Il-Lhudi li stagħna minn fuq il-Ġermaniżi

Charles B. Spiteri

Lhudi li kien ‘meħtieġ ferm fil-gwerra tan-Nażi’ hu riferut bħala l-ikbar ħalliel fi żmien il-gwerra fl-Ewropa.

Michel Szkolnikoff innegozja bċejjeċ tal-arti u ġojjellerija misruqa minn Franza, u għamel fortuna għalih u għan-Nażisti.

Szkolnikoff ħarab mill-ġenoċidju u għamel fortuna li tiswa sitt biljun Frank Franċiż fl-1945 (491 miljun ewro) fil-flus tal-lum u miet misterjożament fi tmiem il-gwerra, għalkemm numru ta’ nies jemmnu li ħarab lejn l-Amerika t’Isfel.

alt

Il-ġurnalist Franċiż u storiku Pierre Abramovici kiteb ktieb fuq Szolnikoff, fejn jispjega kif irnexxielu jaħrab id-destin li mess lil miljuni ta’ Lhud oħra u wettaq għalih innifsu ħajja ta’ lussu.

Abramovici qal: “In-Nażi ħtieġu l-ispeċjalisti; Lhud u mhumiex. Il-qagħda ta’ Szkolnikoff kienet komplessa. Hu tqies bħala Lhudi mill-Franċiżi u Arjan min-Nażi. Kien arrestat darbtejn mill-Franċiżi u kull darba meħlus min-Nażi.”

L-Ambaxxata Amerikana f’Madrid enfasizzat li Szkolnikoff kien ħalliel ewlieni tax-xogħlijiet tal-arti.

Rapport kunfidenzjali, datat Awwissu 1944 jgħid li Szkolnikoff seraq ukoll ġojjelli, deheb u ħaġar prezzjuż minn Franza “għan-nom tal-Gestapo.”

Szolnikoff twieled fl-1895 fir-Russja Tzarista, iżda ħarab wara r-rivoluzzjoni u sar ċittadin Ġermaniż, qabel ma mar fi Franza fls-snin tletin.

Biex jaħbi l-oriġini Lhud tiegħu, l-ewwel ma għamel bidel ismu għal Michel u beda jinnegozja fit-tessuti, li kien ibigħ fi ħwienet kbar f’Pariġi.

Kien għadu jiġġieled mal-ħajja hekk kif faqqgħet il-gwerra, iżda ma damx ma għamel il-fortuna tiegħu bil-ħjata tal-uniformijiet militari għall-Armata Ġermaniża, in-Navy u wkoll l-SS.

Abramovici jikteb: “Kien raġel fqir qabel il-gwerra, iżda mbaħad iltaqa’ mas-sieħba tiegħu, mara Ġermaniża bl-isem ta’ Helene Samson, li introduċietu lill-membri tan-Navy Ġermaniża u lill-SS.

“Dan ir-raġel, neguzjant tat-tessuti ma kellux reliġjon, ideali politiċi u morali. Ried biss jagħmel il-flus u fi tliet snin sar l-iktar raġel sinjur fi Franza.

“Eventwalment, kellu parti ewlenija mil-lukandi lussużi fi Franza u f’Monaco u tużżani ta’ bini jiswa l-flus fiċ-ċentru ta’ Pariġi, madwar Champs Elysées, kastell u proprjetajiet oħra.”

Wara l-mewt ta’ Hilter u ċ-ċediment tal-Ġermaniżi f’Mejju 1945, in-Nażi prominenti ħarbu u dawk li kkollaboraw magħhom fi Franza, bdew ikunu mfittxija.

Szolnikoff ħarab lejn Spanja, immexxija mid-dittatur faxxist Franco, iżda milli jidher miet barra Madrid f’ Ġunju tal-1945.

Il-katavru tiegħu ntrema fil-kampanja u sar attentat biex jinstab u jinħaraq. Il-fehma ta’ Abramovici hi li grupp ta’ Franċiżi kkaċċjawh u qatluh kiesaħ u biered.

