Ara Jiġix f’Pajjiżna!

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Bla dubju, jekk dan ir-raġel jagħżel li jiġi Malta, żgur li ma joqgħodx jum bla xogħol għax kull kunsill lokali jipprova jħaddmu miegħu!

Andrew Hawes ta’ 43 sena, li ddejjaq bil-ħmieġ tal-klieb li ta’ kuljum iħammġu t-toroq fejn joqgħod, qed jilbes ilbies camouflage u jistaħba qalb l-arbuxelli fil-park ta’ Leiston, f’Suffolk, bl-iskop li jiġbed ritratti ta’ dawk is-sidien tal-klieb li ma jiġbrux il-ħmieġ li jagħmlu fl-art.

Meta jara lil xi ħadd iħalli l-ħmieġ mal-art, joħroġ fid-dieher u jhedded lil sidien il-klieb li jirrappurtahom jekk ma jnaddfux il-ħmieġ. Min ma jismax bil-kelma t-tajba, jiġi rrappurtat lill-pulizija, li joħorġu ċ-ċitazzjonijiet.

BDL Books - Laqtiet

Ladarba jkun liebes camouflage, Andrew, sewwieq tat-trakkijiet u missier ta’ erbat itfal, ħadd ma jinduna bih. Hu saħaq li qed jagħmel dan kollu għax il-ħmieġ tal-klieb jista’ jagħmi lit-tfal minħabba infezzjonijiet, u hu ma jridx li wliedu jispiċċaw ma jarawx tort ta’ sidien traskurati.

Hu u l-ġirien tiegħu jqattgħu ħin konsiderevoli jnaddfu l-ħmieġ tal-klieb ta’ ħaddieħor, u l-għada jerġgħu jsibu ħmieġ ieħor. Issa waqqfu grupp li l-membri tiegħu jagħmlu ronda regolari biex is-sidien jindunaw bihom u jiġbru l-ħmieġ tal-klieb tagħhom.

Mistoqsi dwar ix-xogħol li qed iwettaq ‘bil-moħbi’ hu qal li l-pulizija qalulu li mhux illegali, għax qed iwettaq ħidma ta’ CCTV u huma jimxu fuq ix-xhieda li jkollhom. Kull ċitazzjoni tiswa lis-sid maħmuġ u traskurat ta’ kelb is-somma ta’ €115.

Il-pitirross ħabib ta’ Donna

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna ma kinitx tħobb il-Milied minħabba r-rigali, il-kartolini, it-tiżjin u l-btajjel biss. Kellha raġuni oħra għalfejn kienet tistenna din il-festa b’tant ħerqa. Kull sena, ftit qabel il-Milied, kienet iżżurha daqsxejn ta’ ħlejqa li tagħtiha ħafna gost.

Ma’ dħul Ottubru kien dejjem jitfaċċa pitirross ċkejken ċkejken u smin fil-bitħa tan-nanniet. Hekk kif kienet tilmħu jdur minn fuq zokk għal ieħor tas-siġra tal-larinġ, Donna kienet timtela bil-ferħ. Dak sidru oranġjo jagħti fl-aħmar tassew kien jaffaxxinaha għax kien ifakkarha fl-istorja li darba rrakkontalha n-nannu dwar id-demm ta’ Kristu msallab li qattar fuqu. Kienet tissammar tħares lejh minn wara l-ħġieġ tal-bieb tal-bitħa, għall-jiem sħaħ, sakemm jgħib wara xi tliet xhur.

