Josef Grech

 

Josef Grech iben Martin u Dorothy xebba Caruana. Twieled fl-24 ta’ Mejju 1981. Il-Mużika twieldet miegħu għax ommu kienet iddoqq il-klarinett u d-drums ma’ diversi baned Maltin. Josef ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Primarja ‘A’ u ‘B’ tal-Belt Valletta, wara fl-iskejjel Sekondarji.

altJosef wera l-ġibda li kellu għall-mużika sa min età żgħira, filfatt beda jitgħallem il- mużika ta’ erba’ snin, fl-1985 ma’ Mro. Victor Debattista u ma’ Mro. Carmelo Caruana mal-banda Cittadina King’s Own tal-Belt Valletta bejn l-1987 sa 1991 ma’ Mro. Carmelo Pace. Għalhekk ma setax ma jibnix fuq sisien sodi l-ewwel tagħrif tal-arti mużikali. Aktar tard beda l-istudju fuq il-kuntrapunt, fl-istrumentazzjoni, storja, forma u direzzjoni għand is-Surmast Joseph Tonna.

Fid-9 ta’ Novembru 1997 jiġifieri ta’ sittax-il sena beda l-kariga tiegħu t’Assistent Surmast Direttur mas-Soċjetà Filarmonika Lourdes ta’ Raħal Ġdid u fis-sena 2002 inħatar Surmast Direttur mal-istess Banda. Ftit wara, fl-1 ta’ Frar 1998, inħatar Assistent Surmast mal-Banda Filarmonika Santa Marija tal-Mosta li dam sas-sena 2000. Fid-9 ta’ Settembru 1998 jiġifieri ta’ sbatax-il sena nħatar l-ewwel Surmast Direttur u fundatur mal-Filarmonika Marija Assunta ta’ Ħ’Attard u fid-29 ta’ Lulju 2003 inħatar Assistent malistess Soċjetà fuq inizjattiva tiegħu, fl-4 ta’ Mejju 1999 kien waqqaf l-Assunta College of Music, l-ewwel kulleġġ ġo pajjiżna, li kien jokkupa l-kariga ta’ Direttur Ġenerali.

Fis-16 ta’ Mejju 2003, fuq inizjattiva tiegħu, twaqqfet is-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali Santa Ċeċilia li qiegħed jokkupa il-kariga ta’ Direttur Mużikali, u kien jagħti s-sehem tiegħu fil-knejjes tal-Ġiżwiti kif ukoll tal-Pilar tal-Belt Valletta li kien jokkupa l-kariga ta’ Maestro Di Cappella. Kien it-Tnejn 29 ta’ Mejju 2000 meta ħa l-ewwel premju bis-silta “The Victory of Millenium” ġie onorat mill-Eċċelenza Tiegħu l-President ta’ Malta il-Professur Guido De Marco u rebaħ diploma minn barra xtutna sewwa sew mill-Euro Institute for Higher Education.

Josef Grech huwa wkoll membru fil-Performance Right Society (PRS) ta’ Londra. Matul dawn is-snin Josef ikkompona mużika sagra, klassika u diversi innijiet ta’ parroċċi, każini tal-baned u oħrajn. Fost ix-xogħlijiet li għamel ta’ min isemmi:

Innu tal-Banda Marija Assuna – Ħ’Attard, Innu lil Marija Assunta “Iftaħ Qalbek” – Ħ’Attard, Innu tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes – Raħal Ġdid, Innu Marċ lil Madonna ta’ Lourdes – Raħal Ġdid, Tislima lil Madonna ta’ Lourdes – Raħal Ġdid, Innu Marċia Santu Wistin – Valletta, Innu lil Madonna tal- Karmnu – Valletta, Innu lil Kristu Rxoxt, Innu tad- Duluri, Innu tal-Madonna tad-Dmugħ, Innu APAN, Innu għall-Belt Kapitali Valletta, Innu lil Santa Ċeċilja, Cantata Ad Unur il-Madonna ta’ Lourdes Raħal Ġdid, Marcia Sinfonica 2000, Fantasia 2000, Gran Concerto, Abra Katabra, La Torrero, L’Ultimo Bacio Overture, il-Ħolma tal-Millenium, Ave Marija, Fuq is-Salib, Aħfrilna lkoll, The Victory of Millenium, Grandjuż Overture, Qawwi Qalbek,Vexilla Regis, Ġieħ il-Pinna tal-Kompozituri No 1, No 2, L-Ordni tal-Kavallieri, Invictus u 50 sena mill-mewt ta’ Dr Enriko Mizzi.Ikkompona wkoll numru kbir ta’ marċi funebri u marċi brijużi.

Josef Grech iddiplomat u għandu dawn id-diplomi: A.Mus,E.I.H.E, L.Mus,E.I.H.E, F.Mus,E.I.H.E, Onor. Band Conductor, E.I.H.E, Doctor of letters in Music, E.I.H.E, Doctor of Philosophy in Music,E.I.H.E, O.P.K.C.T.S.K.T. The Order of the Poor Knights of Christ and of the Temple of Solomon Knights Templars (Scotland).

Il-passatempi tiegħu huma li jisma’ l-mużika klassika u jissaportja lit-team tal-Bayern Munich. Passatemp li kien għal qalbu ħafna kien li jiltaqa’ mal-Perit Duminku Mintoff, biex jitkelmu fuq dak li Malta għaddiet minnu.

Josef Grech ħareġ numru kbir ta’ CD’s li uħud minnhom ġew irrekordjati barra minn xtutna. Fis-sena 2011 Josef Grech beda jikteb il-bijografija tal-Perit, Duminku Mintoff u Malta fi żmienu, kiteb ukoll il-ktieb Mintoff u Sant. Kien ftit ħin wara l-mewt tal-Perit Duminku Mintoff, waqqaf il-Fundazzjoni Duminku Mintoff. Josef Grech lill-Perit dejjem żammu bħala l-idolu tiegħu.