenzja kbira, tbatija, ferħ u naturalment l-ulied, li jiffurmaw lill-familja.
Trid jew ma tridx tieħu grazzja ma’ xi ħadd tfittex li tkun miegħu jew magħha u tiftaħ qalbek ukoll, u tibni fis-sod.
Il-ħlewwa tiġbdek u l-gost ipaxxik u għalhekk minn barra jidher li kollox b’saħħtu. Trid tara ġewwa x’hemm. Meta bniedem tal-affari tiegħu jixtri dar, ifittex perit biex jgħarbel jekk id-dar fihiex nuqqasijiet moħbija u b’hekk ikollu rasu mistrieħa li daru soda.
“Kif ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard….” Għoddni qed nilmaħ lill-appostlu San Luqa jikteb dawn il-vrus taħt id-dawl kiebi ta’fjamma ta’ xemgħa tperper maż-żiffa dieħla fil-kamra. L-istess ġabra ta’ kliem li llum, wara dawn is-snin kollha, għadna nisimgħu jinqara kull sena waqt il-quddiesa taċ-ċelebrazzjoni tal-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna. Jingħad li fis-sena 60 W.K., San Pawl waqqaf l-ewwel knisja f’Malta, proprju fil-grotta tar-Rabat, fejn kien qiegħed jiġi miżmum bħala ħabsi. U minn hemm beda l-kult qawwi Pawlin li matul is-snin ġibed lil bosta barranin lejn pajjiżna, hekk kif dawn xtaqu jmiddu passejhom fuq l-istess art li mexa fuqha dan il-qaddis. Hekk kif Frar huwa sinonimu ma’ din il-ġrajja tant kbira, għal dil-ġimgħa għażilt li nżur il-kumpless tal-Mużew Wignacourt li jinsab ir-Rabat, liema binja twassal ukoll għall-grotta ta’ San Pawl. Madanakollu, hekk kif flimkien mal-Kuratur Dun Ġwann Azzopardi u mal-Assistenta Kuratriċi, Michelle Galea, dort il-livelli varji li fih dan il-post, bqajt sorpriża kemm fir-realtà dan is-sit huwa ġawhra ta’ wirt kulturali li ma jkoprix biss din il-ġrajja imma anki diversi perjodi oħra tal-istorja għanja ta’ pajjiżna.
Infatti jidher illi kien il-patri eremita Spanjol, Juan Benegas de Cordoba, li kabbar din id-devozzjoni meta fis-17 il-seklu, huwa żar din il-grotta u din tant laqtitu li ddeċieda li jiddedika ħajtu biex jippromwovi din id-devozzjoni lejn San Pawl fil-gżejjer tagħna. Il-ħsieb tiegħu rnexxa, hekk kif dan beda jattratta lejn pajjiżna ammont kbir ta’ pellegrini sabiex iżuru dan il-post. Dan il-fatt ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Gran Mastru Fra Alof de Wignacourt li ma damx wisq ma għaraf il-potenzjal ta’ sit bħal dan u xtaqu li jsir tal-Ordni peress li din ma kellha l-ebda proprjetà li kienet abbinata ma’ dan il-qaddis, filwaqt li d-Djoċesi ta’ Malta kellha aktar minn post wieħed. Wara diversi diskussjonijiet, fosthom mal-Papa Pawlu V, ġie deċiż li l-grotta ta’ San Pawl kellha tgħaddi f’idejn il-kustodja ta’ l-Ordni u tinfired minn mal-parroċċa ddedikata lill-istess qaddis li kienet inbniet fis-16 il-seklu, sabiex din tibqa’ tal-Isqof u tal-poplu. Min-naħa tiegħu l-Gran Mastru kien obbligat li jipproteġi l-grotta u li jagħmilha disponibbli għall-pellegrini. B’hekk huwa ordna l-kostruzzjoni ta’ palazz maħsub għall-Kappillani ta’ l-Ordni li kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ din il-grotta lejl u nhar. M’hemmx għalfejn ngħidu, dan kien ukoll mezz li bih setgħu jintlaqgħu wkoll l-aqwa nobbiltà ta’ dak iż-żmien f’pajjiżna fejn apparti li dawn kienu jkunu miġbuda mill-ispiritwalità tal-post, dawn kienu jiġu attratti wkoll mill-prestiġju tal-Ordni u probabbilment kienu jħallu xi kemxa ġmielha warajhom. Fil-fatt fuq il-grotta, l-Ordni bniet ukoll knisja ċkejkna ddedikata lil San Publiju fejn illum il-viżitaturi jistgħu jaraw dak li ħallewlna l-kavallieri f’dan il-post, fosthom kwadru titulari li juri xbieha tal-Madonna bil-Bambin li qed iżomm f’idejh is-salib ta’ l-Ordni, liema xogħol huwa tal-artist Mattia Preti.