Lin-nanna dejjem kienet titlobha tħejji skutella żgħira bl-ilma u oħra bil-frak tal-ħobż ħalli toħroġhom fil-bitħa. Hi hekk kienet tagħmel. Wara ftit, il-pitirross arah jinżel mis-siġra biex inaqqar xi ftit frak tal-ħobż jew jixrob xi ftit ilma frisk mill-iskutelli li n-nanna tkun għadha kemm poġġietlu fejn is-siġra tal-larinġ. Dak il-ħin, Donna kien ikun l-għaxqa tagħha ssejjaħ lin-nanna u turiha b’subagħha l-werrej minn wara l-ħġieġa lill-pitirross fejn dawk l-iskutelli tal-ikel u x-xorb. Darba fettlilha riedet taqbdu fit-trabokk ħalli tkompli tgawdih tul is-sena kollha, iżda n-nanna ma ħallithiex. Bħala ħlejqa t’Alla kellu d-dritt li jibqa’ jgħix fil-libertà, minbarra li kien ukoll għasfur protett mil-liġi. Donna mill-ewwel fehmet li kienet se tkun egoista jekk tipprova taqbad il-pitirross, avolja kienet trabbi n-nervi meta kien jgħosfor għax kien ikollha tistenna ż-żmien sa ma terġa’ tarah.

Sena minnhom, Donna stenniet lill-pitirross bħas-soltu, iżda kien kollu għalxejn. Il-pitirross baqa’ ma ġiex, u Donna tgħidx kemm bkiet għalih. Kienet dratu jiġi kull sena. Min jaf x’kien sar minnu dan il-ħabib ċkejken tagħha, miskin?

Skont ma qalilha n-nannu, il-pitirross wisq probabbli kien miet. Spjegalha li huwa u jdur bosta pajjiżi madwar id-dinja jista’ jkun li ltaqa’ ma’ xi perikli li temmewlu ħajtu bħall-maltemp, ir-riħ, inkella għasafar akbar minnu li attakkawh. Donna sewdet qalbha iżjed xħin semgħet kliem in-nannu, u bdiet timmaġina minn xiex seta’ għadda dak il-povru pitirross.

Donna ma riditx temmen lil għajnejha meta s-sena ta’ wara reġgħet rat pitirross fuq is-siġra tal-larinġ. Wiċċha xegħel, u marret tiġri tgħid lin-nanniet ferħana se ttir. Huma wkoll ħadu pjaċir bih malli lemħuh minn wara l-ħġieġ tal-bieb tal-bitħa. Tgħid kien l-istess pitirross tas-snin ta’ qabel jew ieħor ġdid? Kien x’kien, l-aqwa li dik is-sena, Donna kellha Milied komplut kif xtaqitu hi.

L-ajruplani privati ta’ Elvis Presley

Charles B. Spiteri

alt

Minn Graceland ħarġet l-aħbar li l-Lisa Marie u l-Hound Dog II, iż-żewġ ajruplani li kienu ddisinjati u nbnew għal Elvis Presley, se jibqgħu b’mod permanenti f’Memphis, fejn l-attrazzjoni turistika hi ċċentrata fuq il-ħajja u l-karriera tal-kantant.

Dan l-avviż temm il-konfużjoni li nħolqot fuq il-futur tal-istess ajruplani, li kienu jintużaw mir-Re biex ikun jista’ jivvaġġa u jmur jagħti l-wirjiet, wara li xtrahom lejn tmiem is-snin sebgħin.

L-ikbar ajruplan, Convair 880, issemma’ Lisa Marie, għal bint Elvis. Minn ġewwa qisu karozza lussuża li ttir. Fih kamra tas-sodda kbira, sistema stereo, kamra tal-konferenzi u l-vitien tal-kamra tal-banju huma miksija bid-deheb. Kien irranġat hekk wara li Elvis xtrah mingħand id-Delta Air Lines u tar bih l-ewwel darba f’Novembru tal-1975.

Meta l-kantant miet, fis-16 ta’ Awwissu 1977, il-pilota ta’ Elvis tajjar il-Lisa Marie sa Kalifornja biex ħa lil Priscilla Presley, l-eks mara tal-kantant, f’Memphis.

L-iżgħar ajruplan, li hu JetStar u ssemma’ Hound Dog II, ukoll intuża minn Presley.

Wara l-mewt ta’ Elvis, iż-żewġ ajruplani nbiegħu lill-kumpanija bl-isem ta’ OKC Partnership.

