Mikiel Camilleri Haber

Mikiel twieled fis-7 ta’ Mejju 1988, u ma damx ma beda jikteb. L-ewwel (u l-maġġoranza) tal-kitbiet tiegħu kienu poeżiji u lirika. Fil-fatt, ta’ 6 snin beda jħarbex l-ewwel versi. Biex jiftakar dak li jkun kiteb iktar faċilment, dara jqabbel il-kliem ma’ mużika ta’ melodiji popolari, il-maġġorparti tagħhom kanzunetti tal-Beatles, Queen u Paul Simon. Tnejn mill-aktar artisti li ammira minn mindu kien daqsxejn ta’ tifel ferrieħi huma Elijah Wood u Paul McCartney.Mikiel-Camilleri-Haber BDL Books

Daħal l-MCAST jistudja l-Media fl-2009 u fl-2014 gradwa b’Baċellerat fil-Media (Moving Image). Wieħed mill-aktar proġetti għal qalbu minn dawn iż-żminijiet kien il-film qasir El Camino Hacia Las Rosas (2014), li kien iffukat fuq il-karattri u l-istorja mingħajr ma kellu screenplay konvenzjonali. Il-film intlaqa’ tajjeb ħafna mill-udjenzi li rawh, u rebaħ il-premju Bronze Palm Award fil-Mexico International Short Film Festival (2015).

Fl-2013 ħareġ l-ewwel kollezzjoni ta’ stejjer tiegħu fil-ktieb Ħallih Ħa Jonfoħ ir-Riħ (Bronk, 2013), miktub għal udjenza adulta. Ħafna mill-ideat għall-istejjer Mikiel ħolomhom meta kien ikun għoddu raqad fuq il-karozza tal-linja fi triqtu lejn id-dar f’Ħal Tarxien, mill-MCAST tal-Arti u d-Disinn, il-Mosta.

Fl-2017, BDL ippubblikaw l-istejjer tal-praspar ta’ Ġużi Fiteni, fil-ktieb Meta Ġużi Kien Abbati (BDL, 2017). Għalkemm l-inċidenti fl-istejjer kollha huma mistħajla, dan il-ktieb huwa mmirat lejn udjenza iktar żgħira fl-età, u tfal. Kien ispirat ukoll minn diversi karattri u episodji li l-awtur kien b’xi mod mess magħhom fi tfulitu.

Fl-2018, Mikiel ikkollabora ma’ Mark Doneo fil-kitba tal-iskript għall-film għaċ-ċinema Hemm Dar il-Qala (The Weeping House of Qala). Films tal-ġeneru horror, meta jkunu maħdumin tajjeb, lil Mikiel jinżlulu għasel daqs l-aqwa tazza nbid ħamra.

Fl-2019, BDL ippubblikaw it-tieni damma ta’ stejjer ta’ Mikiel – ġabra li ssib l-isem ta’ Dal-Baħar Iswed. Dan il-ktieb Mikiel iqisu l-kontinwazzjoni ta’ dak li beda f’Ħallih Ħa Jonfoħ ir-Riħ. Jinkludi fih ukoll selezzjoni ta’ poeżiji bil-Malti li kiteb tul dawn l-aħħar għaxar snin.

Mikiel miżżewweġ lil Christa u flimkien għandhom daqsxejn ta’ tifel ferrieħi li semmewh Elijah Paul.