Ġino Lombardi

BDL Books - Gino LombardiĠino Lombardi twieled il-Furjana fit-23 ta’ Lulju tal-1960. Huwa żżewweġ lil Carmen nee’ Vella fl-1987 u għandhom żewġt ibniet, Kimberley u Nicole.

Ġino huwa t-tielet fil-ġenerazzjoni ta’ kittieba. Qablu kien hemm Emilio, li għex bejn l-1881 u l-1956, (bużnannuh), u li kiteb madwar mija u għaxar kotba. Uħud minn dawn huma L-Għama ta’ LourdesIs-Sigriet tal-QrarL-IltiemaTgħallaq u Baqa’ Ħaj! Ġino huwa iben Elio, li wkoll ippubblika diversi rumanzi, fosthom L-Eku tad-Daqqa ta’ ĦartaSonya u Anġelo l-Iswed.

Lombardi ilu jifforma parti mill-Forzi Armati ta’ Malta sa mill-1983.

Fost id-delizzji tiegħu għandu t-tpinġija, id-drama u l-kitba. Ġino ilu jikteb sa minn meta kellu madwar ħmistax-il sena. Kiteb diversi novelli, li bosta minnhom inqraw fuq stazzjonijiet tar-radju, waħda minnhom inħadmet bħala film ghat-televiżjoni. Fil-fatt riċentement huwa kklassifika fit-Tielet Post f’konkors ta’ novelli bil-kitba tiegħu ‘Fejn Mar Kulħadd?’ Aktar riċenti in-novella ‘Mort sal-Bank!’ għaddiet bħala finalista f’kompetizzjoni għal stejjer qosra organizzata minn ONE TV minn fost aktar minn 400 novella oħra.

Ġino Lombardi ippubblika erba’ rumanzi GrammiLeroy  Il-Villa li Tleqq, Leroy L-Eroj! u Id mill-Ġenna. Barra minn dawn għandu rumanz ieħor (Paniku) lest għall-pubblikazzjoni u ieħor fil-proċess tal-kitba.

Kif għedna aktar qabel huwa għandu għal qalbu t-tpinġija. Fil-fatt huwa jħobb idaħħal xi disinn li jkun għamel huwa stess fir-rumanzi tieghu.

Iżda huwa jħobb ukoll id-drama u ħa sehem f’diversi rappreżentazzjonijiet teatrali ma’ ħafna kumpaniji, kif ukoll deher f’diversi sensiliet u programmi televiżivi, kif ukoll f’films lokali u barranin.