Kollox b’risq il-barri

Nisa u rġiel nofshom għarwenin ħarġu fit-toroq u tefgħu fuqhom likwidu, taparsi demm, biex jipprotestaw kontra l-ġiri tal-barrin waqt il-festival ta’ Spanja.alt

L-Awstraljana Hannah Rose Bailey, kienet waħda mill-75 attivist favur id-drittijiet tal-annimali li pprotestat barra l-pjazza ewlenija f’Pamplona, ftit qabel ma fil-belt Spanjola ta’ San Fermin beda l-festival.

Din ix-xebba ta’ 22 sena kienet liebsa biss il-qalziet ta’ taħt u f’rasha qrun ta’ barri. Hi bdiet titfa’ fuqha t-taparsi demm bħala parti mid-dimostrazzjoni organizzata minn AnimaNaturalis u l-PETA.

Kien magħruf li madwar miljun persuna minn madwar id-dinja marru jsegwu dan il-festival ta’ ġimgħa, fejn ta’ kuljum il-barrin ħarġu fit-toroq jiġru wara n-nies.

Imbagħad filgħaxija kien hemm il-ġlied tat-toru.

Hannah sostniet li “it-tortura u l-qtil tal-annimali ma jista’ qatt ikun ġustifikat bħala varjetà.”Hu magħruf li kull sena jinqatlu 54 barri waqt dan il-festival.

L-irtokk aħmar max-xufftejn

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Għodwa waħda, in-nanna ta’ Donna marret tagħmel qadja importanti. Donna baqgħet id-dar man-nannu. Kif kienu waħidhom ghall-kwiet, in-nannu poġġa maġenbha fuq is-sufan, u qagħad jaqralha storja dwar il-prinċipessa s-sabiħa ta’ xagħarha twil u dehbi li kienet tħobb tiżbogħ xufftejha bl-irtokk aħmar ghall-ballijiet. Donna ħadet interess liema bħalu f’din l-istorja għax bdiet tistħajjilha l-prinċipessa billi hi wkoll kellha xagħarha kemmxejn safrani. In-nannu tgħidx kemm ħa gost biha meta raha daqshekk kwieta dakinhar. Ħaseb li forsi sa fl-aħħar kienet qed trabbi l-għaqal. Kemm kien sejjer żball!

Ħin minnhom, in-nannu kellu bżonn jillarga ftit biex imur sal-kamra tal-banju. Wissa lil Donna biex ma tqumx minn fuq is-sufan sakemm ma jkunx hemm hu. Xi kwarta wara, mar lura ħdejha, u hi qaltlu bi tbissima: “Ħellow, nannu.” Iżda xħin in-nannu ħares lejha biex ikellimha, baqa’ skantat. Donna kellha xufftejha miksijin b’xi ħaġa ħamra mill-ewwel ‘l hawn. In-nannu ma setax jifhem x’kien ġralha. Qabad iħokk rasu għax beda jinkwieta bis-serjeta’. Beża’ li setgħet qasmet xufftejha b’oġġett li jaqta’, u ħarġilha ħafna demm.

Kif ratu abjad karti bl-inkwiet, Donna infaqgħet tidħak f’wiċċu għax indunat li kien qiegħed jaħseb ħażin għalxejn. Meta staqsieha għalfejn kellha xufftejha ħomor nar, hija qaltlu li malli ratu dieħel fil-kamra tal-banju, marret tfittex l-istoċċ tal-“lipstick” tan-nanna fil-kexxun tal-komodina, u hekk kif ġie f’idejha dellket ftit “lipstick” ma’ xufftejha bħalma kienet tagħmel il-prinċipessa tal-istorja tan-nannu.

 Xħin sema’ x’kienet għamlet, in-nannu rrabja maghħa għax ma kinitx semgħet minnu, u qabbadha timsaħ xufftejha minnufih għax kienet aktar saret tixbah lill-buffu inkella lill-prinċipessa tal-istorja. Donna kellha tobdih għax beżgħet li jagħtiha xi kastig jekk ittellagħhomlu aktar.

