Peter Isib Kumpanija Ġdida fil-Weekend

alt

Meta Elise u Luca kien ikollhom ruxxmata homework x’jagħmlu fil-weekend, qajla kienu jiċċaqalqu minn mal-mejda tal-kċina. Il-mamà kienet dejjem tgħidilhom biex ix-xogħol tal-iskola ma jħalluhx għall-aħħar minuta għax inkella kienu jinsew xi tkun spjegatilhom l-għalliema fil-klassi. Huma kienu jagħmlu kif tgħidilhom hi, u jitfgħu rashom fil-pitazzi u fil-kotba. Peter kien isib ruħu waħdu għax il-mamà ma kinitx tħallih jersaq lejn fejn ikunu ħutu ma jmurx itellifhom u jmorru lura f’xi suġġett. Ta’ tifel li kien, kien jagħmel f’qalbu u joqgħod jeqred u jibki għax kien ikun irid imur ħdejhom bilfors. Lill-mamà ġieli tellagħhomlha u kienet tgħajjat miegħu meta ma kienx joqgħod kwiet.

Peter kien qiegħed jixba’ sal-ponta ta’ mnieħru kważi dejjem iqatta’ l-weekend waħdu. Xtaq ħafna lil xi ħadd tamparu jagħmillu kumpanija fil-weekend fin-nuqqas ta’ Elise u Luca. Ħbieb ma tantx kellu, u għalhekk ftakar fis-sekondi kuġini tiegħu, Liza u Martin, li kienu jgħixu n-naħa tal-wied xi kwarta mixi bogħod mid-dar tiegħu. Ma kienx imur għandhom ta’ spiss, iżda meta xi darba kien imur għandhom fil-vaganzi tas-sajf, tassew kienu jieħdu gost jilagħbu miegħu. Liza u Martin kienu jħobbuh ħafna, iżda billi ma kinux qraba daqshekk mill-viċin, il-kuntatt bejniethom kien limitat.

Darba waħda s-Sibt filgħodu, Elise u Luca qamu kmieni biex jibdew ilestu x-xogħol li kienet tathom l-għalliema bil-mod il-mod. Dakinhar kellhom jagħmlu, fost l-oħrajn, proġett dwar il-poeti Maltin, kif ukoll jistudjaw għat-testijiet li kellhom isiru matul il-ġimgħa ta’ wara. Peter kien jinsab bi kwietu fil-kamra tas-sodda jilgħab bil-karozza l-ħamra li l-mamà kienet xtratlu mill-Belt. F’xi l-għaxra, instema’ Ġamri tal-ħobż idoqq il-ħorn. Il-mamà ħarġet bħas-soltu tixtri żewġ ħobżiet kbar tal-Malti friski u tajbin, u ħalliet il-bieb ta’ barra ftit imbexxaq. Kif reġgħet daħlet ġewwa, għamlet biċċa ħobż mixwija bil-butir u bil-perżut għax kellha l-ġuħ. Wara ftit, poġġiet bilqiegħda fejn Luca u Elise biex tgħinhom ftit fis-somom għax ħassewhom xi ftit jew wisq tqal dakinhar.

Malli beda jċempel il-mowbajl, il-mamà qamet bil-ħeffa minn fuq is-siġġu u qabditu minnufih. Inħasdet ftit xħin saret taf li kienet ċemplitilha kuġinitha Agnes, li tarrfitilha kif Peter kien għandu kemm mar għandha biex joqgħod jilgħab ma’ Liza u ma’ Martin. Hija kompliet tgħidilha li meta staqsietu fejn kienet il-mamà, huwa weġibha li kien ħareġ inkiss inkiss mid-dar waqt li l-mamà kienet ħarġet tixtri l-ħobż u ħalliet il-bieb tad-dar imbexxaq. Il-mamà kienet mingħaliha li Peter kien għadu fil-kamra fejn ħallietu hi, u li kieku ma infurmathiex Agnes, kienet iddum ma tinduna li kien mar xi mkien bla ma kien qalilha. Minn dakinhar ’il quddiem, Peter baqa’ jmur sikwit għand Liza u Martin, imma kienet twasslu s’għandhom il-mamà bil-mixi ma jmurx, allaħares qatt, ittajru xi karozza. Peter kien kuntent għall-aħħar li kien sab kumpanija ġdida għall-waqt il-weekend, u iżjed ma għadda żmien iżjed sar ħaġa waħda ma’ Liza u Martin, li wara kollox kien beda jistħajjilhom Luca u Elise, għax b’kumbinazzjoni kienu kważi daqshom fl-età u kienu jmorru tajjeb ħafna flimkien.