Minn nofs is-snin tmenin, din il-kumpanija u Graceland qablu li jipparkjaw l-ajruplani fi Graceland, fejn saru żewġ oġġetti mill-aktar mistennija mit-turisti, biex jarawhom minn ġewwa.

Iżda għalkemm il-ftehim li kien hemm iċċajpar xi ftit is-sena li għaddiet, issa jidher li ħarġet ix-xemx u kien deċiż li l-ajruplani jibqgħu f’posthom għal dejjem.

Ralph l-Indjan jilbes ta’ kawboj għall-Karnival

Ralph kien tifel tassew samrani. Minħabba f’hekk, sħabu laqqmuh l-Indjan. Dehrilhom li kien jagħtihom lemħa lill-Indjani. Pero` hu xejn ma ħa gost b’dal-laqam, u kien dejjem jgħidilhom li ma kellux x’jaqsam mal-Indjani la kien Malti bħalhom. Iżda ta’ nebbiexa li kienu, sħabu aktar kienu jgħajtulu Indjan bil-qalb, filwaqt li hu kien iħarsilhom bl-ikrah, u ma jkellimhom xejn. Għalih Donna biss kienet matura fost sħabu kollha. Dejjem sejħitlu b’ismu, u qatt ma ivvintatlu laqmijiet. Għalhekk kien joqgħod magħha fil-brejk.

Meta fil-party tal-Karnival Ralph daħal fil-klassi liebes ta’ kawboj, sħabu ma waqfux imaqdruh, u jiżżuffjettaw bih.

“Għax ma lbistx ta’ Indjan, għid?”, beda Leli.

“Pinġut kien joqgħodlok kieku l-kostum ta’ Indjan”, kompla miegħu Karl.

“Inti qatt rajt film tal-kawbojs? Dawk ma jkunux somor bħalek”, qallu Raymond.

“Vera tixraqlek ta’ kawboj, ħa ngħidlek! Qisek, qisek artist. Ħa ħa ħaj”, issokta Daniel.

Ralph ma weġibhomx, u qagħad rasu baxxuta jisma’ lil kulħadd jgħid tiegħu. Xħin tellgħuhomlu, mar ifittex lil Donna, u qagħad bilqiegħda maġenbha. Kienet semgħethom kollox, u vera kien qed jiddispjaċiha għalih. “Anki llum se jaqbdu miegħu?”, qalet f’qalbha. Indunat li f’għajnejh kellu d-dmugħ, u aktar tħassritu. Fil-pront ħarġet tissue mill-basket, u tathielu biex jimsaħ għajnejh biha. Imbagħad qabdu jitkellmu bħas-soltu. 

“Għalfejn qed tibki, Ralph? Għandek kostum sabiħ tant. Taf kemm inti pulit?”

“Kont ferħan bih dalgħodu, imma qagħdu jidħku bija, ja kattivi li huma.”

“Tagħtix kashom. La kellek aptit tilbes ta’ kawboj ħadd ma kellu għalfejn jindaħallek. Mhux kulħadd jilbes li jrid fil-Karnival!”

“Kelli nilbes hekk bilfors, Donna. Il-kostum ta’ kawboj silifuli l-kuġin għax ommi ma kellhiex flus biex tixtrili wieħed billi missieri jinsab marid ħafna, u għandu bżonn il-flus għall-kura.”

“Anki jien kelli nilbes il-kostum tat-tifla tal-ħabiba tan-nanna. Kemm ilu li miet il-papa`, il-mama` qed tibża’ iżjed għall-flus għax m’għandhiex xi paga għolja.”

“Imma vera li l-kawbojs ma jkunux somor? Nidher tad-daħk jaqaw, Donna?”

“Ralph, inti qatt rajt Ċiniża b’għajnejha mhux imġebbdin? Mela anki jien tad-daħk għax liebsa ta’ Ċiniża mingħajr ma nixbah liċ-Ċiniżi! Jien l-aqwa li lbist ta’ xi ħaġa biex nieħu gost ftit illum. Ma jinteressanix x’jgħidu l-oħrajn dwari.”

