Donna tintilef il-Buskett?

Charmaine Tanti M.A.

altDonna bdiet tibża’ waħidha taħt dik is-siġra kbira tal-ħarrub. Sħabha u l-għalliema fejn kienu marru? Imisshom telqu `l hemm u ħallewha waħidha! U xħin iroxx id-dlam x’kienet se tagħmel? Kif kienet se tmur lura d-dar?

Dakinhar Donna, kienet ħarġet ma’ tal-klassi. Billi qatt ma kienet marret il-Buskett tassew ħadet gost xħin rat dik il-kampanja kollha quddiemha. Qatt ma kienet sabet ruħha f’post daqshekk trankwill, fejn setgħet tisma’ biss l-għasafar jgħannu u xxomm ir-riħa tfuħ tal-fjuri u s-siġar.

Wara li Donna u sħabha ntefgħu bilqiegħda qalb il-ħaxix salvaġġ, ħarġu l-ħobż mill-basket u qagħdu jieklu u jitħaddtu bejniethom. L-għalliema wissiethom kemm-il darba biex ma jiċċaqalqux minn hemm, ma jmorrux jintilfu f’dak il-kobor kollu. Biex iżżommhom kwieti ħarġet il-ktieb tal-istejjer u qabdet taqralhom storja. Donna ma kellhiex aptit tismagħha, għalkemm għamlet tabirruħha li kienet qed togħġobha, ħalli l-għalliema ma tirrabjax magħha.

Malli għadda ftit tal-ħin u rat lill-għalliema mitlufa sew fil-qari u lil sħabha kollha jħarsu lejha u jitgħaxxqu bl-istorja, Donna żgiċċat u marret tistaħba taħt siġra ftit ’il bogħod. Għall-ewwel tgħidx kemm bdiet tidħak, għax kienet ħarbitilhom bla ma indunaw. Imma issa kienet ilha mistoħbija hemm aktar minn sagħtejn, u bdiet titħasseb. Ħadd ma kien mar ifittixha jew imqar għajtilha.

Kollha beżgħana Donna ħarġet mill-moħba tagħha u ġriet lejn fejn kienet ħalliet lill-oħrajn. Però ma kinux hemm. Ħassitha se tiġġennen. Min kien se jsibha? Infexxet f’bikja kbira, forsi xi ħadd jismagħha u jkollu ħniena minnha. Bdiet tgħajjat ukoll għall-ajjut, imma kien kollu għalxejn. Kien it-tort tagħha li kienet sabet ruħha waħidha l-Buskett. Għalfejn m’obdithiex lill-għalliema? Għalfejn riedet dejjem tivvinta xi praspura ġdida? Issa Alla biss kien jaf meta u kif kien se jirnexxilha toħroġ minn hemm.

Il-ħoss qawwi tal-iżveljarin qajjimha b’ħasda kbira. Donna qagħdet bilqiegħda fis-sodda għarqana xraba imma ftit ftit bdiet ġejja f’tagħha. Ma kellhiex għal xiex tinkwieta. Għall-erwieħ! Din kienet biss ħolma stramba. Mhux veru li kienet intilfet il-Buskett.

L-eqdem kalkulatur fid-dinja

Charles B. Spiteri

alt

Aktar minn mitt sena mindu nstabu oġġetti xjentifiċi f’qiegħ il-baħar, l-esperti qed jittamaw li jirnexxilhom isibu aktar sigrieti. Dan permezz ta’ teknoloġija ferm aktar moderna fl-għadis.

Arkeologi Griegi u Amerikani qed iħufu madwar in-nawfraġju ta’ bastiment antik Ruman f’Antikythera, billi jilbsu l-Exosuit – libsa tal-għadis mill-aktar moderni – li tippermettilhom jinżlu aktar mid-doppju tal-fond li kienu jinżlu.

Fl-1900 l-għaddasa kienu sabu dak li ssejjaħ il-Mekkaniżmu t’Antikythera – makkinarju tas-seklu tnejn qabel Kristu, li jitqies bħala l-aktar kompjuter qadim tad-dinja. Is-sejba saret ’il barra mill-gżira Griega.