Iżda hemm min isostni li l-mewt ta’ Szkolnikoff kienet gidba, u li jista’ jkun ħarab lejn l-Arġentina fejn aktarx kellu kont bankarju.

Meta ntemmet il-gwerra kien hemm battalja legali kbira fuq il-wirt li kellu Szkolnikoff. Din damet sejra s-snin.

Il-qattus idoqq il-pjanu

alt

Darba waħda, Donna u n-nannu reġgħu spiċċaw waħidhom id-dar. In-nannu qagħad jara t-televixin sakemm sar il-ħin għall-ikel. Donna filli kienet ħdejh u filli għebet. Tgħid x’kienet qiegħda tpaspar minn wara dahru!

In-nannu kienet għoddha marret għajnu bih meta f’daqqa u l-ħin lemaħha mill-ġdid maġenbu fil-kċina. Staqsieha fejn kienet u hi weġbitu li marret tilgħab ftit mal-qattus. In-nannu ried ikun jaf fejn kien il-qattus u t-tifla ħarrfitlu li kienet ħarġitu fil-bitħa interna qabel marret lura fil-kċina. In-nannu bħal donnu emminha u ma kellimha xejn.

Hekk kif Donna poġġiet fuq is-sufan, riedet taqleb l-istazzjon biex tara l-programm favorit tagħha. In-nannu kkuntentieha ħalli xejn xejn ikollha fiex tedha u tħallih kwiet. It-tifla qattgħet l-isbaħ siegħa b’għajnejha mwaħħlin mat-televixin. Sadanittant, in-nannu ħa nagħsa.

F’salt wieħed, beda jinstema’ d-daqq tal-pjanu li beda jdamdam kullimkien. Fis-salott suppost ma kien hemm ħadd, imma l-pjanu żgur li ma kienx idoqq waħdu. In-nannu qam maħsud u serraħ rasu xħin sab lil Donna għadha bilqiegħda ħdejh, għax għall-mument kien ħaseb li marret iddoqq il-pjanu waqt li kien rieqed.

Iżda Donna qisha kienet taf min kien qiegħed idoqq dawk in-noti bil-goff. Bdiet tidħak kemm kellha saħħa u tgħid lin-nannu li fis-salott kien hemm fatat idoqq il-pjanu. In-nannu ma felaħx jissaporti iżjed. “X’fatat hu? Ta’ zitek?” weġibha, filwaqt li ta ġirja lejn is-salott biex jara x’kien ġara.

In-nannu stagħġeb mhux ftit b’dak li ra quddiem għajnejh malli daħal fis-salott. Sab lill-qattus miexi fuq il-pjanu. Tatu rasu u mar ineħħih minn hemm. Dlonk intebaħ li din kienet xi praspura oħra minn ta’ Donna. Ma kienx ħaseb ħażin, tafux.

Donna kienet tellgħet lill-qattus fuq il-pjanu biex joqgħod jimxi fuqu u jdoqqu. Għamlet hekk meta llargat minn fejn in-nannu aktar kmieni, għax qatt ma kien iħalliha mqar tmissu ma jmurx tiskordah. Tal-inqas issa setgħet tisimgħu jdoqq xorta waħda bis-saħħa tal-qattus.

In-nannu ma tantx kellu aptit id-daħk. Il-pjanu kien ġralu l-ħsara u kellu jonfoq il-flus bla ħsieb biex jirranġah. Imma lil Donna kienet għoġbitha din il-biċċa tal-qattus jimxi fuq il-pjanu u tgħidx kemm kienet tidħak bil-qalb meta tiftakar fiha. Minn dakinhar `l hemm, in-nannu ħadha drawwa jsus wara Donna kull darba li jinzertaw waħidhom id-dar ħalli ma tazzardax tagħmel xi straġi oħra.

