Sam Delceppo

Sam Delceppo, pensjonant, imwieled Bormla, hu kittieb ta’ bosta radjudrammi, sensiliet u programmi varji għar-radju kif ukoll għat-televiżjoni.
 
Kittieb ta’ tliet rumanzi, għadd ta’ novelli u xogħlijiet li ġew ippubblikati f’Malta u li nstemgħu wkoll fuq stazzjon tar-radju ġewwa l-Awstralja. Awtur tas-sensiliet televiżivi Sptar San Valentinu, Imbierek il-Għażż u Fredu l-Fra.
 
Ippremjat għar-radjudrammi, teleplays u serials. Kittieb ta’ għadd ġmielu ta’ kummiedji għall-palk li ttellgħu f’teatri f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
 
Ippubblika ġabra ta’ novelli fil-magażin Antenna u r-rumanz Il-Qtil tat-Tabib Zammit (Bronk Productions). Kellu rumanzi oħrajn imxandra fuq ir-radju u oħrajn li huma lesti għall-pubblikazzjoni. Fl-2015 ippubblika r-rumanz Passjoni ta’ Mħabba (BDL Publishers).
 
Miżżewweġ lil Imelda née Gouder u għandhom żewġt itfal, Ruth u Simone. Peress li huwa rtirat, jiddedika ħinu kważi kollu għall-kitba letterarja, teatrali u kulturali. Jemmen li l-kittieb hu alla żgħir, għax barra li joħloq irid ikun ġust mal-karattri li jikkrea, kemm tajbin kif ukoll ħżiena.

alt