Dan kien mekkaniżmu avvanzat immens, użat mill-Griegi tal-qedem biex jistudjaw iċ-ċikli tas-sistema solari. Tant kien avvanzat dan l-arloġġ li kellhom jgħaddu 1,500 sena oħra biex fl-Ewropa ntlemaħ arloġġ ieħor sofistikat bħalu.

Il-libsa tal-għadis Exosuit, prodotta fil-Kanada min-Nuytco Research, tippermetti lill-għaddasa jinżlu f’fond ta’ 492 pied (150 metru). Hi magħmula mill-aluminju u kapaċi tissupplixxi l-ossiġnu għal 50 siegħa, kif ukoll tippermetti li ssir komunikazzjoni ma’ nies fuq il-baħar permezz ta’ optical cable.

Fiha wkoll erba’ muturi (thrusters) b’qawwa ta’ 1.6 horsepower biex jgħinu lill-għaddas idur taħt il-baħar b’ħeffa tabilħaqq kbira. Kull libsa tiżen bejn 226  u 272 kilogramm. Il-prezz tagħha jibda minn madwar €502,155.

Angeliki Simosi, Kap tad-Direttorat għall-Antikitajiet ta’ Taħt il-Baħar, qal li hemm sinjali tajbin ħafna li jafu jinstabu oġġetti oħra fuq il-bastiment mgħarraq. Dan jista’ jbassru wara l-għadis li sar fl-2012 u l-2013.

Dimitris Kourkoumelis, arkeologu ieħor fit-tim, qal li hemm numru ta’ oġġetti taħt il-baħar, peress li dan il-bastiment kien iġorr ħafna rikkezzi mill-Asja Minuri.

L-istess arkeologi qed jisperaw li jikkonfermaw il-preżenza tat-tieni vapur mgħarraq, madwar 250 metru bogħod mis-sejba oriġinali.

L-‘arloġġ’ antik li nstab u ttella’ kien f’kaxxa tal-injam ta’ 340 x 180 x 90 mm u jikkonsisti minn gerijiet, uċuħ tal-bronż u roti li jingranaw f’xulxin. Instabu wkoll 40 gear tal-bronż maħdumin bl-idejn. Dan il-mekkaniżmu jingħad li nħoloq madwar is-sena 100 qabel Kristu u aktarx hu l-eqdem kalkulatur tad-dinja.

Studji li saru fuqu huma tal-fehma li kien jintuża biex jara l-moviment tal-pjaneti u l-qlib tal-jiem u s-snin.

Bħalissa l-mekkaniżmu jinsab esibit fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija f’Ateni.

Storbju sħiħ fid-dar

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna kienet tifla fuq ruħha wisq. Mindu marret toqgħod man-nanniet kienet dejjem tivvinta l-praspar u tinkwetahom. In-nannu kien jirrabja magħha, għax kien iridha tistudja minflok toqgħod taħli ħinha tagħmel il-ħmerijiet. Iżda hi kienet minn widna jidħol u mill-oħra joħroġ. Għalkemm kienet tipprova tobdih, malli jillarga minn ħdejha kienet tqum minn postha u tibda ddur u tagħqad mad-dar ħalli tara x’bawxata ġdida se tagħmel.

Darba minnhom l-għalliema ta’ Donna għamlet lezzjoni dwar il-mużika. Spjegat kif il-mużika ma tinħoloqx mill-istrumenti biss. Lill-istudenti tagħha wriethom kif anki jekk sempliċiment tħabbat mgħarfa ma’ tazza tal-ħġieġ tinħoloq tip ta’ melodija ħelwa, mentri jekk tħabbat l-għotjien ta’ żewġ borom ma’ xulxin, il-melodija li tinħoloq tkun ferm aktar qawwija.

Donna fetħet par widnejn daqsiex għal kliem l-għalliema tagħha, u tassew għoġbitha l-lezzjoni ta’ dakinhar. Meta waslet lura d-dar mill-iskola kielet platt soppa u wara għamlet il-homework man-nannu. Xħin lestietu n-nannu mar jimtedd għax kien għeja. Imma ma damx igawdi l-mistrieħ tiegħu għal ħin twil. Il-ħsejjes li beda jisma’ tarrxulu widnejh.