Imut l-eħxen ġuvni fl-Ingilterra

Charles B. Spiteri

Carl Thompson ta’ 33 sena, li kien jiżen 412-il kilogramma miet traġikament fid-dar tiegħu f’Kent. Għall-aħħar sena ma setax joħroġ minn daru u kien jiddependi mill-għajununa tas-servizzi tal-gvern kemm biex jiekol, kif ukoll biex jinħasel. alt

Xahar qabel ma miet, Carl kien ħalef li jagħmel ħiltu biex inaqqas mill-ħxuna li kellu għax xtaq jibqa’ jgħix, u dan minħabba s-simpatija li beda jara minn dawk kollha li offrew li jgħinuh, u wara numru ta’ intervisti li sarulu.

Hu qal li t-tobba avżawh kemm-il darba biex jibel l-istil ta’ ħajja li kellu, inkella saħħtu terħih u jmut. Peress li ma setax joħroġ minn daru u jmur jixtri, dan il-ġuvni għex il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu jiekol ikel Ċiniż u pizez, li kien jordnahom minn fuq it-telefown u jwassluhomlu sad-dar. Stqarr ukoll li kien jonfoq £10 kuljum f’ċikkulata. Il-flus kien jirċevihom mill-istat.

Waqt li wera l-fehma li ħafna mill-ħxuna tiegħu kisibha wara l-mewt ta’ ommu, ammetta li minn dejjem kien ‘iħobb’ jiekol.

Meta kellu bejn tlieta u erba’ snin, jiftakar li kien jiftaħ l-armarji u jiekol li jsib. Imbagħad, meta tliet snin ilu ommu mietet kawża ta’ kankru f’moħħha, beda jiekol ikel xejn nutrittiv. Il-piż tiegħu rdoppja minn 190 kilogramma għal 412, b’mod li lanqas seta’ jibqa’ jaħdem.

Stedina Għand il-Ħbieb

Il-mamà u l-papà ferħu bil-bosta meta rċivew l-istedina għall-ikel mingħand Lucy u Joe. Kienu ilhom ħbieb magħhom mindu kienu għarajjes, imma dan l-aħħar kienu ilhom ħafna ma jiltaqgħu. Din kellha tkun okkażjoni sabiħa li terġa’ tlaqqagħhom flimkien.

L-istedina kienet bit-tfal, iżda Elise u Luca ma setgħux imorru magħhom għax kienu dabbru riħ qawwi li xeħithom fis-sodda għal xi jiem. Il-mamà u l-papà qatgħuha li jieħdu magħhom biss lil Peter. Meta wasal is-Sibt filgħaxija, il-mamà libbsitu kemxejn kmieni lil Peter, u wara niżel isfel u qagħad jara t-televixin sakemm isir il-ħin. Il-mamà u l-papà ma damux jintilfu wisq fuq, u mas-sebgħa u nofs kienu lesti biex joħorġu. Xi kwarta wara, waslu n-nanna Marija u n-nannu Ġużi biex joqogħdu ma’ Luca u m’Elise, u l-mama`, il-papàu Peter telqu `l barra minnufih.