“Inti żgur li m’intix tad-daħk daqskemm jixraqlek il-kostum.”

“Inti wkoll tixraqlek ta’ kawboj. Kieku biss ma jeżistux kawbojs somor, inti tkun l-ewwel wieħed. U f’dak il-każ inti tkun kawboj oriġinali.”

Ralph qabad jitbissem għax għoġbitu tal-“kawboj oriġinali.” Donna dejjem fehmitu, u kellmitu bħala ħabiba sinċiera. Ħassu xortih tajba ferm li kellu lilha għax kienet ittellagħlu l-moral meta sħabu kienu jaqbdu miegħu. Waqt il-party hu u Donna qagħdu l-ħin kollu fejn xulxin. Tgħidx kemm kielu pizza u qassatat, u żifnu flimkien. Minn dakinhar `il quddiem daħħalha f’rasu biex qatt aktar ma jieħu għal sħabu, u jibda jagħti widen għal dak li tgħidlu Donna. Għalkemm Ralph u Donna kienu ħbieb kbar, kellhom jinfirdu wara xi żmien għax marru fi skejjel differenti. Qatt iżjed ma ltaqgħu, iżda l-memorji sbieħ li kellhom ta’ xulxin baqgħu mnaqqxin f’moħħhom u fir-ritratti li ħaditilhom l-għalliema fil-party tal-Karnival meta libsu ta’ kawboj u Ċiniża.

TMIEM

Il-Bewsa ta’ Ġuda

Storja li tqanqal diqa f’dawk kollha li jħobbu lill-annimali u huma kontra l-ġlied mal-barrin fi Spanja.

alt

Dan ir-ritratt juri lir-raġel li rabba minn żgħir, anzi sa mit-twelid tiegħu, lil dan il-barri. Issa, li kiber, biegħu biex jinqatel fl-arena.

Ġara iżda, li meta waqt il-ġlieda, il-barri ġie ferut u ma setax jaqla’ aktar fih, induna li sidu kien preżenti u fid-disperazzjoni li kien fiha, ġera lejh għall-għajnuna.

Minflok, ingħata l-bewsa taċ-ċaħda u ġie maqtul. Ħafna sostnew li ma jeżistux mostri agħar mill-umani, għax l-ebda annimal mhu korrott, guluż, jew kattiv mal-bniedem.

Ħafna jittamaw li dan ir-ritratt jasal iqanqal stmerrija, li min-naħa tagħha tenfasizza aktar għall-waqfien tal-ġlied mat-toru.

Kienu l-gazzetti Spanjoli nfushom, li mal-istess ritratt li qed jidher hawn, kitbu storja bit-titlu ‘Il-Bewsa ta’ Ġuda’.

Bżaru aħmar minflok frawla

Bżaru aħmar - red chili pepper

In-nannu ta’ Donna kien sikwit jiżra’ xi frott u ħaxix fil-ġardina tiegħu. L-għors tiegħu kien li mbagħad joqgħod isaqqih u jarah jikber bil-mod sa ma jasallu l-waqt li jaqtgħu u jieklu. Ma’ kulħadd kien iħobb jiftaħar kemm hu bnin il-frott u l-ħaxix li jkabbar hu.

Darba fettillu żera’ l-frawli. Kien jaf tajjeb li Donna kienet tagħmel ħafna għalih għax, meta kien ikun f’waqtu, lilu biss kienet tfittex għad-deżerta jew għat-tnaqqir. Issa kienet tabilħaqq ferħana se ttir li n-nannu kien żergħalha l-frawli. Iżda hu qalilha biex tistennieh isir aħmar, qabel ma dduqu, għax inkella jkun għadu nej, u jagħmlilha d-deni.

Għodwa waħda, Donna inzertat qiegħda tilgħab bil-ballun fil-ġardina meta fid-daqqa u l-ħin lemħet xi ħaġa ħamra qalb il-ħaxix. Wiċċha xegħel. Malajr ħasbet li l-frawli kien sar, u telqet tiġri taqta’ waħda ħalli tara kienx tajjeb bħal dak li kienet tixtrilha n-nanna mingħand Charlie tal-ħaxix. Imbagħad, daħlet fil-kċina, laħalħitha bi ftit ilma tal-vit, u tefgħetha f’ħalqha. 

