It-tattwaġġ – parti mill-wirt tal-umanità

Charles B. Spiteri

alt

Dik li dari kienet dehra rari, li tara tattwaġġ fuq l-għaksa jew l-ispalla ta’ mara, illum qisha saret xi ħaġa marbuta mal-ħajja moderna. Iżda din il-kollezzjoni ta’ immaġini turi li t-tattwaġġ mhux xi fenomenu modern, kif forsi hawn min jaħseb. Waqt li t-tattwaġġi huma fenomenu relattivament riċenti fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, l-arti tal-persuna ilha tifforma parti mill-kultura Polinesjana u sa nstabet fuq il-fdalijiet mummifikati ta’ saċerdoti u saċerdotessi tal-Eġizzjani tal-Qedem.

Issa l-istorja ta’ 5,000 sena ta’ tattwaġġi ħadet il-ħajja f’esibizzjoni li saret dan l-aħħar fil-Musée du Quai Branly, li turi l-evoluzzjoni tal-arti fuq il-ġisem tul is-sekli. Għalkemm it-tattwaġġi dehru għall-ewwel darba fuq l-iġsma tal-irġiel u n-nisa Neolitiċi, ma dehrux fil-kultura tal-Punent sas-seklu 19, u l-ewwel darba li dehret din il-ħerqa għalihom kienet fis-soċjetà għolja Vittorjana.

BDL Books - Laqtiet

Fl-istess seklu t-tattwaġġ kien popolarizzat mill-esploraturi li marru lura fil-Gran Britannja, mimlijin ħrejjef fuq in-nisa msaħħrin u mimlijin tattwaġġi li raw tul il-vjaġġi tagħhom. Minħabba f’hekk, it-tattwaġġi bdew isiru xi ħaġa mitluba min-nisa tal-klassi l-għolja. Jingħad li tant kienet qawwija x-xewqa għal din l-arti tal-ġisem fi żmien il-perjodu Vittorjan li anki r-Reġina Vittorja jingħad li kellha waħda li turi tigra tal-Bengal tiġġieled ma’ python.

Fil-Punent it-tattwaġġi bdew jintużaw biex jimmarkaw lill-iskjavi u biex jistigmatizzaw lill-persuni li jkunu wettqu xi ħaġa ħażina, bħal fil-każ ta’ Colbert’s Code noir (il-kodiċi sewda) fi Franza, li kienet timmarka ġisem il-kriminali u l-prostituti. Għall-bidu din l-arti tat-tattwaġġi kienet ċensurata mill-Kristjaneżmu. Tinsab ipprojbita fil-Levitiku u fit-Testment il-Ġdid, u reġgħet kienet ripressa uffiċjalment fis-sena 787 mit-tieni Konċilju ta’ Niċea. Iżda baqgħet prattikata xorta waħda mill-pellegrini fiż-Żminijiet tan-Nofs u għadha pprattikata sal-lum mill-Kopti, l-Armeni u l-Kristjani tal-Art Imqaddsa.

Madankollu, kollox tbiddel fis-snin 1700 meta t-tattwaġġi bdew jintwerew bħala ribelljoni u ħsieb liberu u kienu adottati mis-soċjetà Boemjana u mill-membri tal-Forzi Armati. B’mod partikolari, il-baħrin kellhom tattwaġġi fuqhom biex juru f’liema pajjiżi vvjaġġaw. Bdew ipinġu fekruna biex juru li qasmu l-Ekwatur, ankra li turi li qasmu l-Atlantiku u dragun biex jissimbolizzaw li vvjaġġaw lejn il-Lvant.

BDL Books - Laqtiet

Sa tmiem is-seklu dsatax it-tattwaġġi bdew ikunu aċċettati sew mis-soċjetà, għalkemm uħud baqgħu marbutin mal-konnotazzjonijiet oriġinali tagħhom. Interessanti jingħad li fil-Britannja Vittorjana kienu jisirqu bil-forza u jittattwaġġjaw lin-nisa, li mbagħad kienu jkunu mġiegħla jaħdmu bħala attrazzjonijiet fiċ-ċirkli.

Illum il-ġurnata ħafna jsostnu li t-tattwaġġ hu parti mill-wirt komuni ta’ ħafna mill-umanità, u hu għalhekk li numru mdaqqas ta’ individwi qed jinjettaw il-linka f’ġisimhom.