Fit-tmienja preċiż, waslu għand ħbiebhom Ta’ Xbiex, li tawhom merħba liema bħalha. Id-dar tagħhom kienet żgħira u ftit antika, imma qalbhom kienet kbira. Lucy ġabitilhom tazza nbid ħamra mill-flixkun favorit tagħhom lill-mamà u lill-papà u Joe mar fil-kċina, li minnha ħareġ bit-tray tal-barquettes u l-galletti bid-dips tat-tonn taż-żejt u tas-salamun. Peter qagħad bi kwietu jixrob tazza luminata friska, filwaqt li l-kbar naqqru xi ħaġa u nfexxew jitkellmu dwar x’kien għadda mingħalihom f’kemm kien ilhom ma jaraw lil xulxin. Id-diskursata ma kinitx tieqaf li kieku Joe ma ħarisx lejn l-arloġġ u ra li kienu diġa` saru kważi d-disgħa ta’ billejl.alt

Malli kulħadd ħalla s-salott, u daħal fil-kamra tal-pranzu, Lucy u Joe servew is-soppa tal-ħaxix bil-croutons fil-wiċċ u ngħadet it-talba ta’ qabel l-ikel. Kif daq is-soppa, Peter qarras wiċċu u beda jgerger li l-ikel kien ħażin. Il-mamà u l-papà nkisru u qalulu biex ineħħi l-croutons  mis-soppa għax forsi ma kinux jogħġbuh billi kienu xi ftit ibsin. Hu hekk għamel, iżda xorta waħda ma setax iniżżilha. Tefa’ l-platt `l hemm u rabba n-nervi. Il-mamà u l-papà tawh ħarsa kerha, iżda Lucy bil-kalma kollha staqsietu x’ikel kien jiggosta minflok is-soppa. It-tifel weġibha li xtaq jiekol bajda u ftit patata moqlija.

Wara ftit tal-ħin, għajnejn Peter xegħlu għax quddiemu kellu platt daqsiex imżewwaq bl-ikel li kien iħobb. Iżda, b’għaġeb kbir reġa’ ma riedx jiekol minħabba li l-bajda kienet bla togħma u l-patata moqlija kienet mielħa ħafna. Il-papà ma felaħx jissaportih aktar, u qam minn fuq is-siġġu u beda jgħajjat miegħu talli kien qed iwaqqgħalhom wiċċhom l-art lilu u lill-mamà quddiem ħbiebhom. Lucy u Joe għamlu tabirruħhom li ma ħadux għalihom u qalu lill-papà biex jikkalma u jerġa’ jpoġġi bilqiegħda. Lucy reġgħet resqet lejn Peter, qabditlu wiċċu u bil-ħlewwa kollha qaltlu li kienet se tagħtih biċċa ċikkulata bnina, li żgur li qatt ma kien kiel bħalha. It-tifel  tbissem, però l-ferħ tiegħu malajr għeb hekk kif ħa l-ewwel gidma. Iċ-ċikkulata tegħemha morra għax kienet mill-iskura. Peter ma ridhiex u beda jgħajjat li kienet skaduta. Lucy ma kellhiex ċikkulata bajda milli kien imdorri jiekol hu, u li kellha togħma iktar ħelwa. Għalhekk, baqa’ b’xiber imnieħer.

It-tmaqdir ta’ Peter waqaf hemm għax il-mamà u l-papà ma ħallewh iduq xejn iżjed. Lucy u Joe qatgħu qalbhom x’jaqbdu joffrulu aktar billi l-ħin kollu kien igorr. Peter ma ħax gost li kien baqa’ bil-ġuħ. Il-mamà u l-papà kien tassew iddispjaċiehom li ma ġabx ruħu sew quddiem ħbiebhom. Ħalfu li din kienet l-ewwel u l-aħħar darba li ħaduh magħhom għand xi ħadd daqskemm kien ġegħelhom jistħu. Fil-verità, Peter kien ta’ żaqqu fommu u dak li jħoss kien jgħidu bla tlaqliq quddiem kulħadd. Fil-fatt kellu raġun għax l-ikel ma kienx daqshekk tajjeb, iżda l-mamà u l-papà kiluh ta’ bilfors biex Lucy u Joe ma jiħdux fastidju u jiksruha magħhom.

New Year Day’s Lunch

In former days, on New Year’s Day (l-Istrina), the Maltese used to give money gifts to the young members of the family. The well-to-do families also used to give money gifts to their domestic servants as well as to other people who rendered them a service throughout the year.