Lanqas laħaq ħareġ minn kamartu li ma rax lil Donna għaddejja fil-kuritur tħabbat l-għotjien tal-borom flimkien u tidħak kemm tiflaħ, għax kien irnexxielha tagħmel bħalma qaltilha l-għalliema tagħha. In-nannu ried jgħolliha, u wiċċu sar aħmar nar bir-rabja.

Iżda Donna kienet pronta telgħet ’il fuq għax kienet taf li n-nannu ma kienx se jitla’ warajha, billi kellu saqajh juġgħuh. Bla dubju Donna kienet tellfitu r-raqda tiegħu għalkollox dakinhar, għax baqgħet sejra tħabbat dawk l-imberkin għotjien tal-borom hi u ddur fil-kmamar ta’ fuq. In-nannu qabad jigdem idu daqskemm kien inkorlat għaliha, imma ma setax iwaqqafha għax kienet ħarbitlu, ja mqarba li hi!

Lin-nannu mhux biss dejqu dak l-istorbju sħiħ li għamlet Donna, iżda inkwieta ferm meta ftakar li dawk l-għotjien tal-borom kienu jiswew il-flus, għax kienu ta’ marka fina. Beda jaħseb li b’dak it-taħbit kollu Donna kienet se tirranġahomlu għall-frisk!

Xħin omm Donna daħlet id-dar mill-ewwel saret taf min kien qiegħed jagħmel dawk il-ħsejjes kollha li bdew iriegħdu kullimkien, għax gżaha n-nannu. Il-mamà telgħet fuq, tatha ħasla kif tmiss il-liġi u malajr kellha tinżel ’l isfel u tpoġġi l-għotjien lura fuq il-borom fl-armarju tal-kċina. Imbagħad qaltilha biex titlob skuża lin-nannu talli ma ħallitux jistrieħ. Hi hekk għamlet, u hu ħafrilha minnufih, għax kien iħobbha daqs dawl għajnejh. Donna tbissmitlu u wegħditu li ma terġax tagħmillu aktar bħal dakinhar. Qabel marret torqod tatu bewsa fuq ħaddejh bħas-soltu, għax hi wkoll kienet tħobbu ħafna, minkejja kollox.

Meta n-nanna rritornat mill-mawra tagħha f’Għawdex aktar tard filgħaxija, tgħidx kemm raddet slaleb malli tarrfulha li dakinhar Donna kienet għoddha ġennet lin-nannu bil-praspura l-ġdida li għamlet. Donna ma kienet se tinbidel qatt, għax min jitwieled tond ma jmutx kwadru.

Il-bacon: Tieklu jew ma tiklux?

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Dan l-aħħar smajna ferm fuq kemm hu ħażin il-laħam proċessat u l-bacon, għax skont studji li saru, jafu jqabbdu l-kankru. Niftakar żmien meta kienu joħorġu reklami fuq kemm kienet tajba t-tali jew it-tali xarba. Jgħaddi ż-żmien u l-kumpaniji tal-marketing ixellfu dan kollu u jibdew jgħidu li xarba skura hi ħażina għas-saħħa. L-istess il-bajd. Dari konna nixorbu l-bajda minn taħt it-tiġieġa, appena tbidha.

Sa ftit żmien ilu kien hawn min jgħid li l-bajd hu ħażin għas-saħħa. Issa reġa’ hawn min isostni li bajda iebsa ma tagħmel l-ebda deni u ma fihiex kolesterol. Allura jista’ jkun li dawn huma affarijiet tal-marketing?

Minn xi tiftix li għamilt sibt li fil-fatt hawn min hu tal-fehma li l-bacon fih ħafna valuri għas-saħħa. Pereżempju l-proteini li fih iżommulna l-livelli tal-enerġija fl-aqwa tagħhom mingħajr ma jħaxxnu wisq.

Studji li saru f’diversi universitajiet u ċentri mediċi wrew li meta dak li jkun jinkludi l-bacon b’mod naturali bħala parti mid-dieta tiegħu, ikun qed inaqqas il-pressjoni u l-livelli tad-dijabete, kif ukoll ibiegħed lilu nnifsu minn attakk tal-qalb jew puplesija.