Rigal mhux Mistenni għal Jum il-Missier

Charmaine Tanti M.A.

Kollox kien miexi ħarir, sakemm il-mamà nbidlet mil-lejl għal nhar. Filli kienet tmur għax-xogħol kuljum, u filli bdiet tibqa’ d-dar, tistrieħ fuq is-sufan, u tara t-televixin jew taqra ktieb. Is-soltu mhux biss kienet tlaħħaq mal-karriera tagħha, iżda anki mal-faċendi tad-dar. Issa bilkemm kienet għadha tmiss biċċa tal-art b’idha. Lil Luca u lil Elise bdiet ta’ spiss tibgħathom jilagħbu f’kamrithom għax ma kinitx tiflaħhom jagħmlu l-istorbju fil-kċina. Meta l-papà kien idoqq xi ftit diski Taljani fi tmiem il-ġimgħa, il-mamà kienet tmur tistrieħ minflok ma tiċċaqlaq mar-ritmu u tkanta l-lirika, bħal qabel.

Din l-imġiba stramba tal-mamà ma waqfitx hawn. Meta qorob Jum il-Missier, hija ma wriet ebda entużjażmu, bħas-snin l-oħra. Elise u Luca baqgħu skantati kif ma kienet ħadithom imkien biex jixtru rigal u kartolina lill-papà. Huma bdew jinkwetaw, u jitnikktu għax ħasbu li kien ġralha xi ħaġa lill-mamà, u ma kienet uriethom b’xejn. Jekk lill-papà ma setgħux jagħtuh rigal għax kienu għadhom żgħar wisq biex imorru jixtru waħidhom, huma kienu jafu jagħmlulu kartolina sempliċi! Lejlet Jum il-Missier, Elise qasqset ftit karti bojod, u waħħlithom flimkien bil-kolla. Luca sab stampa sabiħa ta’ plejer tal-futbol mill-magazine, u waħħalha fuq in-naħa ta’ quddiem tal-kartolina. Imbagħad, Elise kitbitlu fuq in-naħa ta’ wara b’ittri kbar: ‘INĦOBBUK, PAPÀ!’

L-għada filgħodu wara l-quddies, il-familja kollha nġabret madwar il-mejda tal-ikel. Il-papà ferra’ t-te lil kulħadd, u ħareġ platt fond mill-armarju, u mlieh bil-gallettini taċ-ċikkulata. Elise marret tiġri f’kamritha, u ġabet il-kartolina. Marret tagħtiha lill-papà, u hu tgħidx kemm ħa gost biha. Il-mamà bdiet titbissem. Issa kien wasal il-waqt li tiżvela s-sorpriża, li kienet ilha taħmi għal dawn l-aħħar ġimgħat.

Il-papà ma  riedx jemmen lil widnejh meta ħa l-aħbar, li se jerġa’ jsir missier. Dan kien l-aqwa rigal, li seta’ jaqla’ dakinhar, propju fil-ġurnata ddedikata lilu. Il-Bambin kien reġa’ ftakar fihom u kien se jagħtihom ġawhra oħra. Elise u Luca mhux biss ferħu li kien se jkollhom żieda fil-familja, iżda ħassewhom li qegħdin jerfgħu biċċa mir-responsabbilita` wkoll. Ma kinux jaraw is-siegħa u l-mument li jaraw lit-tarbija l-ġdida fid-dar tagħhom, u tgħidx kemm ħadu gost iduru l-ħwienet mal-mamà u l-papà biex jixtrulha l-ħwejjeġ u l-ġugarelli.  Ftit tax-xhur wara, twieled Peter, ġmiel ta’ tifel, kemmxejn samrani, u b’għajnejh kbar, żoroq. Malli rawh, Elise u Luca stħajluh pupu tal-laħam, u ma kinux jiċċaqalqu minn ħdejh ħlief biex imorru l-iskola. Il-mamà u l-papà raddew ħajr lill-Mulej talli kompla jżejnilhom ħajjithom b’dan it-teżor. Il-papà kien ferħan id-doppju li kien twelidlu tifel għax kien diġà deċiż li jibda jibagħtu jittrenja l-futbol ma’ ħuh Luca la jitfarfar ftit. Miskina l-mamà! Aktar ma kien idejjaqha l-futbol, aktar kienet se tibqa’ mwikkija bih.