Meta n-nanna waslet id-dar, in-nannu kellu jgħidilha b’kollox xħin sabet il-marki tal-“lipstick” fuq il-komodina. In-nanna mbagħad daħlet fil-kamra ta’ Donna ħalli turiha li kienet taf li marret tgerfxilha fil-kexxun tagħha. Iżda meta ħasset lin-nanna dieħla fejnha, Donna għalqet għajnejha, u għamlet tabirruħha li kienet rieqda ma jmurx ifettlilha tagħmel għaliha. Lil Donna kien jilħqilha moħħha iżjed milli kienet taħseb in-nanna. Mur għidilha kemm daħket waħidha xħin lemħitha ħierġa minn kamritha minn taħt il-għajn meta ħasbet li tassew kienet rieqda fil-fond!

Għajnuna lil-Librerija

SKEMA TA’ GĦAJNUNA LIL-LIBRERIJA TAL-ISKOLA TIEGĦEK

Din l-iskema maħsuba biex il-libreriji tal-iskejjel jew tal-klassijiet ikomplu jistagħnew b’għadd ta’ kotba kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż għall-istudenti li jħaddnu. BDL qed tħaddem din l-iskema b’għażla kbira ta’ kotba u logħob kemm għall-iskejjel tal-Primarja kif ukoll għal dawk tas-Sekondarja.

Benefiċċji tal-iskema

  • Għal kull ktieb jew logħba li l-istudenti jixtru f’din l-iskema, il-kumpanija BDL tagħti lura lill-iskola madwar nofs l-ammont tal-valur tal-ktieb f’forma ta’ voucher biex permezz tiegħu l-iskola tkun tista’ tixtri kotba li jkomplu jagħnu l-libreriji fl-iskejjel.
  • Kull student li jixtri xi ktieb jew logħba f’din l-iskema jingħata voucher ta’ 25% fil-mija biex jixtri kotba għalih innifsu għal-librerija personali tiegħu.
BDL Books - Voucher 25% Skont Skejjel

Xi rrid nagħmel biex inħaddem l-iskema fl-iskola tiegħi?

L-iskola tista’ tikkuntattja lil BDL billi tibgħat email fuq [email protected] sabiex jintbagħtulha l-fuljetti li jagħmlu parti minn din l-iskema biex jitqassmu lill-istudenti.

Kif taħdem l-iskema?

  1. Ngħaddulkom fuljetti stampati bl-informazzjoni tal-iskema u tal-ktieb abbinat magħha.
  2. Dawn il-fuljetti jitqassmu lill-istudenti.
  3. Jinġabru lura l-fuljetti bid-dettalji tal-istudenti u l-ħlas tal-ktieb.
  4. L-iskola tgħaddi l-ordni bit-total tal-kotba lil BDL.
  5. BDL jibgħat il-kotba ordnati lill-iskola biex jitqassmu lill-istudenti.
  6. L-iskola tirċievi wkoll il-voucher bl-ammont intitolat skont in-numru ta’ kotba ordnati.
  7. L-istudenti jingħataw voucher ta’ 25% mal-ktieb jew logħba li jordnaw li jista’ jissarraf mill-ħanut ta’ BDL, f’San Ġwann.

Eżempji

Jekk l-istudenti jordnaw 100 Dizzjunarju bil-Malti għat-Tfal, li jiswa €14.95, BDL jagħti lura lill-iskola voucher ta’ €800 biex tixtri kotba għal-libreriji tagħha kif ukoll 100 voucher ta’ 25% skont biex jitqassmu lill-istudenti mad-dizzjunarju li jkunu ordnaw.

