Il-Praspar ta’ Donna

Charmaine Tanti

Storbju sħiħ fid-dar

altDonna kienet tifla fuq ruħha wisq. Mindu marret toqgħod man-nanniet kienet dejjem tivvinta l-praspar u tinkwetahom. In-nannu kien jirrabja magħha, għax kien iridha tistudja minflok toqgħod taħli ħinha tagħmel il-ħmerijiet. Iżda hi kienet minn widna jidħol u mill-oħra joħroġ. Għalkemm kienet tipprova tobdih, malli jillarga minn ħdejha kienet tqum minn postha u tibda ddur u tagħqad mad-dar ħalli tara x’bawxata ġdida se tagħmel.
 
Darba minnhom l-għalliema ta’ Donna għamlet lezzjoni dwar il-mużika. Spjegat kif il-mużika ma tinħoloqx mill-istrumenti biss. Lill-istudenti tagħha wriethom kif anki jekk sempliċiment tħabbat mgħarfa ma’ tazza tal-ħġieġ tinħoloq tip ta’ melodija ħelwa, mentri jekk tħabbat l-għotjien ta’ żewġ borom ma’ xulxin, il-melodija li tinħoloq tkun ferm aktar qawwija.
 
Donna fetħet par widnejn daqsiex għal kliem l-għalliema tagħha, u tassew għoġbitha l-lezzjoni ta’ dakinhar. Meta waslet lura d-dar mill-iskola kielet platt soppa u wara għamlet il-homework man-nannu. Xħin lestietu n-nannu mar jimtedd għax kien għeja. Imma ma damx igawdi l-mistrieħ tiegħu għal ħin twil. Il-ħsejjes li beda jisma’ tarrxulu widnejh.
 
Lanqas laħaq ħareġ minn kamartu li ma rax lil Donna għaddejja fil-kuritur tħabbat l-għotjien tal-borom flimkien u tidħak kemm tiflaħ, għax kien irnexxielha tagħmel bħalma qaltilha l-għalliema tagħha. In-nannu ried jgħolliha, u wiċċu sar aħmar nar bir-rabja.
 
Iżda Donna kienet pronta telgħet ’il fuq għax kienet taf li n-nannu ma kienx se jitla’ warajha, billi kellu saqajh juġgħuh. Bla dubju Donna kienet tellfitu r-raqda tiegħu għalkollox dakinhar, għax baqgħet sejra tħabbat dawk l-imberkin għotjien tal-borom hi u ddur fil-kmamar ta’ fuq. In-nannu qabad jigdem idu daqskemm kien inkorlat għaliha, imma ma setax iwaqqafha għax kienet ħarbitlu, ja mqarba li hi!
 
Lin-nannu mhux biss dejqu dak l-istorbju sħiħ li għamlet Donna, iżda inkwieta ferm meta ftakar li dawk l-għotjien tal-borom kienu jiswew il-flus, għax kienu ta’ marka fina. Beda jaħseb li b’dak it-taħbit kollu Donna kienet se tirranġahomlu għall-frisk!
Xħin omm Donna daħlet id-dar mill-ewwel saret taf min kien qiegħed jagħmel dawk il-ħsejjes kollha li bdew iriegħdu kullimkien, għax gżaha n-nannu. Il-mamà telgħet fuq, tatha ħasla kif tmiss il-liġi u malajr kellha tinżel ’l isfel u tpoġġi l-għotjien lura fuq il-borom fl-armarju tal-kċina. Imbagħad qaltilha biex titlob skuża lin-nannu talli ma ħallitux jistrieħ. Hi hekk għamlet, u hu ħafrilha minnufih, għax kien iħobbha daqs dawl għajnejh. Donna tbissmitlu u wegħditu li ma terġax tagħmillu aktar bħal dakinhar. Qabel marret torqod tatu bewsa fuq ħaddejh bħas-soltu, għax hi wkoll kienet tħobbu ħafna, minkejja kollox.
 
Meta n-nanna rritornat mill-mawra tagħha f’Għawdex aktar tard filgħaxija, tgħidx kemm raddet slaleb malli tarrfulha li dakinhar Donna kienet għoddha ġennet lin-nannu bil-praspura l-ġdida li għamlet. Donna ma kienet se tinbidel qatt, għax min jitwieled tond ma jmutx kwadru.