Waqt li għal diversi snin inħarÄ¡u stejjer tal-waħx fuq il-bacon, instab li dan jagħtina ħafna proteini,  jgħin lill-Ä¡isem inaqqas il-piż u jżid il-metaboliżmu ta’ dak li jkun billi jibnilu muskoli aktar b’saħħithom mingħajr ma jħaxxinhom.

Attwalment il-bacon fih inqas xaħam, xaħam saturat u kolesterol minn ħafna qatgħat taċ-ċanga jew tat-tiġieġa. Waqt li xi ħut fih inqas xaħam u kolesterol mill-bacon, il-bacon fih aktar proteini u ma fihx veleni bħall-merkurju.

Il-bacon hu mimli b’nutrijent importanti magħruf bħala choline, li jgħin biex iżidilna l-intelliġenza u l-memorja, mit-twelid sax-xjuħija, u studji fl-universitajiet sabu li jgħin fil-ġlieda konta l-mard tal-Alzheimer u mard kroniku mentali.

Jingħad li l-bacon jipprovdilna 65% tal-vitamina B1, li hi d-doża ta’ Thiamin li għandna nieħdu kuljum; 47% Niacin (il-vitamina B3), 38% tal-vitamina B12; 36% taż-żingu; 24% tal-vitamina B6 li ninħtieġu; 22% tar-Riboflavin (il-vitamina B2); 22% tal-fosfru li għandna nieħdu; 10% tal-Pantothenate; 10% tal-manjeżja; u 9% tal-ħadid.

Barra minn hekk, il-proteini miksuba minnu huma l-iktar għoljin li nsibu f’kull laħam, ħut u tjur li jinstabu fid-dinja.

L-iskrivanija tan-nannu

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Mindu n-nanna bdiet tikber ma baqgħetx tiflaħ tnaddaf id-dar. Qatgħetha li tqabbad magħha lil Tereża bħala seftura, u din aċċettat minn qalbha. Tereża kienet tmur tnaddfilha d-dar darba kull ħmistax nhar ta’ Sibt filgħodu.

Donna mill-ewwel għamlet ħbieb magħha għax kellha natural taz-zokkor. Waqt li kienet tkun għandhom it-tifla kienet il-ħin kollu ddur warajha, daqqa biex turiha xi pupa ġdida li tkun qalgħet u oħra biex tgħidilha xi tkun għamlet l-iskola tul dik il-ġimgħa. Tereża kienet toqgħod tismagħha bil-paċenzja kollha u titbissmilha. Qabel titlaq kienet dejjem tagħtiha bewsa daqskemm kienet tiggustaha. Kollox kien miexi ħarir, sakemm Donna ivvintat praspura.

Meta darba waħda Tereża marret għandhom bħas-soltu, in-nannu ħareġ jagħmel passiġġata għax saqajh ma kinux qegħdin juġgħuh wisq. Tereża bdiet iddur minn kamra għal oħra biex tfarfar u taħsel l-art. Sadanittant in-nanna qagħdet tippreparalha belgħa te u biċċa suflè ħalli tagħtihomlha kif tlesti. Donna ma kienet tidher imkien. Tgħid fejn kienet qiegħda? Mhux soltu tagħha li kienet tkun daqshekk kwieta.

F’daqqa waħda Tereża daħlet fil-kċina b’nifisha maqtugħ. Kellha wiċċha aħmar nar. Kienet tidher inkwetata ferm. Qalet lin-nanna li l-iskrivanija tan-nannu kienet qisha se ssiefer daqskemm kellha fajls u karti fuqha, filwaqt li l-kxaxen tagħha kienu kollha miftuħin beraħ. In-nanna stagħġbet b’li qaltilha Tereża, għax l-iskrivanija tan-nannu kienet dejjem tkun pupilla. Ma riditux jaraha f’dik is-sura, u nfixlet waħda nobis. Żgur li mhux hu kien qala’ dak l-imbarazz kollu minn ġol-kxaxen. It-traskuraġni kien jobgħodha minn ġuf ommu. Tereża u n-nanna ħadu biċċa xogħol sa ma ġabru l-affarijiet kollha f’posthom ħalli n-nannu ma jagħmilx xi frattarija xħin jiġi lura d-dar.