Harriet Beecher Stowe (1811–1896)

Charles B. Spiteri

alt

Meta twieldet Harriet Beecher Stowe, in-nies fl-istati tan-naħa t’isfel tal-Istati Uniti kienu għadhom iżommu l-ilsiera biex jaħdmu għalihom. Fl-1852 ir-rumanz ta’ Harriet, Uncle Tom’s Cabin, għen biex jipperswadi lill-poplu li l-iskjavitù kellha tinqered.

Harriet twieldet u kibret f’Connecticut. Fl-1832 marret Cincinnati biex tgħallem fil-kulleġġ ta’ oħtha Catherine. Hemmhekk, fix-xatt tal-Punent tax-Xmara Ohio, saret taf bl-orruri tal-iskjavitù, peress li ħafna lsiera kienu jinqabdu quddiem għajnejha jippruvaw jaħarbu billi jaqsmu x-xmara.

Fl-istati ta’ fuq tal-Amerika l-iskjavitù ma kinitx permessa u l-maħrubin saru nies liberi. Madankollu, fl-1850, il-Gvern għadda Att li jgħid li n-Nordiċi kellhom jirritornaw lill-ilsiera kollha tagħhom. Min jonqos li jagħmel dan kien jitqies hu stess bħala kriminal. Harriet, bħal ħafna oħra li xtaqu li titneħħa l-iskjavitù, irrabjat qatigħ li din kienet se titneħħa minn parti waħda tal-Amerika. Kienet diġà kitbet bosta stejjer u artikli kontra min iżomm l-ilsiera. Kitbet ukoll Uncle Tom’s Cabin bħala puntati f’magazin.

L-istorja erojka ta’ skjav maħrub, jaqbeż minn fuq firxa ta’ silġ għal oħra, tul ix-Xmara Ohio, ħafnet l-immaġinazzjoni tal-qarrejja. Ir-rumanz inbiegħ bl-eluf. Illum l-eroj, Tom, hu kritikat għax ma ġġilidx lis-sidien bojod tiegħu, iżda dak iż-żmien l-istorja laqtet ferm lin-nies ta’ dak il-perjodu.

Bejn l-1861 u l-1865 faqqgħet il-Gwerra Ċivili Amerikana bejn il-Unjonisti tan-Nord, li riedu jxejnu għalkollox l-iskjavitù, u l-Konfederati fin-naħa t’isfel, li riedu jżommu l-iskjavi. L-Unjonisti rebħu u l-iskjavitù nqerdet.

Inċident stramb f’Roswell

Charles B. Spiteri

alt

Dan l-aħħar, żewġt irġiel kienu fiċ-ċentru ta’ misteru mħabbel ftit lil hinn minn Roswell, fi New Mexico, wara li aktarx għebu mix-xena ta’ ħabta kerha b’karozza. Huma dehru seba’ sigħat wara f’għalqa tal-ħmir.

Iż-żewġt irġiel, li isimhom inżamm mistur, ammettew mal-pulizija li kienu qed jixorbu meta f’xi s-sagħtejn ta’ filgħodu kienu qegħdin ’il barra mill-belt sinonima mal-aljeni u l-UFOs.

Ħaddiema tal-Emerġenza u oħrajn tat-tifi tan-nar waslu fix-xena tal-ħabta iżda ma sabu lil ħadd fil-karozza. Seba’ sigħat wara, is-sewwieq ċempel 911 u qal lil min wieġbu li ma setax jiftakar fejn kien il-lejl ta’ qabel. Irrakkonta biss li xħin qamu hu u ħabibu sabu ruħhom f’għalqa bil-ħmir.

Roswell fi New Mexico bdiet tikseb fama internazzjonali fit-8 ta’ Lulju 1947, meta l-ġurnali lokali rrappurtaw li uffiċjali governattivi tal-belt kienu qabdu flying saucer. Iżda minn dak iż-żmien kollox waqa’ f’idejn il-militar.

Iżda t-twemmin fl-attività aljena fil-post wassal lill-Air Force biex tibda investigazzjoni wara kraxx li kien sar fl-1995. Huma kkonkludew li l-UFO kien parti minn balloon varat fl-atmosfera mill-gvern, bħala parti minn programm sigriet ta’ sorveljanza fuq l-Unjoni Sovjetika.