The Maltese used to give great importance to New Year’s Day lunch. In the past, many Maltese preferred to have fish for this meal on New Year’s Day. Fish was considered, by the Maltese, to be an augury of good luck. Whilst trying to include fish, they also tried to exclude hotch-potch soup from this lunch as they believed that those persons who ate this type of soup would grow ham bones for the rest of the year. Another belief which concerns this day’s lunch is a warning for those who eat cabbages on this special day. According to this belief, these people would groan for a whole year. 

Family members were expected to be present at lunch-time on this particular day. It was held that those who absented themselves would die by the end of the same year. 

British influence

The importance of fish on the first day of the year died out. Due to British influence, fish lost its place of honour. It was taken over by the turkey. New Year Day’s lunch became very similar to that of Christmas Day. It included soup and ‘timpana’ (a locally made pasta dish). Turkey was served with potatoes and vegetables. White Maltese wine dominated the New Year Day’s lunch and for sweets there were either Christmas pudding and mince pies or Maltese sufflè. Nuts also accompanied the day’s sweets.

Usually there was a guest or two invited for this special lunch. There was a custom among Maltese families, to invite a brother’s or a sisters’ family for lunch for Christmas day and this brother or sister and their partner would reciprocate this gesture by inviting the host family for New Year’s Day. Unmarried siblings were also invited for this lunch who would usually turn up accompanied by a widowed mother or father.

When the guests arrived, they used to give money gifts to the children of the host family, who placed these gifts inside a wooden box. The children were expected to wait till lunch was over and guests to leave, to open their wooden boxes and count the money they would have received.

Ġigġifogu ta’ Fili Elettriċi

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Dehriet tal-biża’ jidhru kontinwament fil-belt ċentrali tal-Indja, li hi waħda movimentata għall-aħħar. Hawn, wieħed jista’ jintebaħ bil-kwantità enormi ta’ fili elettriċi mdendlin bl-addoċċ. L-agħar ħaġa hu li kull fil fih kurrent elettriku qawwi.

Dawn il-wires qishom spagetti, jissupplixxu d-dawl lil Delhi, u saru dehra komuni mal-Indjani, iżda l-electricians li jissejħu fil-post minħabba xi ħsarat, ikollhom tabilħaqq jgħaddu minn ħmar il-lejl biex isewwu u jerġgħu jipproduċu l-elettriku f’dawk l-inħawi fejn ikun inqata’, apparti l-fatt li jkunu qed jipperikolaw ħajjithom.

Is-serq tal-elettriku f’din il-belt hu rampanti, u għalhekk hu faċli ferm li kull tant ħin jinqata’ d-dawl u partijiet kbar jisfaw fi dlam taqtgħu b’sikkina.

Tota Ram, li jgħix f’Delhi, qal li: “primarjament, dan hu t-tort tal-gvern, li qatt ma ta kas ta’ dawn il-wires kollha.” Iżda n-nies tal-lokal huma wkoll responsabbli… però huma kuntenti li għandhom aċċess qrib mnejn ‘jisirqu’ l-kurrent għall-ħtiġiet tagħhom.

Meta jasal l-istaġun tal-monsoon, id-densità ta’ wires issir perikoluża, għax numru minnhom jitqaċċtu u jmissu l-għadajjar tal-ilma.

Kien rappurtat li l-gvern ta’ Delhi għandu f’moħħu li jirriloka dawn l-wires taħt l-art, iżda x-xogħol għad irid jinbeda.

Mohit Issar, resident ieħor f’Delhi, qal li jekk in-nies jieqfu jisirqu d-dawl, ikun hemm inqas qtugħ tas-servizz u inqas wires  imdendlin fuq l-irjus il-ħin kollu.

Skont l-informazzjoni tal-World Bank, 22.3 fil-mija tan-nies fl-Indja għad m’għandhomx provvista tad-dawl elettriku.

Donna terġa’ tagħmilha

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna kienet żaqqieqa mill-kbar. Kienet l-hena tagħha tgerrem il-gallettini, u tnaqqar xi biċċa ċikkulata milli ssib fl-armarju tal-kċina tan-nanna. Xħin tinzerta waħidha kienet tagħmel dan ħalli tiekol kemm trid bla ma ħadd jgħidilha xejn. Dan l-aħħar bdiet tiżżaqqaq, u l-mamà qaltilha biex tnaqqas mill-piż għax il-ħxuna kienet ħażina għaliha. Imma kliem il-mamà waqa’ fuq widnejn torox, u Donna ma semgħetx minnha.