Meta telqet Tereża, in-nanna ġietha l-kurżità fejn kienet Donna. Wara li daret ma’ kullimkien sabitha mistoħbija wara l-gwardarobba tal-kamra tas-sodda tagħha. Xħin staqsietha jekk kinitx daħlet fl-istudju tan-nannu, Donna ma kellmitha xejn. In-nanna bdiet taħseb li kienet għamlet xi brikkunata minn tagħha, għax hekk kienet tixhed dik it-tbissima nebbiexa tagħha. Kellha raġun. Fil-fatt Donna kienet daħlet baxx baxx hemm ġew u qagħdet tgerfex fil-kxaxen tan-nannu. Mela għalhekk kienet għebet! Minn dakinhar ’il quddiem, l-istudju tan-nannu beda jinżamm dejjem imsakkar fuq ordni tan-nanna, u Donna qatt aktar ma daħlet fih.

Tattwaġġi b’tifkira

altIva, dan li qed taraw fir-ritratt hu David Beckham, li l-arti tat-tattwaġġ fuq ġismu ġmielha qed timlielu laħmu.
 
Dan l-aħħar żied tattwaġġ ieħor… bin-numru ‘99’, biex ifakkar waħda mill-aktar snin ta’ ferħ f’ħajtu. U hu mistenni li jżid numru ta’ tattwaġġi żgħar oħra fuq Ä¡ismu, li Ä¡a hu miksi sew.
 
Kif għedna, l-aħħar tattwaġġ – in-numru 99 – sar fuq sebgħu ż-żgħir ta’ idu. Sar biex ifakkar is-sena li fiha żżewweÄ¡ lil martu Victoria.
 
Fuq Instagram, il-footballer irtirat qal li dan in-numru jfakkru fis-sena taż-żwieÄ¡, li jqisha bħala waħda meraviljuża. Xi Ä¡imgħat qabel, naqqax il-kliem Pretty Lady fuq isem bintu Harper, li kien fuq għonqu, u dan għamlu biex ifakkar ir-raba’ sena mit-twelid tagħha.
 
Waqt li Beckham għandu aktar minn 40 tattwaġġ, l-aktar viżibbli huma dawk li fihom l-aktar tifsir…
 
1.    99 – Is-sena li fiha żżewweÄ¡ lil martu Victoria.
2.    Pray for me. 
3.    Anġlu bil-kliem: Let them hate as long as they fear.
4.    Salib bil-ġwienaħ.
5.    Pretty Lady – Għal bintu, Harper.
6.    Harper – L-isem tal-unika bint.
7.    Ġesù mgħolli mill-Kerubini.
8.    L-istilla ta’ David.
9.    Grandad – b’tifkira għal nannuh Joe.
10.   Ward.
11.   Anġlu mdaqqas bil-kliem In the face of adversity.
12.   Sħab.
13.   Ir-raÄ¡el imdejjaq – b’tifkira ta’ nannuh mejjet Joe West.
14.   Victoria bl-Ebrajk.
15    I am my beloved and my beloved is mine.
16.   Stilel.
17.   Lead with love.
 
L-ewwel darba li David mar għal-labar tat-tattwaġġi kien fl-1999, meta twelidlu l-ewwel iben, Brooklyn. Aktarx li tħajjar minn Jimmy Gulzar, dak li kien ir-raÄ¡el ta’ Mel B ta’ Spice Girls, u ried isem ibnu miktub bi stil Gotiku klassiku.
Minkejja li issa, David, missier ta’ erbat itfal, daħal fl-erbgħin sena, ma jixtieqx jieqaf milli jagħmel aktar disinji, li jiswew kemxa Ä¡mielhom. Barra minn dan jgħid li ma jiddispjaÄ‹ih xejn li Ä¡ismu hu mpitter b’dan il-mod, għax għalih, kollha għandhom xi tifsira speÄ‹jali.

Il-ktieb tar-riżultati

alt

Donna kienet tinqala’ għall-praspar, iżda qajla kienet tagħti kas l-istudju. Il-qatla tagħha kienet li tqum filgħodu kmieni għall-iskola, u kemm-il darba kienet tara kif tagħmel biex tfalli xi ġurnata, taparsi qamet ma tiflaħx. Fil-klassi ma tantx kienet toqgħod ħsiebha fil-lezzjonijiet, u l-homework kienet tagħmlu kif ġie ġie biex tfittex teħles minnu ħalli toqgħod tilgħab.