Madankollu kienu bosta dawk li rrifjutaw milli jaċċettaw l-ispjegazzjoni u allegaw li sar kumplott biex jaħbu l-eżistenza ta’ ħajja estraterrestrijali.

Kejk Jaħraq

Charmaine Tanti M.A.

Meta Elise u Luca  ma kienx ikollhom skola, kien l-hena tagħhom li jagħmlu xi ħaġa mhux tas-soltu. Daqqa kienu jfarfru l-kamra tagħhom, daqqa kienu jgħinu lill-papà jaħsel il-karozza, u ġieli saħansitra kienu jonxru l-ħwejjeġ jew jaħslu l-platti. Għodwa waħda inzertat festa pubblika u fettlilhom riedu jsajru. Qamu ppreparati minn filgħodu biex jagħmlu kejk bħal dak li kienet sajret waħda mara waqt il-programm ta’ waranofsinhar fuq it-televixin xi jiem qabel.

Ir-riċetta tal-kejk kienet sempliċi għall-aħħar, iżda l-mamà qajla kellha aptit taqla’ imbarazz u ħmieġ fil-kċina. Elise u Luca wegħduha li jgħinuha fit-tindif la jlestu l-kejk, u bis-soltu żegħil u ħlewwa tagħhom ġiegħlu lill-mamà tgħid iva u tħallihom isajru. Tgħidx kemm qabżu bil-ferħ għax kienet għaddiet tagħhom!

Elise u Luca ma tilfux ħin u libsu l-fradal f’kemm ilni ngħid. Il-mamà wiżnitilhom l-ingredjenti meħtieġa għall-kejk, skont ir-riċetta, u mbagħad newlithomlhom. Fi skutella kbira tal-plastik ħalltu flimkien id-dqiq, il-bajd, il-butir, iz-zokkor, il-ħalib, il-baking powder u ż-żbib. Sakemm it-tfal qagħdu jħawdu l-kejk il-mamà warrbet ftit, għax il-papà qalilha li Peter kien qabdu l-għatx.

Tistgħu taħsbu kemm Elise u Luca ħadu gost iħawdu l-kejk ftit kull wieħed bl-imgħarfa tal-injam! Dakinhar kienet l-ewwel okkażjoni tagħhom li fiha kienu qegħdin isajru xi ħaġa, u għalhekk ma ridux joħorġu ta’ ħmir. F’salt wieħed Elise ftakret li kienu nsew iżidu ftit mixed spice mat-taħlita tal-kejk, bħalma kienu raw fuq it-televixin. Dlonk telgħet fuq siġġu u mill-armarju tal-kċina ħadet l-ewwel bott tal-ħwawar li rat quddiem għajnejha. Imbagħad żiedet ftit kuċċarini minnu mat-taħlita tal-kejk u reġgħet poġġietu f’postu. Sa ma ġiet lura l-mamà fil-kċina, it-taħlita kienet lesta f’reċipjent u hi qegħditu fil-forn.

Elise u Luca għenu lill-mamà tiżbarazza u tnaddaf il-kċina, kif kienu ftiehmu magħha qabel, biex ma toqgħodx tgerger. Xi nofs siegħa wara l-kejk kien lest, u l-mamà ħarġitu mill-forn u ħallietu jibred. Elise u Luca kienu mejtin biex jaqsmuh ħalli jaraw jekk ħarġux gwappi daqs il-koka tat-televixin. Kienu beħsiebhom idewquh lin-nanniet ukoll, minbarra lill-mamà, lill-papà u lil Peter, ħalli jaqilgħu l-prosit mingħandhom.

Iżda oħroġ il-għaġeb ħadd ma felaħ jieklu l-kejk, u bir-raġun! Kif kont tieħu mqar gidma minnu, f’ħalqek kont tħoss ħruq akbar min-nar tal-infern, u kien ikollok tixrob ftit ilma mhux ħażin sakemm jgħaddilek! Tgħid għaliex kien jaħraq daqshekk il-kejk? Mhux suppost li kellu ingredjenti jaħarqu fih. Elise u Luca mhux talli ma qalgħux tifħir, imma talli l-kejk kellu jintrema. Ħadd ma seta’ jifhem x’kien ġara, iżda qalb Elise għamlet tikk. Intebħet li kienet għamlet balbuljata meta żiedet il-curry mat-taħlita tal-kejk minflok il-mixed spice! Mhux ta’ b’xejn li l-kejk kien jaħraq! Qalet lil Luca bl-iżball oħxon li għamlet, u t-tnejn ftiehmu li l-biċċa tibqa’ bejniethom biss, għax inkella kienu jaqgħu għaċ-ċajt.