Il-mawra fil-Mużew ta’ Wignacourt issa niżlitna ‘l isfel, lejn il-katakombi msawwra fil-blat tal-madwar. Ikolli ngħid li kont impressjonata ferm bl-istat tajjeb ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Ta’ min isemmi illi dan il-mużew għamel madwar sena u nofs magħluq sabiex isirlu r-restawr u l-konservazzjoni li kellu bżonn, wara li kien ilu miftuħ mill-1981, u kien f’Diċembru tal-2013 li reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Il-katakombi jkopru perjodi differenti fl-istorja u jitfgħu dawl sinifikanti fuq ir-ritwali ta’ dak iż-żmien. Kif bosta minnha jafu, dawn l-inħawi tar-Rabat huma miżgħuda b’dawn il-katakombi li llum jinsabu mifruxa taħt id-djar tal-madwar u minn żmien għall-ieħor nisimgħu b’xi skoperta ta’ xi parti oħra tagħhom. Infatti, ġara l-istess hawn ukoll fejn f’dawn l-aħħar snin, waqt xi xogħolijiet li kienu qed isiru, inkixfet parti oħra żgħira ta’ katakombi li fiha nstabet agape table li madwarha n-nies kienu jiċċelebraw il-vjaġġ tal-mejjet lejn dinja aħjar permezz ta’ ikla bejniethom. Sfortunatament, il-katakombi kollha li jinsabu ġo dan il-post ġew imbattla milli kien fihom u minflok intlew bit-terrapien waqt it-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tissaħħaħ l-art ħalli taħtha jitħaffru aktar xelters. Min jaf x’qatt instab u x’qatt ittieħed minn dawn il-katakombi matul is-snin! Imma f’qabar minnhom, ġewwa din il-parti ċkejkna tal-katakombi li nstabet dan l-aħħar, wieħed għadu jista’ jara xi għadam uman li b’xi mod irnexxielu jiskappa d-destin li għaddew minnu l-oqbra l-oħra.
Taraġ ieħor aktar ‘l isfel li donnu jieħdok fil-qalba tal-art, iwassal għax-xelters li kellhom jitħaffru malajr sabiex joffru protezzjoni lin-nies tal-inħawi waqt l-attakki kiefra tal-gwerra. Mill-ġdid, dawn ix-xelters miżmuma f’kundizzjoni mill-iprem, jitfgħu dawl differenti lil realtà oħra li għex il-poplu tagħna f’passat aktar riċenti. F’dawn ix-xelters, wieħed isib ħamsin kamra b’kollox u meta wieħed jgħodd kemm kienu jesgħu nies anki l-kurituri ta’ bejniethom, ġie kkalkulat li setgħu jilqgħu fihom madwar 350 persuna. Fatt interessanti huwa li wħud minn dawn il-kmamar ġew imżejjna, kemm billi nżebgħu l-ħitan tagħhom, u anki permezz ta’ madum sabiħ kollu diżinji kkuluriti. Jagħtik li taħseb li anki f’dan iż-żmien imwiegħer u f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija u ta’ biża’, kien hemm min ittanta jsebbaħ anki din it-toqba fil-blat, forsi biex jinsa l-kruha. Madanakollu, fir-rigward ta’ kamra minnhom partikolarment aktar imdaqqsa u rranġata, kien hemm xi anzjani Rabtin li taw indikazzjoni li din kienet qed tiġi użata biex in-nisa tqal setgħu jwelldu t-trabi tagħhom fiha jekk jinqabdu waqt xi attakk mill-ajru. Ikun tassew interessanti li kieku nsibu lil xi ħadd li għadu jiftakar dan iż-żmien u jittieħed rikordju bil-miktub u idealment viżwali tal-memorji tiegħu.