Miskina Donna! Kienet tqarrqet bla ma lanqas biss indunat. Ma felħitx iżżomm bil-ħruq. Ħasset ħalqha qiegħed jinxtewa. Wiċċha ħmarilha daqs il-peprin, u beda ħiereġ ħafna dmugħ minn għajnejha. Dik li qatgħet mill-ġardina mhux vera kienet frawla, iżda bżaru aħmar miż-żgħar milli jaħraq. Billi kienet għadha żgħira ma ntebħitx x’kien, u gidmitu mingħajr ma ħasbitha darbtejn. Hekk kif ħasset dak il-ħruq tal-infern ġo ħalqha, Donna beżqitu ‘l barra, u ntefgħet tixrob l-ilma frisk mill-vit forsi tħossha xi ftit aħjar. Damet tixrob għal naqra ħin mhux ħażin sakemm il-ħruq fl-aħħar beda jtaffi.

Donna għarfet li dak li ġralha kien kollu t-tort tagħha. Kellha għajnejha ikbar minn żaqqha għax ma stennietx lin-nannu jaqtgħalha l-frawli, u jagħtihulha malli jidhirlu li hu tajjeb għall-ikel. Ma qalet lil ħadd x’kienet għamlet. Meta sar il-frawli, u daqitu, tassew għoġobha. Kellu togħma ħelwa manna għall-kuntrarju tal-bżaru li kien jaħraq nar. 

Minħabba fiha, in-nannu baqa’ jiżra’ l-frawli kull sena dment li kien għadu jiflaħ. Donna kienet dejjem tkun fuq ix-xwiek biex ifittex jasal dak il-jum li fih jinqata’ ħalli tieklu. In-nannu baqa’ jkabbar il-bżar aħmar ukoll, iżda Donna qatt iżjed m’azzardat idduqu wara dak li ġralha.

Sejbiet taħt il-baħar

Grupp ta’ arkeologi ta’ taħt il-baħar mill-Grecja u l-Amerika, ħabbru s-sejba inkredibbli ta’ 22 għarqa ta’ bastimenti antiki, ilkoll madwar Fourni, arċipelagu Grieg żgħir.

alt

Is-sejba saret f’nofs dak li fil-passat kien il-kanal ewlieni għall-bastimenti u r-rotta għall-kummerċ bejn il-Greċja, Ċipru u l-Eġittu. L-għerqiet imorru lura għal bejn is-sena 700 qabel Kristu u s-seklu 16.

L-aktar sejba importanti saret f’post 17-il mil bogħod, imferrxa madwar it-13-il gżira li jiffurmaw l-arċipelagu, in-naħa tal-Lvant fil-baħar Eġew.

Peter Campbell, mill-Università ta’ Southampton u ko-direttur tal-Fundazzjoni Nawtika RPM qal li fi 13-il jum biss, qabżu kull stennija u żiedu 12 fil-mija mat-total ta’ bastimenti antiki fl-ibħra territorjali Griegi, li kienu diġà jafu bihom.

Il-kummerċ bil-bastimenti li jaqsmu bejn il-Greċja u l-Asja minuri kien ikollhom ibaħħru minn hemm u kultant kienu jfittxu kenn fir-reġjun kollu blat.

Il-qagħda ta’ Fourni bejn iż-żewġ gżejjer ta’ Samos u Ikarja jafu wasslu biex l-istess post iservi ta’ ċimiterju għall-bastimenti mgħarrqin.

Peter Campbell żied jgħid: “Ikarja u l-kosta fil-punent a’ Samos la għandhom portijiet u lanqas fejn jankraw il-bastimenti; għalhekk Fourni kien l-aktar post żgur fejn setgħu jirmiġġjaw.”