Donna tintilef il-Buskett?

altDonna bdiet tibża’ waħidha taħt dik is-siġra kbira tal-ħarrub. Sħabha u l-għalliema fejn kienu marru? Imisshom telqu `l hemm u ħallewha waħidha! U xħin iroxx id-dlam x’kienet se tagħmel? Kif kienet se tmur lura d-dar?
 
Dakinhar Donna, kienet ħarġet ma’ tal-klassi. Billi qatt ma kienet marret il-Buskett tassew ħadet gost xħin rat dik il-kampanja kollha quddiemha. Qatt ma kienet sabet ruħha f’post daqshekk trankwill, fejn setgħet tisma’ biss l-għasafar jgħannu u xxomm ir-riħa tfuħ tal-fjuri u s-siġar.
 
Wara li Donna u sħabha ntefgħu bilqiegħda qalb il-ħaxix salvaġġ, ħarġu l-ħobż mill-basket u qagħdu jieklu u jitħaddtu bejniethom. L-għalliema wissiethom kemm-il darba biex ma jiċċaqalqux minn hemm, ma jmorrux jintilfu f’dak il-kobor kollu. Biex iżżommhom kwieti ħarġet il-ktieb tal-istejjer u qabdet taqralhom storja. Donna ma kellhiex aptit tismagħha, għalkemm għamlet tabirruħha li kienet qed togħġobha, ħalli l-għalliema ma tirrabjax magħha.
 
Malli għadda ftit tal-ħin u rat lill-għalliema mitlufa sew fil-qari u lil sħabha kollha jħarsu lejha u jitgħaxxqu bl-istorja, Donna żgiċċat u marret tistaħba taħt siġra ftit ’il bogħod. Għall-ewwel tgħidx kemm bdiet tidħak, għax kienet ħarbitilhom bla ma indunaw. Imma issa kienet ilha mistoħbija hemm aktar minn sagħtejn, u bdiet titħasseb. Ħadd ma kien mar ifittixha jew imqar għajtilha.
 
Kollha beżgħana Donna ħarġet mill-moħba tagħha u ġriet lejn fejn kienet ħalliet lill-oħrajn. Però ma kinux hemm. Ħassitha se tiġġennen. Min kien se jsibha? Infexxet f’bikja kbira, forsi xi ħadd jismagħha u jkollu ħniena minnha. Bdiet tgħajjat ukoll għall-ajjut, imma kien kollu għalxejn. Kien it-tort tagħha li kienet sabet ruħha waħidha l-Buskett. Għalfejn m’obdithiex lill-għalliema? Għalfejn riedet dejjem tivvinta xi praspura ġdida? Issa Alla biss kien jaf meta u kif kien se jirnexxilha toħroġ minn hemm.
 
Il-ħoss qawwi tal-iżveljarin qajjimha b’ħasda kbira. Donna qagħdet bilqiegħda fis-sodda għarqana xraba imma ftit ftit bdiet ġejja f’tagħha. Ma kellhiex għal xiex tinkwieta. Għall-erwieħ! Din kienet biss ħolma stramba. Mhux veru li kienet intilfet il-Buskett.

Il-homework ta’ Donna

altDonna kienet tagħmel il-homework dejjem man-nannu għax hu biss kellu l-paċenzja u kien jaf kif imur magħha. Kieku ma kienx għalih, ilhomework żgur li ma kienx isir għax Donna ma kinitx tħobb tagħmlu. In-nannu kien jinsisti li tagħti kas l-istudju bis-serjeta` biex la tikber taqbad karriera tajba. Iżda hi qajla kienet tagħti widen għal li jgħidilha. Qatt ma basret kemm kien qed jgħidilha għall-ġid tagħha!
 
Ġara li n-nannu kellu bżonn iqatta’ xi jiem l-isptar għax ħassu marid sew. Donna, issa, ma kellhiex ma’ min tagħmel il-homework. Ommha u nannitha bdew imorru jaraw lin-nannu kuljum u jħallu lil Donna mal-ġara xwejħa tagħhom. It-tifla ma kkonfondietx minħabba l-homework, u kienet tħallih fil-basket mingħajr ma mqar tipprova tagħmel xi ħaġa minnu.  Minflok, bdiet tgħaddi ħinha tara t-televixin mal-ġara sakemm filgħaxija kienu jiġu lura d-dar il-mamà u n-nanna mill-isptar meta mbagħad kienet tiekol xi ħaġa magħhom u wara tmur tinħasel u tidħol torqod.
 