Kampjuni tal-fuljetti

L-Ewwel Snin tal-Primarja

L-Aħħar Snin tal-Primarja

Is-suffara

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Xħin il-mamà u n-nanna raw dik is-suffara safra f’id Donna, wissewha biex ma tmurx issaffarha fejn in-nannu li kien rieqed raqda tajba billi kellu wġigħ ta’ ras taqsam u bela’ żewġ asperini. Ma riduhiex tagħmel l-iċken ħoss ma jmurx iqum u terġa’ tibda tuġgħu rasu. Donna taparsi xtaqet tobdihom, bħas-soltu, imma ma tantx kienet taf iżżomm il-wegħda tagħha.

Kif sabet ruħha waħidha, daħlet baxx baxx fuq pont subgħajha fil-kamra tas-sodda fejn kien hemm in-nannu rieqed wiċċu ‘l fuq qisu Bambin. Marret fejnu, poġġiet is-suffara f’ħalqha u bdiet issaffar b’kemm kellha saħħa. 

In-nannu qam maħsud u qabad jogħrok ras u jgħajjat: “Ajma rasi! Ajma x’uġigħ għandi!” Donna nfaqgħet tidħak għax kienet qajmitu minn dik ir-raqda. In-nannu baqa’ jgħajjat waħda f’waħda sakemm semgħuh il-mama` u n-nanna u telqu jiġru ħdejh. Sabu lil Donna bis-suffara f’ħalqha u b’wiċċha aħmar nar bid-daħk u lin-nannu jitkerrah u jokrob bl-uġigħ. Tant għamlu għal Donna bl-ikrah li marret torqod kmieni għax għamlet il-buri u ħbiet is-suffara taħt l-imħadda ħalli ma jeħodhielha ħadd. In-nannu kellu jieħu żewġ asperini oħra biex reġa’ raqad fil-fond.

Għadda l-ħin u n-nanna u l-mamà kienu qegħdin jaraw ftit televixin qabel jidħlu jorqdu. Biex żgur ma jagħmlux storbju minħabba n-nannu, ħallew il-volum tat-televixin baxx u lanqas qalu kelma li hi kelma bejniethom. F’salt wieħed kienu għoddhom qabżu pied minn fuq is-sufan meta semgħu tisfira qawwija daqs tar-referee waqt logħba futbol.

Mill-ewwel ħasbu ħażin f’dik ix-xifajk ta’ Donna u kellhom raġun. Ftit wara, marru jaraw minn fejn kien ġej dak it-tisfir u sabuha fil-kuritur bis-suffara f’ħalqha wara l-bieb tal-kamra tas-sodda tan-nanniet. Il-mamà dlonk ħatfitilha s-suffara qabel ma terġa’ ssaffar xi tisfira oħra u tisfratta lin-nannu mir-raqda. Baqgħet sejra tarmihielha fil-ġardina ħalli żgur ma ssibhiex. Donna tgħidx kemm bkiet għax ma kellhiex oħra ħliefha. Imma li ġara kien kollha ħtija tagħha għax hi kienet ħsiebha biss fiex toqgħod tinbex lin-nannu.  

Sue Ryder (1924–2000)

Charles B. Spiteri

BDL Books - Nisa Magħrufa

Sue Ryder (Lady Ryder of Warsaw) iddedikat ħajjitha tgħin nies diżabilitati, morda jew qed isofru.

Twieldet f’Yorkshire u tħarrġet bħala infermiera fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Imbagħad ingħaqdet f’ unit ta’ operazzjonijiet speċjali li kien jieħu ħsieb jikkoordina l-attivitajiet tar-Reżistenza fl-Ewropa okupata min-Nazi.

Sue kienet xhieda ta’ ħafna nies li batew matul il-gwerra. Miljuni mietu, ħafna tilfu djarhom, mardu u ma kellhomx flus. Wara l-gwerra, kienet involuta f’ħidma ta’ għajnuna fil-Polonja, fejn kienet taħdem mill-qrib ma’ tijm mediku.