Meta waslu t-testijiet tal-aħħar tas-sena, Donna ma studjatx. Ftit Ä¡imghat wara, l-għalliema tatha l-ktieb tar-riżultati, bħalma għamlet lil sħabha tal-klassi, u qaltilha biex tieħdu d-dar ħalli tarah u tiffirmah il-mamà matul il-weekend, u mbagħad terÄ¡a’ tagħtihulha t-Tnejn ta’ wara. 

Iżda dan il-ktieb baqa’ ma rritornax għand l-għalliema. Għalhekk din ċemplet lill-mamà ħalli tara kienx wasal għandha l-ktieb tar-riżultati ta’ Donna. Il-mamà weġbitha li ma kienet rat ebda ktieb. Quddiem l-għalliema, Donna qabdet tħokk rasha, u qalet li ma kinitx taf fejn hu. L-għalliema baqgħet imbellha. Tgħid fejn kien sparixxa l-ktieb?

Il-ktieb tar-riżultati nstab xi jiem wara fid-dustbin tal-klassi mill-fattiga tal-iskola li ħallietu fuq il-mejda tal-għalliema. Donna kienet remietu hemm, u għamlet tabirruħha li tilfitu. Ma riditx turih lill-mamà ma jmurx tagħmel xi għamla għaliha talli marret ħażin fit-testijiet. U jekk il-mamà kien ifettlilha tgħid b’kollox lin-nannu, min jaf kemm kien jirrabja magħha għax dejjem kien iridha tistudja biex tkun brava fis-suġġetti kollha!

L-għada filgħodu l-fattiga qalet lill-għalliema bis-sejba tal-ktieb fid-dustbin. L-għalliema riedet lil Donna tispjegalha għala kienet remietu. It-tifla bdiet tlaqlaq għax għalkemm kienet ittantat teħles minnu ħafif ħafif, kienet inqabdet. L-għalliema basret li kienet għamlet hekk ghax riedet tiżgiċċa mill-mamà. B’hekk reÄ¡għet Ä‹emplitilha biex tgħarrafha għaliex il-ktieb tar-riżultati ta’ bintha ma kienx wasal għandha. 

Dakinhar Donna qalgħet ċanfira doppja: waħda mingħand l-għalliema talli m’obdithiex meta qaltilha biex tieħu l-ktieb tar-riżultati magħha d-dar; u oħra mingħand il-mamà talli ħbiet minnha r-riżultati tat-testijiet. Donna talbithom jaħfrulha, u wegħdithom li qatt aktar ma terġa’ tagħmel dil-praspura. Ma nafx jekk emmnuhiex għax il-praspar Donna kienet tikolhom bil-ħobż.

Sojourner Truth (1777–1883)

Charles B. Spiteri

alt

Sojourner Truth twieldet fil-jasar. Meta nħelset ivvjaġġat u qasmet l-Istati Uniti, tipprietka l-libertà u l-ugwaljanza għan-nisa u l-poplu iswed.

Il-post li fih twieldet Sojourner kien razzett fl-istat ta’ New York, u ngħatat l-isem ta’ Isabella. Inbiegħet kemm-il darba, u qabel ma nħelset mill-jasar fl-1826 kienet iżżewġet lil skjav ieħor. Daħlet taħdem bħala seftura f’diversi djar tas-sinjuri fi New York. Uliedha wkoll kienu lsiera, u xtaqet immens li tarahom jingħataw il-libertà.

Fl-1843 qatgħetha li tivvjaġġa minn post għal ieħor, tipprietka. Ħadet l-isem ta’ Sojourner Truth għax ma riditx tibqa’ bl-isem li ngħatalha meta kienet ilsira. Kullimkien ippritkat li l-ilsiera kellhom jinħelsu, u ngħaqdet fi grupp li ried li tinqered l-iskjavitù u li emmen li n-nisa kienu qed ikunu trattati b’mod ħażin għall-aħħar. Meta aktar tard l-iskjavitù kienet abolita, Sojourner baqgħet f’Washington biex tgħin lill-iskjavi liberati jibdew jgħixu ħajja ġdida u biex tipprotesta kontra d-diskriminazzjoni razzjali li ppruvat iżżommhom stmati ħażin bħalma kienu miżmumin qabel.