Meta mbagħad għadda ż-żmien u Elise u Luca reġgħu sajru l-istess kejk, qagħdu attenti ferm mill-iżbalji u ħarġu kburin bir-riżultat. Din id-darba l-kejk ittiekel kollu. Tant intgħoġob li l-familja kollha kienet kelma waħda: “Kemm jafu jsajru Elise u Luca, Alla jberikhom!’’ Minn dakinhar ’l hemm Luca u Elise baqgħu jsajru l-kejkijiet favoriti tagħhom u jdewquhom lil kulħadd.

Kanuni tal-ilma għal kontra ċ-ċpar

Charles B. Spiteri

alt

Iċ-ċpar u t-tinġis tal-arja qed joħolqu problemi ambjentali fiċ-Ċina.

Iżda belt fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż hi deċiża tiġġieled kontra l-arja maħmuġa, u biex tagħmel dan mhi tuża xejn għajr ilma tal-vit użat u mhux mormi.

Dan l-aħħar, residenti f’Lanzhou, il-kapitali tal-provinċja Chinas Gansu, sabu li żewġ sprayers ġganteski twaqqfu fil-Pjazza Dongfanghong, fejn qed jinbena stazzjon taħt l-art għall-ferrovija Metro Line 1.

Iż-żewġ sprayers long-range huma kapaċi jtajru l-ilma tal-vit biex jeqred it-trab u ċ-ċpar f’firxa ta’ 600 metru u naqqsu t-tinġis tal-arja.

Martyn Chipperfield, Professur tal-Kimika Atmosferika fl-Università ta’ Leeds, qal li bħal bosta bliet oħra Ċiniżi, Lanzhou għandha problema kbira ta’ ċpar. Permezz tal-kanuni li jisparaw l-ilma b’qawwa enormi, l-istess ilma jitla’ hu wkoll bħal ċpar fin, jaqbad mal-partikoli tat-tinġis, jagħmilhom ikbar milli jkunu u jaqgħu fid-dinja minħabba l-gravità.

It-tinġis fiċ-Ċina ġieli kien tant qawwi li l-ajruplani ma jkunux jistgħu jtiru, it-toroq jingħalqu u jintlaqat in-numru ta’ turisti li jkunu se jżuru l-pajjiż.

Issa jrid jinstab jekk dawn il-kanuni tal-ilma jistgħux iservu bħala soluzzjoni fit-tul fiċ-Ċina kollha.

Mary Wollstonecraft (1759–1797)

Charles B. Spiteri

alt

Mary Wollstonecraft kienet temmen li l-irġiel u n-nisa kienu ugwali u li kellu jkollhom l-istess dritt għat-tagħlim, għax-xogħol u għall-vot.

Illum il-ġurnata ftit ikunu dawk li ma jaqblux mal-fehma tagħha, iżda mitejn sena ilu l-maġġoranza tan-nies ma kienu jaqblu xejn ma’ dan, u kienu jisblu għal dawn l-ideat.

Ħu Mary kien imħarreġ biex isir avukat, waqt li hi kienet mistennija ssib raġel xieraq u tiżżewweġ. Iżda Mary kienet determinata li taqla’ hi stess il-flus li kienet teħtieġ.

Fl-1782 kriet dar f’Newington Green, dak iż-żmien villaġġ żgħir qrib Londra, u fetħet skola. Din l-iskola ma kisbitx is-suċċess mixtieq, iżda Mary ltaqgħet ma’ grupp ta’ nies li kellhom ħafna ħsibijiet bħal tagħha.

B’hekk fl-1787 kitbet it-Thoughts on the Education of Daughters. F’dan il-ktieb kitbet li n-nisa kellhom il-ħtieġa li jitgħallmu biex ma jintefgħux bħala piż fuq l-irġiel għall-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom.

Mill-kitba Mary kisbet biżżejjed flus biex tgħajjex lilha nnifisha. Iżda xtaqet ħafna li ssib raġel li tabilħaqq ikun iħobbha u jistmaha bħala ugwali għalih. Fl-1797 iżżewġet lil William Godwin, u dik is-sena stess wildet tifla. L-omm mietet ftit wara, kaġun ta’ deni li ħakimha.