Fl-1952-3 reġgħet lura l-Ingilterra: irreġistrat il-Fundazzjoni Sue Ryder bħala karità u fetħet dar f’Suffolk, għan-nies li baqgħu ħajjin wara l-orruri tal-kampijiet tal-konċentrament. Ma damitx ma estendiet id-dar tagħha biex tinkludi lill-poplu ta’ kull nazzjonalità, li kien fiżikament jew mentalment inkapaċitat.

Is-‘Sue Ryder Foundation’ twaqqfet biex issib u tilqa’ għas-sofferenzi umani u tagħmel xi ħaġa għalihom. Tipprova tgħin lil dawk fil-bżonn u tagħti mħabba lil dawk li mhumiex maħbubin, hi x’inhi l-età, ir-razza u t-twemmin tagħhom.

Illum hemm aktar minn 80 dar ta’ Sue Ryder f’partijiet differenti tad-dinja. Hemm ukoll ‘Mobile Medical Teams’. Parti mill-flus jidħlu min-numru ta’ ħwienet li għandha l-Fundazzjoni. In-nies joffru oġġetti għall-bejgħ b’risq il-Fundazzjoni Sue Ryder.

Il-qoxra tal-banana

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna kienet tħobbha ħafna l-banana għax minbarra li kellha togħma bnina, kienet tagħmlilha tajjeb għal saħħitha. B’hekk ħaditha drawwa taqbad waħda mill-fruttiera u tikolha kull meta jaqbadha l-ġuħ barra l-ħin tal-ikel. 

Kellha l-ħabta tieħu dil-frotta magħha fejn it-televixin biex tnaqqarha waqt li tkun qed tara l-programmi favoriti tagħha. Imbagħad meta tkun kilitha kollha, kienet twaddab il-qoxra tagħha mill-bogħod u timmiraha lejn id-dustbin. Dan kienet tagħmlu sforz l-għażż li kellha ħalli ma toqgħodx terġa’ tqum minn postha biex tarmiha.

Iżda darba waħda, il-qoxra tal-banana spiċċat fl-art f’nofs il-kċina minħabba li Donna ma rnexxilhiex timmiraha sewwa, bħas-soltu. Minflok ma qamet tiġborha u tarmiha, ħallietha hemm biex jarmiha xi ħadd ieħor li jinduna biha hu u dieħel fil-kċina. 

U miskin dak ix-xi ħadd li inzerta kien in-nannu! Il-qoxra tal-banana ma rahiex u għalhekk rifisha u ħadha għal dahru għax kienet tiżloq daqs is-sapun. Kemm għajjat bl-uġigħ hemm fl-art! Ma felaħx jerġa’ jqum waħdu fuq riġlejh. In-nanna u l-mama` għamlu minn kollox biex jgħinuh, imma ma setgħux iqajmuh mill-art. Kellhom isejħu lill-ġirien li, sa fl-aħħar, refgħuh u middewh fuq is-sufan. In-nannu tassew ħassu mdamdam bit-tisbita qawwija li ħa, għalhekk it-tabib qallu biex jistrieħ sew sakemm jgħaddilu u ordnalu jieħu xi pilloli u jidlek l-ingwent.

Dakinhar, Donna tgħallmet din il-lezzjoni: It-traskuraġni tista’ toħloq inċidenti gravi. Kienet, tabilħaqq, intebħet li kien kollu t-tort tagħha li weġġa’ n-nannu, għalkemm ma qalet b’xejn lil ħadd billi beżgħet li taqla’ xi għajta. Għalhekk, bdiet toqgħod attenta b’seba’ għajnejn ħalli ma tħallix xi qoxra oħra tal-banana mal-art ma jmurx jerġa’ jaqa’ xi ħadd fiha.

Il-homework ta’ Donna

Charmaine Tanti M.A.