Darba minnhom, il-mamà xtrat flixkun żejt taż-żebbuġa lokali mingħand tal-merċa. Meta marret lura d-dar sabet lil Donna qed tistennieha fil-kċina. Staqsietha x’kien fih dak il-flixkun żgħir li ħarġet mill-basket tax-xiri, u hi weġbitha li kien mimli biż-żejt taż-żebbuġa. Donna waqgħetilha żaqqha, u talbitha tagħmlilha biċċa ħobż bih. Il-mamà ma qaltilhiex le, għax iż-żejt taż-żebbuġa sustanzjuż għas-saħħa, mhux bħall-ħelu li hu mimli biz-zokkor. Ħarġet sikkina mill-kexxun tal-pożati, qattgħet biċċtejn ħobż, ferrgħet fuqhom ftit żejt taż-żebbuġa, u qegħdithom fi platt quddiem Donna li kien qed tistennieh fuq ix-xwiek bi tbissima fuq fommha.

Dak il-ħobż frisk biż-żejt taż-żebbuġa tassew kien ifuħ, u kif Donna daqitu tgħidx kemm għoġobha. Kellu togħma tajba wisq. Xħin kilitu, riedet ftit ieħor, iżda l-mamà qaltilha li għal dakinhar kienet kielet biżżejjed għax ħafna ħobż biż-żejt kien jagħmlilha d-deni.

Donna kellha għajnejha akbar minn żaqqha. Meta l-mamà warrbet minn ħdejha, imliet il-platt biż-żejt taż-żebbuġa, u qagħdet ixxappap il-ħobż fih, u tieklu. Tant ħadet gost li lanqas tat kas kemm kielet ħobż. Dakinhar kienet l-ewwel darba li daqet iż-żejt taż-żebbuġa, u żgur li ma kinitx se tkun tal-aħħar.

Donna kellha tpatti qares tal-ikla ħobż biż-żejt li kielet. Aktar tard filgħaxija qabadha wġigħ ta’ żaqq qawwi, u tgħidx kemm bkiet. Ħassitha veru ma tiflaħx. Dak hu x’jiġrilu min ma jismax mill-mamà tiegħu! Il-mamà basret għala kien ġralha hekk avolja ma wrietha b’xejn; għax sabet il-ħobż nieqes mill-borża u ż-żejt nieqes mill-flixkun. Donna ħadet lezzjoni mill-iżball li għamlet minħabba li webbset rasha. Qatt iżjed ma reġgħet kielet ħobż biż-żejt aktar milli tatha l-mamà. Beżgħet li terġa’ tuġagħha żaqqha, u għalhekk m’abbużatx tiekol minnu żżejjed.

Ara Jiġix f’Pajjiżna!

Charles B. Spiteri

BDL Books - Laqtiet

Bla dubju, jekk dan ir-raġel jagħżel li jiġi Malta, żgur li ma joqgħodx jum bla xogħol għax kull kunsill lokali jipprova jħaddmu miegħu!

Andrew Hawes ta’ 43 sena, li ddejjaq bil-ħmieġ tal-klieb li ta’ kuljum iħammġu t-toroq fejn joqgħod, qed jilbes ilbies camouflage u jistaħba qalb l-arbuxelli fil-park ta’ Leiston, f’Suffolk, bl-iskop li jiġbed ritratti ta’ dawk is-sidien tal-klieb li ma jiġbrux il-ħmieġ li jagħmlu fl-art.

Meta jara lil xi ħadd iħalli l-ħmieġ mal-art, joħroġ fid-dieher u jhedded lil sidien il-klieb li jirrappurtahom jekk ma jnaddfux il-ħmieġ. Min ma jismax bil-kelma t-tajba, jiġi rrappurtat lill-pulizija, li joħorġu ċ-ċitazzjonijiet.