Kollox b’risq il-barri

Nisa u rġiel nofshom għarwenin ħarġu fit-toroq u tefgħu fuqhom likwidu, taparsi demm, biex jipprotestaw kontra l-ġiri tal-barrin waqt il-festival ta’ Spanja.alt

L-Awstraljana Hannah Rose Bailey, kienet waħda mill-75 attivist favur id-drittijiet tal-annimali li pprotestat barra l-pjazza ewlenija f’Pamplona, ftit qabel ma fil-belt Spanjola ta’ San Fermin beda l-festival.

Din ix-xebba ta’ 22 sena kienet liebsa biss il-qalziet ta’ taħt u f’rasha qrun ta’ barri. Hi bdiet titfa’ fuqha t-taparsi demm bħala parti mid-dimostrazzjoni organizzata minn AnimaNaturalis u l-PETA.

Kien magħruf li madwar miljun persuna minn madwar id-dinja marru jsegwu dan il-festival ta’ ġimgħa, fejn ta’ kuljum il-barrin ħarġu fit-toroq jiġru wara n-nies.

Imbagħad filgħaxija kien hemm il-ġlied tat-toru.

Hannah sostniet li “it-tortura u l-qtil tal-annimali ma jista’ qatt ikun ġustifikat bħala varjetà.”Hu magħruf li kull sena jinqatlu 54 barri waqt dan il-festival.

Tiħux qatgħa! Skultura miz-zkuk u l-weraq

altĦafna residenti barranin ikunu kuntenti jekk bħalissa jaqtgħu l-ħaxix li jikbrilhom fil-ġnien, jew mad-dawra tad-dar tagħhom. Issib ukoll lil min, bil-paċenzja kollha jifforma nanu mill-ħaxix li jkollu. 
 
Iżda newrologu ma għamilx bħalhom u ma qabilx mal-idea li jneħħi l-ħaxix kollu. Tant li qatta’ 20 sena sħaħ jiskultura għamliet fantastiċi mill-ħaxix ‘ħażin’ li jikbirlu. Waħda minn dawn l-iskulturi taz-zkuk u weraq tifforma r-ras ta’ katavru. U issa, li riesaq il-halloween, dak li jkun, ma jridx jibża!
 
In-newrologu hu Jeremy Gibb, li joqgħod f’Welwyn Garden City, li din is-sena skolpa r-ras li semmejna u par idejn ġganteski, telgħin jiggranfaw lejn is-saqaf tad-dar, f’tul ta’ 15-il pied. Ir-ras li għamel, tinsab fuq quddiem tad-dar tiegħu, biex min iżuru, flok ma jingħata merħba mill-fjuri, jsib lilha tilqgħu. Ir-residenti tat-triq spiss jieqfu jammiraw id-disinji, fil-ġenb tad-dar li tiswa 800,000, b’figuri oħra li wettaq, ta’ serje ta’ annimali id f’id.
 
Is-sengħa ta’ dawn id-disinji, tissejjaħ topiary u taf nienet sew matul is-seklu 18. Huma l-waħdiet li għadhom jagħrfuha u jħaddmuha. L-istess arti bdiet titħaddem mill-Eġizzjani, fis-sena 4,000 qabel Kristu, meta bdew jiżbru b’mod pulit l-arbuxelli u jagħmluhom forma ta’ kaxxi. Imbagħad ir-Rumani introduċew id-disinn fl-Ewropa wara li l-istess disinji ta’ kaxxi bdew isiru fid-djar kbar matul ir-renju tal-Imperatur Augustu fis-sena 100 qabel Kristu.
 

Is-suffara

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Xħin il-mamà u n-nanna raw dik is-suffara safra f’id Donna, wissewha biex ma tmurx issaffarha fejn in-nannu li kien rieqed raqda tajba billi kellu wġigħ ta’ ras taqsam u bela’ żewġ asperini. Ma riduhiex tagħmel l-iċken ħoss ma jmurx iqum u terġa’ tibda tuġgħu rasu. Donna taparsi xtaqet tobdihom, bħas-soltu, imma ma tantx kienet taf iżżomm il-wegħda tagħha.