Però, darba waħda, Donna ġiet daharha mal-ħajt xħin l-għalliema talbitha l-homework ta’ ġimgħa sħiħa biex tikkoreġih. Għall-ewwel ma kellmitha xejn taparsi ma semgħethiex, iżda meta l-għalliema baqgħet tistaqsiha għalih, Donna malajr ħaddmet rasha biex ma tinkisirx quddiem sħabha, u weġbitha: “Miss, il-homework mhux qiegħed hawn illum għax qam ma jiflaħx u kellu jibqa’ d-dar.” Il-klassi kollha nfaqgħet tidħak għax kulħadd kien jaf li l-homework mhuwiex tad-demm u l-laħam u li Donna qalet hekk biex iddaħħak. Anki l-għalliema bdiet titbissem u biex tkompli magħha, qaltilha: “Ara, miskin! Ma jiflaħx? Jaqaw qabdu xi riħ jew kiel xi ħaġa u għamlitlu d-deni? Qis li tgħidlu li l-Miss tixtieq ħafna tarah!” “Ok, Miss. Issa ngħidlu. Naħseb se ddum ma tarah għax ma jiflaħx sew”, reġgħet Donna mifqugħa bid-daħk.
 
L-għalliema ma kinitx ta’ subgħajha f’ħalqha u fis intebħet li Donna kienet waqqgħet għaċ-ċajt il-biċċa tal-homework ħalli tiffranka xi ċamata mingħandha. U kellha raġun biex tbiegħ! Aktar tard, il-mamà tagħha tkellmet magħha u tgħarrfitilha li l-homework ma kienx sar għax in-nannu mar l-isptar u ma kellhiex min jgħinha tagħmlu. Imbagħad, malli l-għalliema rrakkontatilha x’qaltilha Donna meta talbitulha, il-mamà ma waqfitx tidħak u marret tgħid b’kollox lin-nanniet. Għalkemm in-nannu ma ħax gost li t-tifla kienet marret l-iskola mingħajr il-homework, għoġbitu l-iskuża li ħarġet biha quddiem l-għalliema u tant daħak bil-qalb li għal ftit nesa l-mard u l-uġigħ kollu li kellu.
 
 
 

Il-qoxra tal-banana

altDonna kienet tħobbha ħafna l-banana għax minbarra li kellha togħma bnina, kienet tagħmlilha tajjeb għal saħħitha. B’hekk ħaditha drawwa taqbad waħda mill-fruttiera u tikolha kull meta jaqbadha l-ġuħ barra l-ħin tal-ikel. 
 
Kellha l-ħabta tieħu dil-frotta magħha fejn it-televixin biex tnaqqarha waqt li tkun qed tara l-programmi favoriti tagħha. Imbagħad meta tkun kilitha kollha, kienet twaddab il-qoxra tagħha mill-bogħod u timmiraha lejn id-dustbin. Dan kienet tagħmlu sforz l-għażż li kellha ħalli ma toqgħodx terġa’ tqum minn postha biex tarmiha.
 
Iżda darba waħda, il-qoxra tal-banana spiċċat fl-art f’nofs il-kċina minħabba li Donna ma rnexxilhiex timmiraha sewwa, bħas-soltu. Minflok ma qamet tiġborha u tarmiha, ħallietha hemm biex jarmiha xi ħadd ieħor li jinduna biha hu u dieħel fil-kċina. 
 
U miskin dak ix-xi ħadd li inzerta kien in-nannu! Il-qoxra tal-banana ma rahiex u għalhekk rifisha u ħadha għal dahru għax kienet tiżloq daqs is-sapun. Kemm għajjat bl-uġigħ hemm fl-art! Ma felaħx jerġa’ jqum waħdu fuq riġlejh. In-nanna u l-mama` għamlu minn kollox biex jgħinuh, imma ma setgħux iqajmuh mill-art. Kellhom isejħu lill-ġirien li, sa fl-aħħar, refgħuh u middewh fuq is-sufan. In-nannu tassew ħassu mdamdam bit-tisbita qawwija li ħa, għalhekk it-tabib qallu biex jistrieħ sew sakemm jgħaddilu u ordnalu jieħu xi pilloli u jidlek l-ingwent.
 