BDL Books - Laqtiet

Ladarba jkun liebes camouflage, Andrew, sewwieq tat-trakkijiet u missier ta’ erbat itfal, ħadd ma jinduna bih. Hu saħaq li qed jagħmel dan kollu għax il-ħmieġ tal-klieb jista’ jagħmi lit-tfal minħabba infezzjonijiet, u hu ma jridx li wliedu jispiċċaw ma jarawx tort ta’ sidien traskurati.

Hu u l-ġirien tiegħu jqattgħu ħin konsiderevoli jnaddfu l-ħmieġ tal-klieb ta’ ħaddieħor, u l-għada jerġgħu jsibu ħmieġ ieħor. Issa waqqfu grupp li l-membri tiegħu jagħmlu ronda regolari biex is-sidien jindunaw bihom u jiġbru l-ħmieġ tal-klieb tagħhom.

Mistoqsi dwar ix-xogħol li qed iwettaq ‘bil-moħbi’ hu qal li l-pulizija qalulu li mhux illegali, għax qed iwettaq ħidma ta’ CCTV u huma jimxu fuq ix-xhieda li jkollhom. Kull ċitazzjoni tiswa lis-sid maħmuġ u traskurat ta’ kelb is-somma ta’ €115.

Il-pitirross ħabib ta’ Donna

BDL Books - Il-Praspar ta' Donna

Donna ma kinitx tħobb il-Milied minħabba r-rigali, il-kartolini, it-tiżjin u l-btajjel biss. Kellha raġuni oħra għalfejn kienet tistenna din il-festa b’tant ħerqa. Kull sena, ftit qabel il-Milied, kienet iżżurha daqsxejn ta’ ħlejqa li tagħtiha ħafna gost.

Ma’ dħul Ottubru kien dejjem jitfaċċa pitirross ċkejken ċkejken u smin fil-bitħa tan-nanniet. Hekk kif kienet tilmħu jdur minn fuq zokk għal ieħor tas-siġra tal-larinġ, Donna kienet timtela bil-ferħ. Dak sidru oranġjo jagħti fl-aħmar tassew kien jaffaxxinaha għax kien ifakkarha fl-istorja li darba rrakkontalha n-nannu dwar id-demm ta’ Kristu msallab li qattar fuqu. Kienet tissammar tħares lejh minn wara l-ħġieġ tal-bieb tal-bitħa, għall-jiem sħaħ, sakemm jgħib wara xi tliet xhur.

Lin-nanna dejjem kienet titlobha tħejji skutella żgħira bl-ilma u oħra bil-frak tal-ħobż ħalli toħroġhom fil-bitħa. Hi hekk kienet tagħmel. Wara ftit, il-pitirross arah jinżel mis-siġra biex inaqqar xi ftit frak tal-ħobż jew jixrob xi ftit ilma frisk mill-iskutelli li n-nanna tkun għadha kemm poġġietlu fejn is-siġra tal-larinġ. Dak il-ħin, Donna kien ikun l-għaxqa tagħha ssejjaħ lin-nanna u turiha b’subagħha l-werrej minn wara l-ħġieġa lill-pitirross fejn dawk l-iskutelli tal-ikel u x-xorb. Darba fettlilha riedet taqbdu fit-trabokk ħalli tkompli tgawdih tul is-sena kollha, iżda n-nanna ma ħallithiex. Bħala ħlejqa t’Alla kellu d-dritt li jibqa’ jgħix fil-libertà, minbarra li kien ukoll għasfur protett mil-liġi. Donna mill-ewwel fehmet li kienet se tkun egoista jekk tipprova taqbad il-pitirross, avolja kienet trabbi n-nervi meta kien jgħosfor għax kien ikollha tistenna ż-żmien sa ma terġa’ tarah.

Sena minnhom, Donna stenniet lill-pitirross bħas-soltu, iżda kien kollu għalxejn. Il-pitirross baqa’ ma ġiex, u Donna tgħidx kemm bkiet għalih. Kienet dratu jiġi kull sena. Min jaf x’kien sar minnu dan il-ħabib ċkejken tagħha, miskin?