L-ideat femministi ta’ Mary Wollstonecraft kienu ferm qabel żmienhom.

Frankenstein, jew The Modern Prometheus, ta’ Mary Shelley sar kemm-il darba f’films famużi.

Bint Mary wkoll issemmiet Mary. Meta kibret iżżewġet lill-poeta Shelley u kitbet ir-rumanz Frankenstein. L-idea ġietha waqt li kienet għal vaganza ma’ Shelley u Byron. Byron ħareġ bl-idea li t-tnejn li huma kellhom jiktbu storja tal-waħx.

Dawk l-Imgħarrqin Żewġ Ċagħkiet!

Darba waħda n-nanna kienet irrabjata bil-kbir għal Luca, wara li sabet xi ġugarelli żgħar tal-plastic fil-borma tal-istuffat. Aktarx li kien tefagħhom hemm minn wara daharha, avolja baqa’ jiċħad li għamilhom hu. In-nanna setgħet tobsor li din kienet xi biċċa xogħol minn tiegħu għax kienet taf biżżejjed x’kien isarraf. Bagħtitu ’l hemm, ma jmurx jivvintalha xi ħaġa ġdida, u hu tela’ fuq. Kien mingħalih li n-nannu kien se joqgħod iżiegħel bih, iżda dan ukoll kien mgħaddab għalih. Beda jaħseb ħażin fih meta sab l-istatwetta tal-kristall ta’ fuq l-iskrivanija f’elf biċċa. Kien tassew iddispjaċut, għax ma kontx issib tixtri oħra bħalha minn kullimkien. Luca għalxejn ħabbat mal-bieb tal-kamra. In-nannu ma riedx jiftaħlu. Rabba n-nervi għax in-nanniet ma riduhx ma’ saqajhom.

Luca tela’ jiġri fuq il-bejt għall-kwiet biex igawdi ftit ix-xemx. Dakinhar in-nannu ma kienx se jtajjarlu t-tajra u n-nanna ma kinitx se tilgħab miegħu bil-ballun. Kienu ħallewh waħdu bħala kastig. Qagħad bilqiegħda fejn il-bieb tal-bejt u qagħad jaħseb ftit. Issa kien wasal biex jagħmel il-preċett u ma kienx jixraqlu li jibqa’ daqshekk imqareb u jinkwieta lin-nanniet. Ħaseb li kellhom raġun jirrabjaw għalih, għax żgur li ma kienx ħaqqhom hekk daqskemm kienu jħobbuh. Wiegħed lilu nnifsu li jibda jrabbi l-għaqal mil-lum ’il quddiem.

F’daqqa waħda nstema’ ħoss kbir fis-sema li kiser is-skiet, li kont taqtgħu b’sikkina. Luca ħares ’il fuq u lemaħ ajruplan għaddej. Qam bilwieqfa biex jarah aħjar u resaq lejn iċ-ċint tal-bejt. Wara ftit sema’ lin-nanniet iwerżqu tweżiqa tal-biża’. Bla ma induna Luca kien laqat iż-żewġ ċagħkiet imdaqqsa ta’ fuq iċ-ċint waqt li kien qiegħed iserraħ dahru miegħu, hu u jħares lejn l-ajruplan għaddej fil-bogħod. Iċ-ċagħkiet waqgħu għal isfel u spiċċaw fil-bitħa. Dak il-ħin in-nanniet inzertaw qegħdin isaqqu l-qsari, u l-Bambin ħabbhom li ma ntlaqtux u ma waqgħux mejtin fuq xulxin! Minnufih bdew isejħu lil Luca, għax beżgħu li hu kien waddabhom minn fuq iċ-ċint tal-bejt.

Iżda Luca kien għosfor minn hemm fuq malli ntebaħ x’kien ġara. B’għaġeb kbir in-nanniet sabuh qiegħed taparsi jaqra ktieb fil-kamra tagħhom meta telgħu jfittxuh. Hu għamel tabirruħu li ma kien jaf b’xejn.