Dakinhar, Donna tgħallmet din il-lezzjoni: It-traskuraġni tista’ toħloq inċidenti gravi. Kienet, tabilħaqq, intebħet li kien kollu t-tort tagħha li weġġa’ n-nannu, għalkemm ma qalet b’xejn lil ħadd billi beżgħet li taqla’ xi għajta. Għalhekk, bdiet toqgħod attenta b’seba’ għajnejn ħalli ma tħallix xi qoxra oħra tal-banana mal-art ma jmurx jerġa’ jaqa’ xi ħadd fiha.
 

Is-suffara

altXħin il-mamà u n-nanna raw dik is-suffara safra f’id Donna, wissewha biex ma tmurx issaffarha fejn in-nannu li kien rieqed raqda tajba billi kellu wġigħ ta’ ras taqsam u bela’ żewġ asperini. Ma riduhiex tagħmel l-iċken ħoss ma jmurx iqum u terġa’ tibda tuġgħu rasu. Donna taparsi xtaqet tobdihom, bħas-soltu, imma ma tantx kienet taf iżżomm il-wegħda tagħha.
 
Kif sabet ruħha waħidha, daħlet baxx baxx fuq pont subgħajha fil-kamra tas-sodda fejn kien hemm in-nannu rieqed wiċċu ‘l fuq qisu Bambin. Marret fejnu, poġġiet is-suffara f’ħalqha u bdiet issaffar b’kemm kellha saħħa. 
 
In-nannu qam maħsud u qabad jogħrok ras u jgħajjat: “Ajma rasi! Ajma x’uġigħ għandi!” Donna nfaqgħet tidħak għax kienet qajmitu minn dik ir-raqda. In-nannu baqa’ jgħajjat waħda f’waħda sakemm semgħuh il-mama` u n-nanna u telqu jiġru ħdejh. Sabu lil Donna bis-suffara f’ħalqha u b’wiċċha aħmar nar bid-daħk u lin-nannu jitkerrah u jokrob bl-uġigħ. Tant għamlu għal Donna bl-ikrah li marret torqod kmieni għax għamlet il-buri u ħbiet is-suffara taħt l-imħadda ħalli ma jeħodhielha ħadd. In-nannu kellu jieħu żewġ asperini oħra biex reġa’ raqad fil-fond.
 
Għadda l-ħin u n-nanna u l-mamà kienu qegħdin jaraw ftit televixin qabel jidħlu jorqdu. Biex żgur ma jagħmlux storbju minħabba n-nannu, ħallew il-volum tat-televixin baxx u lanqas qalu kelma li hi kelma bejniethom. F’salt wieħed kienu għoddhom qabżu pied minn fuq is-sufan meta semgħu tisfira qawwija daqs tar-referee waqt logħba futbol.
 
Mill-ewwel ħasbu ħażin f’dik ix-xifajk ta’ Donna u kellhom raġun. Ftit wara, marru jaraw minn fejn kien ġej dak it-tisfir u sabuha fil-kuritur bis-suffara f’ħalqha wara l-bieb tal-kamra tas-sodda tan-nanniet. Il-mamà dlonk ħatfitilha s-suffara qabel ma terġa’ ssaffar xi tisfira oħra u tisfratta lin-nannu mir-raqda. Baqgħet sejra tarmihielha fil-ġardina ħalli żgur ma ssibhiex. Donna tgħidx kemm bkiet għax ma kellhiex oħra ħliefha. Imma li ġara kien kollha ħtija tagħha għax hi kienet ħsiebha biss fiex toqgħod tinbex lin-nannu.  
 