Skont ma qalilha n-nannu, il-pitirross wisq probabbli kien miet. Spjegalha li huwa u jdur bosta pajjiżi madwar id-dinja jista’ jkun li ltaqa’ ma’ xi perikli li temmewlu ħajtu bħall-maltemp, ir-riħ, inkella għasafar akbar minnu li attakkawh. Donna sewdet qalbha iżjed xħin semgħet kliem in-nannu, u bdiet timmaġina minn xiex seta’ għadda dak il-povru pitirross.

Donna ma riditx temmen lil għajnejha meta s-sena ta’ wara reġgħet rat pitirross fuq is-siġra tal-larinġ. Wiċċha xegħel, u marret tiġri tgħid lin-nanniet ferħana se ttir. Huma wkoll ħadu pjaċir bih malli lemħuh minn wara l-ħġieġ tal-bieb tal-bitħa. Tgħid kien l-istess pitirross tas-snin ta’ qabel jew ieħor ġdid? Kien x’kien, l-aqwa li dik is-sena, Donna kellha Milied komplut kif xtaqitu hi.

L-ajruplani privati ta’ Elvis Presley

Charles B. Spiteri

alt

Minn Graceland ħarġet l-aħbar li l-Lisa Marie u l-Hound Dog II, iż-żewġ ajruplani li kienu ddisinjati u nbnew għal Elvis Presley, se jibqgħu b’mod permanenti f’Memphis, fejn l-attrazzjoni turistika hi ċċentrata fuq il-ħajja u l-karriera tal-kantant.

Dan l-avviż temm il-konfużjoni li nħolqot fuq il-futur tal-istess ajruplani, li kienu jintużaw mir-Re biex ikun jista’ jivvaġġa u jmur jagħti l-wirjiet, wara li xtrahom lejn tmiem is-snin sebgħin.

L-ikbar ajruplan, Convair 880, issemma’ Lisa Marie, għal bint Elvis. Minn ġewwa qisu karozza lussuża li ttir. Fih kamra tas-sodda kbira, sistema stereo, kamra tal-konferenzi u l-vitien tal-kamra tal-banju huma miksija bid-deheb. Kien irranġat hekk wara li Elvis xtrah mingħand id-Delta Air Lines u tar bih l-ewwel darba f’Novembru tal-1975.

Meta l-kantant miet, fis-16 ta’ Awwissu 1977, il-pilota ta’ Elvis tajjar il-Lisa Marie sa Kalifornja biex ħa lil Priscilla Presley, l-eks mara tal-kantant, f’Memphis.

L-iżgħar ajruplan, li hu JetStar u ssemma’ Hound Dog II, ukoll intuża minn Presley.

Wara l-mewt ta’ Elvis, iż-żewġ ajruplani nbiegħu lill-kumpanija bl-isem ta’ OKC Partnership.

Minn nofs is-snin tmenin, din il-kumpanija u Graceland qablu li jipparkjaw l-ajruplani fi Graceland, fejn saru żewġ oġġetti mill-aktar mistennija mit-turisti, biex jarawhom minn ġewwa.

Iżda għalkemm il-ftehim li kien hemm iċċajpar xi ftit is-sena li għaddiet, issa jidher li ħarġet ix-xemx u kien deċiż li l-ajruplani jibqgħu f’posthom għal dejjem.

Ralph l-Indjan jilbes ta’ kawboj għall-Karnival

Ralph kien tifel tassew samrani. Minħabba f’hekk, sħabu laqqmuh l-Indjan. Dehrilhom li kien jagħtihom lemħa lill-Indjani. Pero` hu xejn ma ħa gost b’dal-laqam, u kien dejjem jgħidilhom li ma kellux x’jaqsam mal-Indjani la kien Malti bħalhom. Iżda ta’ nebbiexa li kienu, sħabu aktar kienu jgħajtulu Indjan bil-qalb, filwaqt li hu kien iħarsilhom bl-ikrah, u ma jkellimhom xejn. Għalih Donna biss kienet matura fost sħabu kollha. Dejjem sejħitlu b’ismu, u qatt ma ivvintatlu laqmijiet. Għalhekk kien joqgħod magħha fil-brejk.