Allaħares kellu jgħidilhom il-verità kollha ta’ kif seħħet il-ġrajja, għax kieku ma kinux jemmnuh li m’għamilx hekk apposta! Malajr kien ikollu jrabbih l-għaqal imbagħad, għax min jaf x’kienu jagħmlulu! Ħassu kuntent li tal-inqas kien irnexxielu jiżgiċċa minn dil-biċċa. La ma kellhomx f’min iwaħħlu, weħel magħhom ir-riħ li kien ċaqlaq dawk iż-żewġ ċagħkiet, meta dakinhar lanqas żiffa ma kienet għaddejja. Luca tahom raġun għax hekk qabillu jagħmel.

Żwieġ tal-itwal xbejba

altL-itwal xbejba tal-Brażil kellha tkun l-itwal għarusa tad-dinja wara li n-namrat  tagħha pproponielha ż-żwieġ.
 
Il-mudella Elisany da Cruz Silva, li hi twila sitt piedi u tmien pulzieri, kienet ilha toħroġ mal-għarus tagħha Francinaldo da Silva Carvalho, li hu twil ħames piedi u erba’ pulzieri, għal aktar minn tliet snin.
 
Minkejja d-differenza ta’ pied u erba’ pulzieri bejniethom, Francinaldo ma sab ebda problema biex inkina fuq sieq waħda f’xatt il-baħar u jitlobha ssir martu.
 
Il-koppja kienet ilha sena tgħix flimkien f’dar żgħira, fil-belt Brażiljana ta’ Salinopolis, u qed tispera li ma ddumx ma tisma’ l-ħsejjes ta’ saqajn żgħar iduru fid-dar.
 
altElisany tant tixtieq li jkollha tarbija, li qalet li jekk ma tinqabadx tqila malajr, lesta tadotta. Dan għalkemm għad għandha biss 18-il sena.
 
Iżda l-biża’ tagħha hu li jkunx jista’ jkollha tfal minħabba l-iġgantiżmu li beda jifforma fiha, wara li kibrilha tumur fil-glandola pitwitarja. Madankollu, il-koppja, xorta waħda qed tfittex li jkollha ħajja twila b’relazzjoni ta’ mħabba li nsibu fl-istejjer tas-sħarijiet.
 
Għall-bidu, il-ġenituri ta’ Elisany ma ridux jemmnu li riedet tiżżewweġ. Issa qed ilestu bis-sħiħ għal din il-festa ta’ binthom.
 

Ixibħuħ ma’ xadina alla

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Adolexxent Indjan qed jitqies bħala alla u jkun adurat minħabba li għandu denb ta’ seba’ pulzieri. Arshid Ali Khan, ta’ 13-il sena, sar meqjus bħala simbolu divin fl-istat tal-Punjab.

In-nies tal-lokal jagħrfuh bħala r-riinkarnazzjoni tal-alla xadina Ħindu, Ħanuman, u jirreferu għalih bħala Balaji. Madankollu, minħabba denbu, Arshid qed ikollu juża siġġu tar-roti u qed jaħsibha li jkollu d-denb li għandu, imneħħi.

Hu qal: “Dan id-denb tahuli Alla. Qed inkun adurat għax nitlob lil alla u x-xewqat tan-nies qed iseħħu. Bih, la nħossni superjuri u lanqas inferjuri.”

Mindu miet missieru, meta kellu biss erba’ snin, Arshid jgħix ma’ nannuh, Iqbal Qureshi, u żewġ zijiet irġiel.  Ommu reġgħet iżżewġet. Id-dar fejn jgħix Arshid inbidlet f’tempju, fejn in-nies devoti jirrikorru għandu u biex jirċievu l-barka u jmissulu ‘denbu’.

BDL Books - Laqtiet

Uħud minn dawn kienu koppji bla tfal. Iżuruh, iberikhom u wara jsibu li nqabdu tqal. Arshid jemmen li hi x’inhi r-reliġjon li jħaddan kull individwu, hemm triq waħda li twassal għall-ispiritiżmu divin.

Madankollu jsibha kemxejn diffiċli biex ilaħħaq fil-ħin tiegħu mad-devoti li jmorru għandu, mal-istudju edukattiv tiegħu u xi ftit ħin ta’ logħob ma’ ħbiebu.

Kull nhar ta’ Ħadd biss, ikollu bejn 20 sa 30 ruħ li jżuruh id-dar. Barra minn hekk Arshid jemmen li bid-denb jew mingħajru, in-nies xorta tibqa’ żżuru għall-ħtiġiet tagħhom, għax issa saru jemmnu fih.