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna kienet tagħmel il-homework dejjem man-nannu għax hu biss kellu l-paċenzja u kien jaf kif imur magħha. Kieku ma kienx għalih, ilhomework żgur li ma kienx isir għax Donna ma kinitx tħobb tagħmlu. In-nannu kien jinsisti li tagħti kas l-istudju bis-serjeta` biex la tikber taqbad karriera tajba. Iżda hi qajla kienet tagħti widen għal li jgħidilha. Qatt ma basret kemm kien qed jgħidilha għall-ġid tagħha!

Ġara li n-nannu kellu bżonn iqatta’ xi jiem l-isptar għax ħassu marid sew. Donna, issa, ma kellhiex ma’ min tagħmel il-homework. Ommha u nannitha bdew imorru jaraw lin-nannu kuljum u jħallu lil Donna mal-ġara xwejħa tagħhom. It-tifla ma kkonfondietx minħabba l-homework, u kienet tħallih fil-basket mingħajr ma mqar tipprova tagħmel xi ħaġa minnu.  Minflok, bdiet tgħaddi ħinha tara t-televixin mal-ġara sakemm filgħaxija kienu jiġu lura d-dar il-mamà u n-nanna mill-isptar meta mbagħad kienet tiekol xi ħaġa magħhom u wara tmur tinħasel u tidħol torqod.

Però, darba waħda, Donna ġiet daharha mal-ħajt xħin l-għalliema talbitha l-homework ta’ ġimgħa sħiħa biex tikkoreġih. Għall-ewwel ma kellmitha xejn taparsi ma semgħethiex, iżda meta l-għalliema baqgħet tistaqsiha għalih, Donna malajr ħaddmet rasha biex ma tinkisirx quddiem sħabha, u weġbitha: “Miss, il-homework mhux qiegħed hawn illum għax qam ma jiflaħx u kellu jibqa’ d-dar.” Il-klassi kollha nfaqgħet tidħak għax kulħadd kien jaf li l-homework mhuwiex tad-demm u l-laħam u li Donna qalet hekk biex iddaħħak. Anki l-għalliema bdiet titbissem u biex tkompli magħha, qaltilha: “Ara, miskin! Ma jiflaħx? Jaqaw qabdu xi riħ jew kiel xi ħaġa u għamlitlu d-deni? Qis li tgħidlu li l-Miss tixtieq ħafna tarah!” “Ok, Miss. Issa ngħidlu. Naħseb se ddum ma tarah għax ma jiflaħx sew”, reġgħet Donna mifqugħa bid-daħk.

L-għalliema ma kinitx ta’ subgħajha f’ħalqha u fis intebħet li Donna kienet waqqgħet għaċ-ċajt il-biċċa tal-homework ħalli tiffranka xi ċamata mingħandha. U kellha raġun biex tbiegħ! Aktar tard, il-mamà tagħha tkellmet magħha u tgħarrfitilha li l-homework ma kienx sar għax in-nannu mar l-isptar u ma kellhiex min jgħinha tagħmlu. Imbagħad, malli l-għalliema rrakkontatilha x’qaltilha Donna meta talbitulha, il-mamà ma waqfitx tidħak u marret tgħid b’kollox lin-nanniet. Għalkemm in-nannu ma ħax gost li t-tifla kienet marret l-iskola mingħajr il-homework, għoġbitu l-iskuża li ħarġet biha quddiem l-għalliema u tant daħak bil-qalb li għal ftit nesa l-mard u l-uġigħ kollu li kellu.

Susan Anthony (1820–1906)

Charles B. Spiteri

BDL Books - Nisa Magħrufa

Susan Anthony twieldet f’Massachusetts u tħarrġet bħala għalliema. Fl-1849, telqet il-professjoni li kellha biex tieħu ħsieb u tmexxi r-razzett tal-familja tagħha.

Niesha kienu Quakers u għalhekk ma kinitx ħaġa kbira li Susan bdiet titkellem kontra l-inġustizzja u l-iskjavitù u l-ħażen tas-sokor. Fl-1848, marret għall-ewwel konvenzjoni tad-drittijiet tan-nisa.