 

Il-biża’ mill-ħallelin

altIz-zija Becky kienet titwerwer bil-bosta mill-ħallelin. Kellha għalxiex tibża’ għax in-naħa tagħha sikwit kienu jisirqu minn xi dar jew ħanut. Mistagħġbin kemm kien hemm ħallelin tal-prima klassi! Ma setgħu jinqabdu b’xejn. Iz-zija kienet tiftaħ par widnejn daqsiex kull darba li tisma’ b’xi serqa ġdida fil-ħanut tal-merċa. Matul il-jum kienet tedha fil-faċendi, iżda hekk kif jibda jroxx id-dlam kienet titlaq kollox minn idejha biex tfittex issakkar il-bieb ta’ barra, u tpoġġi l-istanga warajh. Wara kienet ddur kull tieqa ħalli tagħlaqha sew ma jmurx jidħlilha xi ħadd billejl.
 
Xħin jasal imbagħad ħin l-irqad, iz-zija kienet issakkar il-bieb tal-kamra tagħha, u tressaq il-gwardarobba warajh bi tbatija liema bħalha. Kienet tieħu battikata kull filgħaxija sakemm tbattalha mill-ħwejjeġ kollha biex ittaffi mit-toqol tagħha ħalli tkun tista’ tkaxkarha sa wara l-bieb. Li kieku ma kinitx tagħmel hekk, żgur li ma kinitx tagħlaq għajn m’għajn. Għall-inqas b’dal-mod setgħet isserraħ xi ftit moħħha li ħadd ma kien se jitfa’ l-bieb ġewwa kif ġieb u laħaq, u jagħtiha xi qatgħa fatali.
 
Darba waħda, ħuha Toni mar iżurha flimkien ma’ martu Rita u ċ-ċkejkna tagħhom Donna. Waqt li kienu lkoll madwar il-mejda tal-ikel jixorbu t-te, u jnaqqru biskuttin, id-diskors waqa’ fuq is-serq. Iz-zija wriethom kemm kienet imħassba u inkwetata minħabba dawk l-imberkin ħallelin, u li kienet qiegħda tistenna li xi darba għad jisimgħu li serquha. 
Ma naqsitx ukoll li ssemmilhom il-biċċa tal-gwardarobba, u Toni għal naqra ma nfaqax jidħak f’wiċċha għax beda jġibha quddiem għajnejh qiegħda titqanżaħ b’dik il-gwardarobba antika ta’ nannithom Żarena li kienet akbar minnha darbtejn. Meta ratha daqshekk imbeżżgħa, Rita, kollha mistħija, skużat ruħha magħha li ma kellhomx fejn iżommuha magħhom imqar għal erbat ijiem sa ma jikkalma s-serq, u Toni għamel bħalha. Iz-zija weġbithom li kienet lesta tmur tinġabar mas-sorijiet jekk ikun hemm bżonn basta ma tkomplix thewden fuq is-serq. Toni u Rita ma merewhiex.
 
Xi ġranet wara, Rita waslet lura d-dar mix-xogħol, u baqgħet tielgħa fuq bħal dejjem biex tagħti bewsa lil Donna qabel ma torqod. Dakinhar il-bieb tal-kamra tagħha inzerta kien magħluq. Kif fetħitu, Rita kienet għoddha waqgħet fis-siġġu u fiż-żewġ soft toys forma ta’ kelb u ljunfant li sabet wara l-bieb. Donna talbitha biex tħallihom fejn kienu, ma jmurx jitfaċċa xi ħalliel billejl u jidħol ħdejha. Quddiemha kellha wkoll siġġu ieħor bit-teddybear bilqiegħda fuqu għassa għall-ħallelin. Rita bdiet titbissem għax dlonk intebħet li Donna kienet tħajret tagħmel bħaz-zija Becky billi kliemha kien impressjonaha. Imbagħad resqet maġenbha fejn is-sodda, u bil-ħlewwa kollha qaltilha li ma kellhiex minn xiex titwerwer la darba hi u l-papà kienu magħha d-dar. Wara, neħħiet is-siġġijiet u s-soft toys min-nofs, tatha bewsa kbira fuq ħaddejha, u tfitilha biex torqod. Donna raqdet mill-ewwel għax sewwa kienet qaltilha l-mamà li żgur li ma kien se jiġrilha xejn. Meta sar jaf Toni x’għamlet bintu, huwa ggustaha bl-innoċenza tagħha, l-istess bħalma għamlet Rita.