Is-sejba saret mill-grupp ta’ arkeologi mill-Eforat Grieg tal-Antikità ta’ taħt il-Baħar u l-Fondazzjoni Nawtika RPM, li ħadmu ma’ għaddasa u sajjieda lokali.

George Koutsouflakis, direttur Grieq qal: “Fl-aqwa każi, f’tiftix tipiku nillokaw erbgħa sa ħames għarqiet ta’ bastiment kull staġun. Stennejna staġun ta’ suċċess, iżda ħadd ma kien imħejji għal dan. Litteralment, il-bastimenti mgħarrqa nstabu kullimkien.”

L-oġġetti misjuba f’dawn il-bastimenti inkludew ġarar u amfori li huma xhieda tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn Ċipru, il-Levant, il-Greċja u l-Eġittu.

Il-wirdiena fuq ras in-nannu

Il-bużnanna ta’ Donna kienet ilha mejta s-snin. Iżda ta’ kull sena n-nannu tagħha, li kien jiġi binha, kien dejjem jagħmlilha quddiesa għal ruħha fil-jum li jfakkar mewtha. Għaliha kienet tmur il-familja kollha b’sinjal ta’ rispett. 

alt

Sena minnhom in-nannu spiċċa mar għall-quddiesa ma’ Donna biss. Dakinhar in-nanna inzertat ftit ma tiflaħx, u l-mama` nqabdet xogħol. Minn xħin daħlu fil-knisja, Donna ma ċċaqalqitx minn fejn in-nannu, u qagħdet titlob sakemm bdiet il-quddiesa kif qalilha tagħmel hu. Qabel telqu mid-dar, kien wissieha ħafna biex toqgħod bilgħaqal, u ġġib ruħha sew għax ma kienx xieraq li toqgħod titpastaż quddiem knisja nies. Donna għamlet l-almu tagħha biex tobdih. Ma kellhiex aptit taqla’ xi ċmas mingħandu la jaslu d-dar. In-nannu ħassu tassew kuntent meta raha li semgħet minnu, u ma tniffsitx.

Imma lin-nannu kellha tiġrilu waħda tinkiteb mingħajr qatt ma basar f’mitt sena. F’daqqa waħda, f’nofs il-quddiesa, ħass xi ħaġa kiesħa silġ taqa’ fuq rasu. Tant inħasad li beda jgħajjat donnu barri. Kulħadd iċċassa jħares lejh. Donna qabżet pied mill-art bil-qatgħa li ħadet, iżda kienet se tmut bid-daħk malli rat wirdiena daqsiex fuq ras in-nannu. Anki l-qassis kellu jwaqqaf il-quddiesa għal ftit tal-ħin meta ntebaħ li kienet ġrat xi ħaġa. 

Kulħadd dar madwar in-nannu. Kien hemm min ħaseb li kien ħass xi ħaġa, kien hemm min qal li kien ra fatat, u kien hemm min ried imur għat-tabib. Ħadd ma induna bil-wirdiena. Hu beda jgħidilhom waħda f’waħda li kienet waqgħet xi ħaġa kiesħa fuq rasu. Hekk kif sema’ lil xi ħadd mill-folla jgħid li kellu wirdiena kbira, aktar infixel, u twerwer. Kien jibża’ mill-wirdien iżjed mill-bard ta’ Jannar, u ried jeħles minnha malajr kemm jista’ jkun. 

Sa fl-aħħar, xi ħadd kuraġġuż mill-folla qabad tissue, u biha neħħielu l-wirdiena li tant kienet ġennitu. In-nannu fil-pront ħa r-ruħ, u rringrazzja lil dak il-proxxmu li ħelislu minnha. Il-quddiesa, imbagħad, kompliet għaddejja bil-kwiet. Xħin Donna u n-nannu marru lura d-dar, in-nanna u l-mama` tassew baqgħu mbellhin meta saru jafu b’kollox. In-nannu baqa’ jiftakarha għal għomru kollu l-biċċa tal-wirdiena, u kull meta kien jidħol il-knisja kien iħares lejn is-saqaf għal darba tnejn, qabel ma jpoġġi bilqiegħda, ma jmurx taqa’ xi wirdiena oħra fuq rasu u jisfratta l-quddiesa.