Erba’ snin wara, kienet irrabjata għall-aħħar meta mara ma tħallitx titkellem f’rally kontra l-alkoħol. Bir-rabja li tnisslet fiha, għaqqdet soċjetà ta’ rażan u tnaqqis tal-kliem għan-nisa biss. Minn hemm ’il quddiem, waqt li kompliet bil-kampanja tagħha kontra l-iskjavitù, tambret ukoll għad-drittijiet ugwali għan-nisa.

Susan bdiet tieħu ħsieb ta’ ġurnal, imsejjaħ Revolution, li saħaq li n-nisa kellu jkollhom l-istess drittijiet bħall-irġiel f’dak li hu tagħlim, fil-votazzjoni u fix-xogħol. Meta ma kellhiex aktar flus għall-ġurnal, bdiet iddur mal-pajjiż tagħti taħditiet u tiġbor il-fondi għalih.

Fl-1872, flimkien ma’ ħdax-il mara oħra ippruvaw jivvutaw fl-elezzjoni Presidenzjali. Susan tefgħet il-vot tagħha u sfat arrestata. Instabet ħatja u weħlet multa, iżda l-każ waqa’, anki għax hi rrifjutat li tħallas il-multa. Susan kompliet tikkampanja favur in-nisa sa ma mietet.

Fl-1870, il-15-il emenda tal-Kostituzzjoni Amerikana tat id-dritt tal-vot lill-irġiel suwed. Ħafna nies li kienu ġġieldu biex jabolixxu l-iskjavitù, bdew kampanja favur li n-nisa jivvutaw. Fl-Istati Uniti ngħataw id-dritt għall-vot fl-1920.

Kartunisti interpretaw lil Susan u lil ħbiebha n-nisa li kienu fis-soċjetà tagħha, bħala li qed jiġġieldu gwerra qaddisa kontra d-demonju tax-xorb.

Victoria (1819–1901)

altVictoria kienet Reġina tal-Brittanja meta din kienet l-aktar nazzjon b’saħħtu fid-dinja. L-Ingliżi ggvernaw artijiet mad-dinja kollha, b’mod li tawha imperu li fuqu “x-xemx ma niżlet qatt.”

Victoria saret Reġina meta kellha 18-il sena. Fl-1840, iżżewġet lil kuġinuha, Albert, li kienet tħobb b’imħabba tal-ġenn u li minnu kellha disa’ ulied. Hi kienet toqgħod fuq żewġha għall-għajnuna u l-pariri. F’dawk iż-żminijiet fil-Brittanja kien qed isir tibdil kbir u Albert kien entużjast għat-teknoloġija l-ġdida kollha u għall-kummerċ. Inbnew il-fabbriki tat-tajjar u tal-azzar u f’temp qasir l-irħula nbidlu fi bliet.

Il-Brittanja kienet l-ewwel pajjiż li timmanifattura kwantitajiet ta’ prodotti bi prezz irħis. Il-materji prima kienu jitwasslu mill-pajjiżi taħt idejn l-imperu u b’hekk il-Brittanja saret sinjura u b’saħħitha.

Bl-inkoraġġiment ta’ Albert, fl-1851 saret l-Esibizzjoni l-Kbira f’Hyde Park, Londra. Għall-okkażjoni nbena padiljun enormi tal-ħġieġ, imsejjaħ il-Crystal Palace, u miljuni ta’ nies żaru l-esibizzjoni biex jaraw il-makni u l-invenzjonijiet ġodda.

L-iktar viżitatur importanti kienet Victoria nnifisha. Għaxar snin wara l-Esibizzjoni l-Kbira, Albert miet. Victoria waqgħet f’diqa kbira u għal snin sħaħ għexet għaliha weħidha. Il-popolarità tagħha niżlet, iżda sa tmiem ħajjitha reġgħet kisbitha. Meta mietet, l-imperu kollu sogħbbih għall-waqfien ta’ era qawwija.