Meta fil-party tal-Karnival Ralph daħal fil-klassi liebes ta’ kawboj, sħabu ma waqfux imaqdruh, u jiżżuffjettaw bih.

“Għax ma lbistx ta’ Indjan, għid?”, beda Leli.

“Pinġut kien joqgħodlok kieku l-kostum ta’ Indjan”, kompla miegħu Karl.

“Inti qatt rajt film tal-kawbojs? Dawk ma jkunux somor bħalek”, qallu Raymond.

“Vera tixraqlek ta’ kawboj, ħa ngħidlek! Qisek, qisek artist. Ħa ħa ħaj”, issokta Daniel.

Ralph ma weġibhomx, u qagħad rasu baxxuta jisma’ lil kulħadd jgħid tiegħu. Xħin tellgħuhomlu, mar ifittex lil Donna, u qagħad bilqiegħda maġenbha. Kienet semgħethom kollox, u vera kien qed jiddispjaċiha għalih. “Anki llum se jaqbdu miegħu?”, qalet f’qalbha. Indunat li f’għajnejh kellu d-dmugħ, u aktar tħassritu. Fil-pront ħarġet tissue mill-basket, u tathielu biex jimsaħ għajnejh biha. Imbagħad qabdu jitkellmu bħas-soltu. 

“Għalfejn qed tibki, Ralph? Għandek kostum sabiħ tant. Taf kemm inti pulit?”

“Kont ferħan bih dalgħodu, imma qagħdu jidħku bija, ja kattivi li huma.”

“Tagħtix kashom. La kellek aptit tilbes ta’ kawboj ħadd ma kellu għalfejn jindaħallek. Mhux kulħadd jilbes li jrid fil-Karnival!”

“Kelli nilbes hekk bilfors, Donna. Il-kostum ta’ kawboj silifuli l-kuġin għax ommi ma kellhiex flus biex tixtrili wieħed billi missieri jinsab marid ħafna, u għandu bżonn il-flus għall-kura.”

“Anki jien kelli nilbes il-kostum tat-tifla tal-ħabiba tan-nanna. Kemm ilu li miet il-papa`, il-mama` qed tibża’ iżjed għall-flus għax m’għandhiex xi paga għolja.”

“Imma vera li l-kawbojs ma jkunux somor? Nidher tad-daħk jaqaw, Donna?”

“Ralph, inti qatt rajt Ċiniża b’għajnejha mhux imġebbdin? Mela anki jien tad-daħk għax liebsa ta’ Ċiniża mingħajr ma nixbah liċ-Ċiniżi! Jien l-aqwa li lbist ta’ xi ħaġa biex nieħu gost ftit illum. Ma jinteressanix x’jgħidu l-oħrajn dwari.”

“Inti żgur li m’intix tad-daħk daqskemm jixraqlek il-kostum.”

“Inti wkoll tixraqlek ta’ kawboj. Kieku biss ma jeżistux kawbojs somor, inti tkun l-ewwel wieħed. U f’dak il-każ inti tkun kawboj oriġinali.”

Ralph qabad jitbissem għax għoġbitu tal-“kawboj oriġinali.” Donna dejjem fehmitu, u kellmitu bħala ħabiba sinċiera. Ħassu xortih tajba ferm li kellu lilha għax kienet ittellagħlu l-moral meta sħabu kienu jaqbdu miegħu. Waqt il-party hu u Donna qagħdu l-ħin kollu fejn xulxin. Tgħidx kemm kielu pizza u qassatat, u żifnu flimkien. Minn dakinhar `il quddiem daħħalha f’rasu biex qatt aktar ma jieħu għal sħabu, u jibda jagħti widen għal dak li tgħidlu Donna. Għalkemm Ralph u Donna kienu ħbieb kbar, kellhom jinfirdu wara xi żmien għax marru fi skejjel differenti. Qatt iżjed ma ltaqgħu, iżda l-memorji sbieħ li kellhom ta’ xulxin baqgħu mnaqqxin f’moħħhom u fir-ritratti li ħaditilhom l-għalliema fil-party tal-Karnival meta libsu ta’ kawboj u Ċiniża.

TMIEM