Ħafna nies ma qablux ma’ Sojourner Truth. Qassis kien saħaq li jekk Alla kien tal-fehma li n-nisa jkunu ugwali għall-irġiel, kien jibgħat sinjal permezz ta’ Ġesù Kristu. Sojourner wieġbet li Kristu twieled minn Alla u minn mara, u li r-‘raġel’ ma kellu x’jaqsam xejn miegħu.

Peress li Sojourner Truth la kienet taf tikteb u lanqas taqra, irrakkuntat l-istorja tagħha lil ħabib biex in-nies ikunu jafu kemm kienet kerha l-ħajja ta’ lsira.

Sojourner Truth iltaqgħet mal-President Lincoln biex tinkoraġġih jiġġieled kontra l-istati tan-naħa t’isfel, fejn kien hemm ħafna lsiera. Talbitu wkoll biex iwaqqaf il-kummerċ tal-ilsiera.

Xewqa ta’ omm mitmuma sal-aħħar

altMeta fl-1944, Tony Clarke ħareÄ¡ mid-dar f’Kidderminster, biex jingħaqad mal-RAF, ommu, emozzjonata għall-aħħar qaltlu: “Nittama li nerÄ¡a’ narakom ilkoll lura d-dar.”
 
Kienet tabilħaqq xewqa ħerqana ta’ mara u omm li kienet rat lis-sitt uliedha jitilqu wara xulxin għall-gwerra.
 
U x-xewqa u t-talb tagħha kienu mismugħin, għax mhux talli reġgħu lura mingħajr ebda feriti, iżda talli ħamsa minnhom għadhom ħajjin minkejja li qabżu d-90 sena.
 
Huma jgħixu fil-kontea ta’ Worcestershire, ilkoll jirrakkuntaw il-ħrejjel tal-kunflitti li ltaqgħu magħhom fil-gwerra. Herbert, ta’ 99 sena u Tom ta’ 97 jgħixu f’Bewdley, Peter ta’ 95 jgħix f’Droitwich, Paul ta’ 92 f’Martin Hussingtee u Tony ta’ 90 sena fid-dar li kellhom f’Kidderminster. Ħuhom l-ieħor Ken, li serva f’Burma, miet fl-1982, l-aħwa jiltaqgħu spiss u dejjem jirrakkuntaw xi silta minn ħajjithom barra minn pajjiżhom.
 
Wieħed minnhom jiftakar li ltaqa’ mat-tifla tad-Dittatur Taljan Benito Mussolini,  ieħor kien mistieden tal-Maharajah fl-Indja u ħuhom ieħor kien milqugħ mill-Papa Piju VII fil-Vatikan.
 
Herbert kien l-ewwel wieħed li nkiteb, fl-1940. Serva bħala sewwieq sakemm ingħaqad mar-Royal Electrical and Mechanical Engineers (REME) biex jitħarreġ bħala mekkanik tar-radar.
 
Wara kien promoss u kellu taħtu 90 kanunier fl-Italja. Hu semma esperjenza li jiftakar sew, meta f’operazzjoni minnhom qabdu mijiet ta’ priÄ¡unieri Ä ermaniżi, fosthom subien imbikkija ta’ 17-il sena. Fl-Italja kien promoss għal assistent kaptan.
 
Missier ta’ sitt itfal u nannu ta’ tlieta, Herbert jirrakkonta li mhux darba u tnejn splodew bombi maÄ¡enbu, iżda qatt ma laqtuh, għalkemm jaf bi ħbieb li kellu li tqattgħu biċċiet. Fl-Italja, baqa’ għal sitt xhur wara li ntemmet il-gwerra, fejn ħadem bħala uffiÄ‹jal tal-ferrovija minn Bari għal Ruma – fejn iltaqa’ mal-Papa.
 