Il-Lhudi li stagħna minn fuq il-Ġermaniżi

Charles B. Spiteri

Lhudi li kien ‘meħtieġ ferm fil-gwerra tan-Nażi’ hu riferut bħala l-ikbar ħalliel fi żmien il-gwerra fl-Ewropa.

Michel Szkolnikoff innegozja bċejjeċ tal-arti u ġojjellerija misruqa minn Franza, u għamel fortuna għalih u għan-Nażisti.

Szkolnikoff ħarab mill-ġenoċidju u għamel fortuna li tiswa sitt biljun Frank Franċiż fl-1945 (491 miljun ewro) fil-flus tal-lum u miet misterjożament fi tmiem il-gwerra, għalkemm numru ta’ nies jemmnu li ħarab lejn l-Amerika t’Isfel.

alt

Il-ġurnalist Franċiż u storiku Pierre Abramovici kiteb ktieb fuq Szolnikoff, fejn jispjega kif irnexxielu jaħrab id-destin li mess lil miljuni ta’ Lhud oħra u wettaq għalih innifsu ħajja ta’ lussu.

Abramovici qal: “In-Nażi ħtieġu l-ispeċjalisti; Lhud u mhumiex. Il-qagħda ta’ Szkolnikoff kienet komplessa. Hu tqies bħala Lhudi mill-Franċiżi u Arjan min-Nażi. Kien arrestat darbtejn mill-Franċiżi u kull darba meħlus min-Nażi.”

L-Ambaxxata Amerikana f’Madrid enfasizzat li Szkolnikoff kien ħalliel ewlieni tax-xogħlijiet tal-arti.

Rapport kunfidenzjali, datat Awwissu 1944 jgħid li Szkolnikoff seraq ukoll ġojjelli, deheb u ħaġar prezzjuż minn Franza “għan-nom tal-Gestapo.”

Szolnikoff twieled fl-1895 fir-Russja Tzarista, iżda ħarab wara r-rivoluzzjoni u sar ċittadin Ġermaniż, qabel ma mar fi Franza fls-snin tletin.

Biex jaħbi l-oriġini Lhud tiegħu, l-ewwel ma għamel bidel ismu għal Michel u beda jinnegozja fit-tessuti, li kien ibigħ fi ħwienet kbar f’Pariġi.

Kien għadu jiġġieled mal-ħajja hekk kif faqqgħet il-gwerra, iżda ma damx ma għamel il-fortuna tiegħu bil-ħjata tal-uniformijiet militari għall-Armata Ġermaniża, in-Navy u wkoll l-SS.

Abramovici jikteb: “Kien raġel fqir qabel il-gwerra, iżda mbaħad iltaqa’ mas-sieħba tiegħu, mara Ġermaniża bl-isem ta’ Helene Samson, li introduċietu lill-membri tan-Navy Ġermaniża u lill-SS.

“Dan ir-raġel, neguzjant tat-tessuti ma kellux reliġjon, ideali politiċi u morali. Ried biss jagħmel il-flus u fi tliet snin sar l-iktar raġel sinjur fi Franza.

“Eventwalment, kellu parti ewlenija mil-lukandi lussużi fi Franza u f’Monaco u tużżani ta’ bini jiswa l-flus fiċ-ċentru ta’ Pariġi, madwar Champs Elysées, kastell u proprjetajiet oħra.”

Wara l-mewt ta’ Hilter u ċ-ċediment tal-Ġermaniżi f’Mejju 1945, in-Nażi prominenti ħarbu u dawk li kkollaboraw magħhom fi Franza, bdew ikunu mfittxija.

Szolnikoff ħarab lejn Spanja, immexxija mid-dittatur faxxist Franco, iżda milli jidher miet barra Madrid f’ Ġunju tal-1945.