Victoria nsistiet għall-manjieri tajba fost il-familja tagħha u n-nies madwarha. Jum minnhom, binha Bertie wasal tard għaċ-ċena. Qabel ma skuża ruħu, staħba wara kolonna bl-għaraq ixoqq għalih. Hi tatu ħarsa qasira u hu ħarab wara kolonna oħra fejn baqa’ sa tmiem l-ikla. Ta’ min isemmi li dak iż-żmien Bertie ma kienx tifel ċkejken. Kellu 50 sena!

Publication submissions guidelines

English

Please follow these guidelines if you wish to submit your manuscript for consideration for publication. We consider submissions of novels, short stories, Melitensia, children’s books, dictionaries, academic books, textbooks, and workbooks.

  • Submit a synopsis of the manuscript/work you wish to publish along with its first three chapters. For publications of less than 40,000 words, we require the entire manuscript. This also applies to children’s books that include illustrations or photographs.
  • Please allow us between 3 to 5 months from the time you submit your work to review and evaluate it. We will then contact you with our decision. You can send your work to the editor at this email address: [email protected] You can also send a printed copy to this address: Book Distributors Limited, 13, Giorgio Preca Street, San Ġwann. (Please note that printed copies will not be returned.)
  • Please include a comment about the significance and educational, cultural, academic, or literary value of your work for consideration for publication.
  • The entire publication process (book design, typesetting, cover design, etc.) is done in consultation with the author, although the final decision rests with the publisher.
  • All submissions will be treated with the utmost confidentiality.

We also offer typesetting, design, and proofreading services for those who wish to self-publish.

Maltese

Jekk jogħġbok, segwi dawn il-linji gwida jekk tixtieq tissottometti l-manuskritt tiegħek sabiex jiġi kkunsidrat għall-pubblikazzjoni. Pubblikazzjonijiet li jistgħu jiġu sottomessi jinkludu rumanzi, novelli, Melitensia, kotba għat-tfal, dizzjunarji, kotba akkademiċi, textbooks u workbooks. 

  • Ibagħtu sinossi tal-manuskritt/xogħol li tixtieq tippubblika flimkien mal-ewwel tliet kapitli tiegħu. F’każ ta’ pubblikazzjoni ta’ inqas minn 40,000 kelma nkunu neħtieġu l-manuskritt kollu. Dan japplika wkoll għal kotba tat-tfal li jinkludu illustrazzjonijiet jew ritratti.
  • Nitolbukom tagħtuna bejn 3 u 5 xhur miż-żmien li tissottomettu x-xogħol tagħkom sabiex ngħarbluh u nevalwawh u nkellmukom lura.   
  • Ix-xogħlijiet għandhom jintbagħtu lill-editur fuq dan l-indirizz – [email protected]
    Tistgħu wkoll tgħaddulna kopja stampata f’dan l-indirizz –
    Book Distributors Limited, 13, Giorgio Preca Street, San Ġwann.
    (kopji stampati li nirċievu ma jingħatawx lura)
  • Nitolbukom tibagħtulna wkoll kumment dwar is-siwi u l-valur edukattiv, kulturali, akkademiku jew lettarju ta’ dan ix-xogħol sabiex jiġi kkunsidrat għall-pubblikazzjoni. 
  • Il-proċess kollu tal-pubblikazzjoni, (disinn tal-ktieb, typesetting, disinn tal-qoxra, u l-bqija), isir b’konsultazzjoni mal-awtur għalkemm id-deċiżjoni finali tkun tal-pubblikatur.  
  • Is-sottomissjonijiet kollha jkunu trattati bl-akbar kunfidenzjalità.

Noffru wkoll servizzi ta’ typesetting (issettjar ta’ kotba), design (iddisinjar), qari tal-provi, għal min ikun irid jagħmel pubblikazzjoni tiegħu.