Kif sabet ruħha waħidha, daħlet baxx baxx fuq pont subgħajha fil-kamra tas-sodda fejn kien hemm in-nannu rieqed wiċċu ‘l fuq qisu Bambin. Marret fejnu, poġġiet is-suffara f’ħalqha u bdiet issaffar b’kemm kellha saħħa. 

In-nannu qam maħsud u qabad jogħrok ras u jgħajjat: “Ajma rasi! Ajma x’uġigħ għandi!” Donna nfaqgħet tidħak għax kienet qajmitu minn dik ir-raqda. In-nannu baqa’ jgħajjat waħda f’waħda sakemm semgħuh il-mama` u n-nanna u telqu jiġru ħdejh. Sabu lil Donna bis-suffara f’ħalqha u b’wiċċha aħmar nar bid-daħk u lin-nannu jitkerrah u jokrob bl-uġigħ. Tant għamlu għal Donna bl-ikrah li marret torqod kmieni għax għamlet il-buri u ħbiet is-suffara taħt l-imħadda ħalli ma jeħodhielha ħadd. In-nannu kellu jieħu żewġ asperini oħra biex reġa’ raqad fil-fond.

Għadda l-ħin u n-nanna u l-mamà kienu qegħdin jaraw ftit televixin qabel jidħlu jorqdu. Biex żgur ma jagħmlux storbju minħabba n-nannu, ħallew il-volum tat-televixin baxx u lanqas qalu kelma li hi kelma bejniethom. F’salt wieħed kienu għoddhom qabżu pied minn fuq is-sufan meta semgħu tisfira qawwija daqs tar-referee waqt logħba futbol.

Mill-ewwel ħasbu ħażin f’dik ix-xifajk ta’ Donna u kellhom raġun. Ftit wara, marru jaraw minn fejn kien ġej dak it-tisfir u sabuha fil-kuritur bis-suffara f’ħalqha wara l-bieb tal-kamra tas-sodda tan-nanniet. Il-mamà dlonk ħatfitilha s-suffara qabel ma terġa’ ssaffar xi tisfira oħra u tisfratta lin-nannu mir-raqda. Baqgħet sejra tarmihielha fil-ġardina ħalli żgur ma ssibhiex. Donna tgħidx kemm bkiet għax ma kellhiex oħra ħliefha. Imma li ġara kien kollha ħtija tagħha għax hi kienet ħsiebha biss fiex toqgħod tinbex lin-nannu.  

Sue Ryder (1924–2000)

Charles B. Spiteri

BDL Books - Nisa Magħrufa

Sue Ryder (Lady Ryder of Warsaw) iddedikat ħajjitha tgħin nies diżabilitati, morda jew qed isofru.

Twieldet f’Yorkshire u tħarrġet bħala infermiera fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Imbagħad ingħaqdet f’ unit ta’ operazzjonijiet speċjali li kien jieħu ħsieb jikkoordina l-attivitajiet tar-Reżistenza fl-Ewropa okupata min-Nazi.

Sue kienet xhieda ta’ ħafna nies li batew matul il-gwerra. Miljuni mietu, ħafna tilfu djarhom, mardu u ma kellhomx flus. Wara l-gwerra, kienet involuta f’ħidma ta’ għajnuna fil-Polonja, fejn kienet taħdem mill-qrib ma’ tijm mediku.

Fl-1952-3 reġgħet lura l-Ingilterra: irreġistrat il-Fundazzjoni Sue Ryder bħala karità u fetħet dar f’Suffolk, għan-nies li baqgħu ħajjin wara l-orruri tal-kampijiet tal-konċentrament. Ma damitx ma estendiet id-dar tagħha biex tinkludi lill-poplu ta’ kull nazzjonalità, li kien fiżikament jew mentalment inkapaċitat.