Il-katavru tiegħu ntrema fil-kampanja u sar attentat biex jinstab u jinħaraq. Il-fehma ta’ Abramovici hi li grupp ta’ Franċiżi kkaċċjawh u qatluh kiesaħ u biered.

Iżda hemm min isostni li l-mewt ta’ Szkolnikoff kienet gidba, u li jista’ jkun ħarab lejn l-Arġentina fejn aktarx kellu kont bankarju.

Meta ntemmet il-gwerra kien hemm battalja legali kbira fuq il-wirt li kellu Szkolnikoff. Din damet sejra s-snin.

Il-qattus idoqq il-pjanu

alt

Darba waħda, Donna u n-nannu reġgħu spiċċaw waħidhom id-dar. In-nannu qagħad jara t-televixin sakemm sar il-ħin għall-ikel. Donna filli kienet ħdejh u filli għebet. Tgħid x’kienet qiegħda tpaspar minn wara dahru!

In-nannu kienet għoddha marret għajnu bih meta f’daqqa u l-ħin lemaħha mill-ġdid maġenbu fil-kċina. Staqsieha fejn kienet u hi weġbitu li marret tilgħab ftit mal-qattus. In-nannu ried ikun jaf fejn kien il-qattus u t-tifla ħarrfitlu li kienet ħarġitu fil-bitħa interna qabel marret lura fil-kċina. In-nannu bħal donnu emminha u ma kellimha xejn.

Hekk kif Donna poġġiet fuq is-sufan, riedet taqleb l-istazzjon biex tara l-programm favorit tagħha. In-nannu kkuntentieha ħalli xejn xejn ikollha fiex tedha u tħallih kwiet. It-tifla qattgħet l-isbaħ siegħa b’għajnejha mwaħħlin mat-televixin. Sadanittant, in-nannu ħa nagħsa.

F’salt wieħed, beda jinstema’ d-daqq tal-pjanu li beda jdamdam kullimkien. Fis-salott suppost ma kien hemm ħadd, imma l-pjanu żgur li ma kienx idoqq waħdu. In-nannu qam maħsud u serraħ rasu xħin sab lil Donna għadha bilqiegħda ħdejh, għax għall-mument kien ħaseb li marret iddoqq il-pjanu waqt li kien rieqed.

Iżda Donna qisha kienet taf min kien qiegħed idoqq dawk in-noti bil-goff. Bdiet tidħak kemm kellha saħħa u tgħid lin-nannu li fis-salott kien hemm fatat idoqq il-pjanu. In-nannu ma felaħx jissaporti iżjed. “X’fatat hu? Ta’ zitek?” weġibha, filwaqt li ta ġirja lejn is-salott biex jara x’kien ġara.

In-nannu stagħġeb mhux ftit b’dak li ra quddiem għajnejh malli daħal fis-salott. Sab lill-qattus miexi fuq il-pjanu. Tatu rasu u mar ineħħih minn hemm. Dlonk intebaħ li din kienet xi praspura oħra minn ta’ Donna. Ma kienx ħaseb ħażin, tafux.

Donna kienet tellgħet lill-qattus fuq il-pjanu biex joqgħod jimxi fuqu u jdoqqu. Għamlet hekk meta llargat minn fejn in-nannu aktar kmieni, għax qatt ma kien iħalliha mqar tmissu ma jmurx tiskordah. Tal-inqas issa setgħet tisimgħu jdoqq xorta waħda bis-saħħa tal-qattus.

In-nannu ma tantx kellu aptit id-daħk. Il-pjanu kien ġralu l-ħsara u kellu jonfoq il-flus bla ħsieb biex jirranġah. Imma lil Donna kienet għoġbitha din il-biċċa tal-qattus jimxi fuq il-pjanu u tgħidx kemm kienet tidħak bil-qalb meta tiftakar fiha. Minn dakinhar `l hemm, in-nannu ħadha drawwa jsus wara Donna kull darba li jinzertaw waħidhom id-dar ħalli ma tazzardax tagħmel xi straġi oħra.