Fis-sular ta’ fuq, il-viżitaturi jistgħu josservaw il-lussu tal-palazz li dari kien tal-Kappillani tal-Ordni u li llum huwa mibdul fi swali ta’ esebizzjonijiet varji. Parti kbira mill-esebizzjonijiet tinkludi bosta xogħolijiet tal-arti ta’ wħud mill-aqwa artisti bħal Vincenzo Hyzler, Francesco Zahra, Giuseppe Calì, Antoine Favray u Mattia Preti. L-iktar pittura antika fil-kollezzjoni ta’ dan il-mużew huwa kwadru poliptiku tal-1588 li llum hu ffurmat minn ħames partijiet fejn fihom wieħed isegwi l-ħajja ta’ San Pawl. Xogħol ieħor interessanti juri xbieha tad-Duluri li ġiet impinġija fuq injama ta’ daqs żgħir minn Mattia Preti. Minħabba li din ix-xbieha nħadmet b’lewn wieħed kjar oskur u peress li m’għandix is-soliti movimenti bħall-pitturi oħra, hemm min jaħseb li l-artist seta’ ħadem din il-pittura għalih biex iġorrha miegħu bħala speċi ta’ santa. Esebizzjonijiet oħra jinkludu relikwi, fosthom anki kopja tal-liżar ta’ Turin li ġiet awtentikata fl-1663, kwadri tal-ex-voto, paramenti ta’ Papa Pawlu V, mapep antiki u numru ta’ artifatti arkeoloġiċi li jingħad li nstabu fl-inħawi tal-Baħrija u tar-Rabat. Esebit ieħor interessanti huwa artal portabbli li kien jintuża fuq ix-xwieni; oġġett rari li probabbilment bħalu wieħed isib biss f’xi kollezzjoni privata. Wieħed jista’ jżur ukoll il-kamra tal-Kapitli mgħonija b’għadd ta’ kwadri ta’ Gran Mastri differenti, fosthom dak ta’ Wignacourt. Imbagħad hemm ukoll il-kappella li kienu jużaw il-kavallieri u sepulkru li kien jintrama f’Ħamis ix-Xirka. Kamra oħra li laqtitni kienet dik tat-teżorier li fuq is-sodda tiegħu, fl-għoli fuq ir-raff, imma dejjem taħt għajnejh, kien iżomm il-kaxxa tal-flus ħalli jipprova jevita milli xi ħadd jisraqhielu.
Bla dubju, il-Mużew Wignacourt joffri esperjenza distinta lil kull min iżuru, hekk kif dan il-post u l-kollezzjonijiet tiegħu, kapaċi jolqtu għadd ta’ interessi differenti. Peress li wieħed jeħtieġ iqatta’ siegħa jew tnejn jekk irid jara sewwa dan il-post, kafetterija li tinsab f’dan il-mużew, tkompli ssaħħaħ il-professjonalità ta’ dan is-sit li għandu jkun xempju għas-siti kulturali kollha tagħna.
Minn 
minn Charles B. Spiteri
Waħda mill-anzjani qalet li kienu xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom, li kull sena jaħdmu x-xalpi u għalhekk qatgħuha li jagħmlu xi ħaġa differenti u fuq skala kbira.
Għalhekk, in-nisa ppakkjawh f’taqsimiet u bagħtuhulhom bil-posta. Għax, kif ngħidu bil-Malti: min hu mejjet fis-sakra…. u min hu mejjet għal qatra!