Tom ingħaqad mal-RAF u ntbagħat Singapore biex iservi bħala operatur tar-radju. Wara li ħa sehem f’missjonijiet speÄ‹jali fil-GreÄ‹ja, inqabad mit-Taljani f’dik li llum hi l-Montenegro u ttieħed priÄ¡unier tal-gwerra fil-kamp ta’ Tirana, fl-Albanija.
Fiż-żmien li għamel priÄ¡unier Tom kien ordnat jieħu sehem fi spezzjoni minn Edda Ciano, bint id-Dittatur Faxxist Mussolini. Meta nħeles u ntbagħat lura fil-Gran Brittanja, issejjaħ fir-Russja u kien mistieden mill-Marixxall Voroshilov – uffiÄ‹jal militari Sovjetiku magħruf – biex jattendi għall-parata militari tal-1 ta’ Mejju, fil-Pjazza l-Ħamra f’Moska. Jgħid li kien l-uniku wieħed li l-Marixxal ħadlu b’idu. Mal-avvanz tal-Ä ermaniżi kienu mÄ¡iegħla jirtiraw u, aktar tard, Tom ingħata medalja mill-Unjoni Sovjetika għas-servizz li wettaq.
 
Tony, l-iżgħar mill-aħwa, ingħaqad mal-RAF fl-1944 u ntbagħat l-Indja biex jgħin jorganizza t-tagħmir u l-ħażniet għat-truppi alleati li kienu qed jiġġieldu lill-Ä appuniżi f’Burma.
 
Wara li laħaq surÄ¡ent, hu u tliet suldati oħra ngħażlu biex jiltaqgħu mal-Maharajah ta’ Udaipur fil-palazz tiegħu f’Rajasthan. Aktar tard, il-post intuża għall-film Octopussy fil-film ta’ James Bond.
 
Peter serva bħala uffiċjal fl-Italja, waqt li Paul kien logutenent mar-REME, fl-Eġittu.
 
OriÄ¡inarjament kienu għaxart itfal, fosthom John Clarke li miet fis-snin sittin kaÄ¡un ta’ kumplikazzjonijiet ta’ mard rewmatiku, u tliet ħuthom bniet; it-tewmin Barbara u Hester li mietu, u ż-żgħira Rachel Hill li għadha ħajja u għandha aktar minn 80 sena.
 

Tiħux qatgħa! Skultura miz-zkuk u l-weraq

altĦafna residenti barranin ikunu kuntenti jekk bħalissa jaqtgħu l-ħaxix li jikbrilhom fil-ġnien, jew mad-dawra tad-dar tagħhom. Issib ukoll lil min, bil-paċenzja kollha jifforma nanu mill-ħaxix li jkollu. 
 
Iżda newrologu ma għamilx bħalhom u ma qabilx mal-idea li jneħħi l-ħaxix kollu. Tant li qatta’ 20 sena sħaħ jiskultura għamliet fantastiÄ‹i mill-ħaxix ‘ħażin’ li jikbirlu. Waħda minn dawn l-iskulturi taz-zkuk u weraq tifforma r-ras ta’ katavru. U issa, li riesaq il-halloween, dak li jkun, ma jridx jibża!
 
In-newrologu hu Jeremy Gibb, li joqgħod f’Welwyn Garden City, li din is-sena skolpa r-ras li semmejna u par idejn Ä¡ganteski, telgħin jiggranfaw lejn is-saqaf tad-dar, f’tul ta’ 15-il pied. Ir-ras li għamel, tinsab fuq quddiem tad-dar tiegħu, biex min iżuru, flok ma jingħata merħba mill-fjuri, jsib lilha tilqgħu. Ir-residenti tat-triq spiss jieqfu jammiraw id-disinji, fil-Ä¡enb tad-dar li tiswa 800,000, b’figuri oħra li wettaq, ta’ serje ta’ annimali id f’id.
 
Is-sengħa ta’ dawn id-disinji, tissejjaħ topiary u taf nienet sew matul is-seklu 18. Huma l-waħdiet li għadhom jagħrfuha u jħaddmuha. L-istess arti bdiet titħaddem mill-EÄ¡izzjani, fis-sena 4,000 qabel Kristu, meta bdew jiżbru b’mod pulit l-arbuxelli u jagħmluhom forma ta’ kaxxi. Imbagħad ir-Rumani introduÄ‹ew id-disinn fl-Ewropa wara li l-istess disinji ta’ kaxxi bdew isiru fid-djar kbar matul ir-renju tal-Imperatur Augustu fis-sena 100 qabel Kristu.
Â