Is-‘Sue Ryder Foundation’ twaqqfet biex issib u tilqa’ għas-sofferenzi umani u tagħmel xi ħaġa għalihom. Tipprova tgħin lil dawk fil-bżonn u tagħti mħabba lil dawk li mhumiex maħbubin, hi x’inhi l-età, ir-razza u t-twemmin tagħhom.

Illum hemm aktar minn 80 dar ta’ Sue Ryder f’partijiet differenti tad-dinja. Hemm ukoll ‘Mobile Medical Teams’. Parti mill-flus jidħlu min-numru ta’ ħwienet li għandha l-Fundazzjoni. In-nies joffru oġġetti għall-bejgħ b’risq il-Fundazzjoni Sue Ryder.

Il-qoxra tal-banana

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna kienet tħobbha ħafna l-banana għax minbarra li kellha togħma bnina, kienet tagħmlilha tajjeb għal saħħitha. B’hekk ħaditha drawwa taqbad waħda mill-fruttiera u tikolha kull meta jaqbadha l-ġuħ barra l-ħin tal-ikel. 

Kellha l-ħabta tieħu dil-frotta magħha fejn it-televixin biex tnaqqarha waqt li tkun qed tara l-programmi favoriti tagħha. Imbagħad meta tkun kilitha kollha, kienet twaddab il-qoxra tagħha mill-bogħod u timmiraha lejn id-dustbin. Dan kienet tagħmlu sforz l-għażż li kellha ħalli ma toqgħodx terġa’ tqum minn postha biex tarmiha.

Iżda darba waħda, il-qoxra tal-banana spiċċat fl-art f’nofs il-kċina minħabba li Donna ma rnexxilhiex timmiraha sewwa, bħas-soltu. Minflok ma qamet tiġborha u tarmiha, ħallietha hemm biex jarmiha xi ħadd ieħor li jinduna biha hu u dieħel fil-kċina. 

U miskin dak ix-xi ħadd li inzerta kien in-nannu! Il-qoxra tal-banana ma rahiex u għalhekk rifisha u ħadha għal dahru għax kienet tiżloq daqs is-sapun. Kemm għajjat bl-uġigħ hemm fl-art! Ma felaħx jerġa’ jqum waħdu fuq riġlejh. In-nanna u l-mama` għamlu minn kollox biex jgħinuh, imma ma setgħux iqajmuh mill-art. Kellhom isejħu lill-ġirien li, sa fl-aħħar, refgħuh u middewh fuq is-sufan. In-nannu tassew ħassu mdamdam bit-tisbita qawwija li ħa, għalhekk it-tabib qallu biex jistrieħ sew sakemm jgħaddilu u ordnalu jieħu xi pilloli u jidlek l-ingwent.

Dakinhar, Donna tgħallmet din il-lezzjoni: It-traskuraġni tista’ toħloq inċidenti gravi. Kienet, tabilħaqq, intebħet li kien kollu t-tort tagħha li weġġa’ n-nannu, għalkemm ma qalet b’xejn lil ħadd billi beżgħet li taqla’ xi għajta. Għalhekk, bdiet toqgħod attenta b’seba’ għajnejn ħalli ma tħallix xi qoxra oħra tal-banana mal-art ma jmurx jerġa’ jaqa’ xi ħadd fiha.

Il-homework ta’ Donna

Charmaine Tanti M.A.

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna kienet tagħmel il-homework dejjem man-nannu għax hu biss kellu l-paċenzja u kien jaf kif imur magħha. Kieku ma kienx għalih, ilhomework żgur li ma kienx isir għax Donna ma kinitx tħobb tagħmlu. In-nannu kien jinsisti li tagħti kas l-istudju bis-serjeta` biex la tikber taqbad karriera tajba. Iżda hi qajla kienet tagħti widen għal li jgħidilha. Qatt ma basret kemm kien qed jgħidilha għall-ġid tagħha!