Għaddejt minn quddiem il-Knisja tal-Maddalena kemm il-darba mingħajr qatt ma bsart xi storja kien hemm warajha. Madanakollu, minn dejjem naffarni l-ħsieb li din il-knisja antika kienet għamlet żmien tiġi utilizzata bħala post fejn jinħadmu l-karrijiet tal-karnival. Iżda kien biss ftit tal-jiem ilu, waqt li kont qed inħuf għal xi erba’ kotba interessanti fil-Fiera tal-Ktieb, meta finalment ġejt wiċċ imb wiċċ mar-realtà tad-destin ta’ din il-binja. Kien it-titlu tal-ktieb Magdalene Nuns and Penitent Prostitutes – Valletta li għall-ewwel sammarni fil-post u sfidani nqalleb il-paġni ħalli nara dwar xiex kien jitratta. Naturalment ma stajtx nitlef l-opportunità li nkellem lill-awtriċi tiegħu, Christine Muscat, u minn hemmhekk infetħet dinja sħiħa ta’ dokumenti antiki u stejjer mistura, intriċċi u misteri, voti tas-sorijiet tal-klawsura u ittra ta’ mħabba miktuba lil waħda minnhom li nstabet fil-Biblijoteka Nazzjonali, ħajjiet ta’ sorijiet konnessi ma’ dawk tal-prostituti, u kripta mirduma bil-fdalijiet tas-sorijiet tal-Maddalena tistenna sakemm xi ħadd jerġa’ jsibha ħalli jagħti lura d-dinjità lil dawn in-nisa, illum minsija imma li fi żmienhom kienu tant magħrufa.
Fatt kurjuż huwa li meta Christine bdiet tistaqsi madwarha ħalli tikseb informazzjoni dwar din il-knisja u s-sorijiet tagħha, ftit li xejn kien hemm min kien jaf dwarha. Donnhom dawn is-sorijiet tal-Maddalena kienu ġew imħassra kompletament mill-memorja kollettiva ta’ dan in-nazzjon, bħallikieku xi ħadd xtaqhom jintesew għal kollox. Iżda huwa waqt każi bħal dawn li l-arkivji juru l-potenzjal tagħhom, hekk kif aktar ma l-awtriċi bdiet tistinka biex tiġbor it-tifkiriet ta’ dawn is-sorijiet, iżjed bdiet toħroġ l-evidenza tal-eżistenza tagħhom.
Fost il-paġni ta’ dan il-ktieb intriganti, wieħed isib ukoll kopja ta’ ittra ta’ mħabba li l-awtriċi sabet arkivjata flimkien mad-dokumenti antiki tal-Biblijoteka Nazzjonali. Fiha, l-awtur anonimu li kien il-maħbub ta’ ċerta Giuditta għal 33 sena sħaħ, jinfurmaha li kien sejjer ikellem lill-Papa u sadanittant jissuġġerilha wkoll biex tilbes żarbun tat-takkuna u tibda titla’ u tinżel it-taraġ bih ħalli ma tintelaqx. L-ittra twebblek li forsi finalment dawn il-maħbubin kienu ser jieħdu xi deċiżjoni biex jibdew xi ħajja flimkien. Madanakollu, Christine irnexxielha ssib soru li kien jisimha Sister Giuditta Novi li kienet tgħix fil-monasteru fil-perjodu tal-ittra u din mietet hemm erbgħa snin wara d-data ta’ dan il-messaġġ.
Fl-istess ħin, l-awtriċi traċċat ukoll żewġ kwadri li juru xeni tal-Maddalena ma’ Ġesù bit-titlu Noli me tangere (la tmissnix), li jidher li kienu jappartjenu lil dan il-monasteru. Wieħed minndawn il-kwadri qiegħed fil-monasteru ta’ Santa Katarina filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard. F’ritratt antik u rari tal-intern tal-knisja tal-Maddalena, Christine irnexxielha tilmaħ wieħed minndawn il-kwadri wara l-artal maġġuri. Issa hi tixtieq li xi espert fil-qasam tal-arti jikkonferma jekk xi wieħed minndawn il-kwadri huwiex xogħol ta’ Filippo Paladini kif jingħad ħalli b’hekk tkompli tinħall il-kobba dwar din l-istorja.