
Kav. Joe M Attard
Twieled ir-Rabat Għawdex fl-1 ta’ Jannar 1946 u ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tal-Gvern fir-Rabat Għawdex. Kompla fil-Liceo Ninu Cremona ta’ Victoria, u wara xi zmien Gwida tat-Turisti, u iktar tard pustier; għamel sentejn ta’ taħriġ għal Għalliem f’St. Michael’s Training College of Education f’Ta’ Giorni, San Ġiljan (1967 – 69). Studja wkoll fil-Collegio Universitario Mario Bracci ta’ Siena fl-Italja fejn segwa kors ta’ Perfezzjonament fil-Lingwa Taljana fl-1972. Għallem il-Malti għal fuq minn tletin sena fl-iskola Sekondarja tal-Kumpless Ninu Cremona Victoria u l-Malti lil residenti barranin li jgħixu f’Għawdex. Għal għadd ta’ snin Assistent Kap kif ukoll Aġent Kap tas-6th Form f’Għawdex. Għadna nsibuh bħala Eżaminatur fl-Orali tal-Malti tal-Matrikula fil-livell Ordinarju u u Intermediate. Membru tal-Akkademja tal-Malti u awtur ta’ bosta poeżiji, essays u features letterarji (wħud minndawn nstemgħu fuq ir-Rediffusion u anke fuq Calypso Radio matul il-Gimgħa Mqaddsa u fi żmien il-Milied). Kiteb mill-ġdid ir-rumanz storiku Nikol Abdul b’malti rivedut tal-Akkademja u stampat mill-KKM u li daħal ukoll bħala wieħed mit-text books għal eżami tal-Matrikola. Maħtur Kavallier tal-Ordni Unione Cavalleria Cristiana Internazionale (UCCI) fl-1984 u huwa s-Segretarju tal-Għaqda Gurnalisti u Kittieba Għawdxin sa mit-twaqqif tagħha fl-1960. Għal snin twal membru fl-Astra Dramatic Company u President tal-fergħa tal-Irġiel tal-Azzjoni Kattolika,Victoria. Għal dawn l-aħħar 20 sena Preżentatur ta’ Chat Show fuq Calypso Radio darba fil-ġimgħa u fuq LBV, ir-radio tal-Kommunita’ parrokkjali ta’ San Gorg Victoria.
Miżżewweġ lil Maria nee Zammit u għandhom tlett itfal: Nathaniel, Kap tat-taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Stazjon Televisiv lokali, Fr. Geoffrey, għalliem u Viċi Parroku, u Francesco Pio.