Ġara li n-nannu kellu bżonn iqatta’ xi jiem l-isptar għax ħassu marid sew. Donna, issa, ma kellhiex ma’ min tagħmel il-homework. Ommha u nannitha bdew imorru jaraw lin-nannu kuljum u jħallu lil Donna mal-ġara xwejħa tagħhom. It-tifla ma kkonfondietx minħabba l-homework, u kienet tħallih fil-basket mingħajr ma mqar tipprova tagħmel xi ħaġa minnu.  Minflok, bdiet tgħaddi ħinha tara t-televixin mal-ġara sakemm filgħaxija kienu jiġu lura d-dar il-mamà u n-nanna mill-isptar meta mbagħad kienet tiekol xi ħaġa magħhom u wara tmur tinħasel u tidħol torqod.

Però, darba waħda, Donna ġiet daharha mal-ħajt xħin l-għalliema talbitha l-homework ta’ ġimgħa sħiħa biex tikkoreġih. Għall-ewwel ma kellmitha xejn taparsi ma semgħethiex, iżda meta l-għalliema baqgħet tistaqsiha għalih, Donna malajr ħaddmet rasha biex ma tinkisirx quddiem sħabha, u weġbitha: “Miss, il-homework mhux qiegħed hawn illum għax qam ma jiflaħx u kellu jibqa’ d-dar.” Il-klassi kollha nfaqgħet tidħak għax kulħadd kien jaf li l-homework mhuwiex tad-demm u l-laħam u li Donna qalet hekk biex iddaħħak. Anki l-għalliema bdiet titbissem u biex tkompli magħha, qaltilha: “Ara, miskin! Ma jiflaħx? Jaqaw qabdu xi riħ jew kiel xi ħaġa u għamlitlu d-deni? Qis li tgħidlu li l-Miss tixtieq ħafna tarah!” “Ok, Miss. Issa ngħidlu. Naħseb se ddum ma tarah għax ma jiflaħx sew”, reġgħet Donna mifqugħa bid-daħk.

L-għalliema ma kinitx ta’ subgħajha f’ħalqha u fis intebħet li Donna kienet waqqgħet għaċ-ċajt il-biċċa tal-homework ħalli tiffranka xi ċamata mingħandha. U kellha raġun biex tbiegħ! Aktar tard, il-mamà tagħha tkellmet magħha u tgħarrfitilha li l-homework ma kienx sar għax in-nannu mar l-isptar u ma kellhiex min jgħinha tagħmlu. Imbagħad, malli l-għalliema rrakkontatilha x’qaltilha Donna meta talbitulha, il-mamà ma waqfitx tidħak u marret tgħid b’kollox lin-nanniet. Għalkemm in-nannu ma ħax gost li t-tifla kienet marret l-iskola mingħajr il-homework, għoġbitu l-iskuża li ħarġet biha quddiem l-għalliema u tant daħak bil-qalb li għal ftit nesa l-mard u l-uġigħ kollu li kellu.

Susan Anthony (1820–1906)

Charles B. Spiteri

BDL Books - Nisa Magħrufa

Susan Anthony twieldet f’Massachusetts u tħarrġet bħala għalliema. Fl-1849, telqet il-professjoni li kellha biex tieħu ħsieb u tmexxi r-razzett tal-familja tagħha.

Niesha kienu Quakers u għalhekk ma kinitx ħaġa kbira li Susan bdiet titkellem kontra l-inġustizzja u l-iskjavitù u l-ħażen tas-sokor. Fl-1848, marret għall-ewwel konvenzjoni tad-drittijiet tan-nisa.

Erba’ snin wara, kienet irrabjata għall-aħħar meta mara ma tħallitx titkellem f’rally kontra l-alkoħol. Bir-rabja li tnisslet fiha, għaqqdet soċjetà ta’ rażan u tnaqqis tal-kliem għan-nisa biss. Minn hemm ’il quddiem, waqt li kompliet bil-kampanja tagħha kontra l-iskjavitù, tambret ukoll għad-drittijiet ugwali għan-nisa.

Susan bdiet tieħu ħsieb ta’ ġurnal, imsejjaħ Revolution, li saħaq li n-nisa kellu jkollhom l-istess drittijiet bħall-irġiel f’dak li hu tagħlim, fil-votazzjoni u fix-xogħol. Meta ma kellhiex aktar flus għall-ġurnal, bdiet iddur mal-pajjiż tagħti taħditiet u tiġbor il-fondi għalih.

Fl-1872, flimkien ma’ ħdax-il mara oħra ippruvaw jivvutaw fl-elezzjoni Presidenzjali. Susan tefgħet il-vot tagħha u sfat arrestata. Instabet ħatja u weħlet multa, iżda l-każ waqa’, anki għax hi rrifjutat li tħallas il-multa. Susan kompliet tikkampanja favur in-nisa sa ma mietet.

Fl-1870, il-15-il emenda tal-Kostituzzjoni Amerikana tat id-dritt tal-vot lill-irġiel suwed. Ħafna nies li kienu ġġieldu biex jabolixxu l-iskjavitù, bdew kampanja favur li n-nisa jivvutaw. Fl-Istati Uniti ngħataw id-dritt għall-vot fl-1920.

Kartunisti interpretaw lil Susan u lil ħbiebha n-nisa li kienu fis-soċjetà tagħha, bħala li qed jiġġieldu gwerra qaddisa kontra d-demonju tax-xorb.

Victoria (1819–1901)

altVictoria kienet Reġina tal-Brittanja meta din kienet l-aktar nazzjon b’saħħtu fid-dinja. L-Ingliżi ggvernaw artijiet mad-dinja kollha, b’mod li tawha imperu li fuqu “x-xemx ma niżlet qatt.”

Victoria saret Reġina meta kellha 18-il sena. Fl-1840, iżżewġet lil kuġinuha, Albert, li kienet tħobb b’imħabba tal-ġenn u li minnu kellha disa’ ulied. Hi kienet toqgħod fuq żewġha għall-għajnuna u l-pariri. F’dawk iż-żminijiet fil-Brittanja kien qed isir tibdil kbir u Albert kien entużjast għat-teknoloġija l-ġdida kollha u għall-kummerċ. Inbnew il-fabbriki tat-tajjar u tal-azzar u f’temp qasir l-irħula nbidlu fi bliet.

Il-Brittanja kienet l-ewwel pajjiż li timmanifattura kwantitajiet ta’ prodotti bi prezz irħis. Il-materji prima kienu jitwasslu mill-pajjiżi taħt idejn l-imperu u b’hekk il-Brittanja saret sinjura u b’saħħitha.

Bl-inkoraġġiment ta’ Albert, fl-1851 saret l-Esibizzjoni l-Kbira f’Hyde Park, Londra. Għall-okkażjoni nbena padiljun enormi tal-ħġieġ, imsejjaħ il-Crystal Palace, u miljuni ta’ nies żaru l-esibizzjoni biex jaraw il-makni u l-invenzjonijiet ġodda.

L-iktar viżitatur importanti kienet Victoria nnifisha. Għaxar snin wara l-Esibizzjoni l-Kbira, Albert miet. Victoria waqgħet f’diqa kbira u għal snin sħaħ għexet għaliha weħidha. Il-popolarità tagħha niżlet, iżda sa tmiem ħajjitha reġgħet kisbitha. Meta mietet, l-imperu kollu sogħbbih għall-waqfien ta’ era qawwija.

Victoria nsistiet għall-manjieri tajba fost il-familja tagħha u n-nies madwarha. Jum minnhom, binha Bertie wasal tard għaċ-ċena. Qabel ma skuża ruħu, staħba wara kolonna bl-għaraq ixoqq għalih. Hi tatu ħarsa qasira u hu ħarab wara kolonna oħra fejn baqa’ sa tmiem l-ikla. Ta’ min isemmi li dak iż-żmien Bertie ma kienx tifel ċkejken. Kellu 50 sena!