Emmanwel F. Attard

Emmanwel F. Attard

Twieled Ħaż-Żebbuġ (Malta) fl-1931, iżda issa ilu jgħammar Birżebbuġa sa mill-1979. Skola Primarja Ħaż-Żebbuġ u ssokta l-istudju tiegħu fil-Kulleġġ Flores, fil-Kulleġġ għat-Taħriġ tal-Għalliema, u għal xi żmien fl-Universita`.

Għal ftit tas-snin ħadem mas-Servizzi Ingliżi, biss fl-1955 daħal Għalliem tal-Emerġenza fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u beda jgħallem fl-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ stess. Fl-1963 mar jgħallem fl-Iskola Sekondarja Teknika ta’ Raħal Ġdid u, fl-1964 intbagħat jgħallem (l-aktar il-Malti) fil-Liċeo (1964-78). Fl-1978 inħatar Asst. Kap tal-Iskola Primarja, fejn qeda dmirijietu f’din il-kariga sal-1984 fl-Iskola ‘B’ ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi. Minn dik is-sena, Attard aġixxa ta’ Aġent Kap ta’ Skola fl-Iskejjel Primarji f’San Sebastjan, Ħal Qormi stess, fl-Imqabba u f’Birżebbuġa. Irtira ta’ 61 sena fl-Iskola ‘B’ bħala Kap ta’ skola.

Bejn l-1978 u l-1992 Attard inħatar Segretarju Onorarju tal-Akkademja tal-malti (kariga li żamm għal seba’ perjodi konsekuttivi). Wara dil-kariga nħatar teżorier fl-1995 sa ma rtira mill-Kunsill sena jew sentejn wara. Serva kemm-il darba bħala eżaminatur ta’ eżamijiet pubbliċi, kif ukoll ta’ diversi konkorsi letterarji (fosthom dak imniedi kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb). Fl-1980 Attard kien ukoll iċ-Ċerman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Festi tas-VI Ċentinarju ta’ Ħaż-Żebbuġ. Barra minn hekk, kien ukoll membru attiv fit-twaqqif tal-monumenti nazzjonali lil Manwel Dimech, Dun Mikiel Xerri, u b’mod speċjali ta’ Mikiel Anton Vassalli.

Fost il-pubblikazzjonijiet letterarji – barra għadd kbir ta’ artikli f’ġurnali u rivisti lokali – barra wkoll dan il-ktieb, Aqra, Xtarr, Agħder!,fl-1972 Attard kien ippubblika l-ewwel ktieb ta’ esejs tiegħu, Ħassejt…Ħsibt…Ktibt! Dan il-ktieb kien intlaqa’  tajjeb mill-kritiċi letterarji – sa ddaħħal fl-iskejjel sekondarji (dawk statali u anki privati), u partijiet minnu ttieħdu wkoll għall-eżami tal-Malti tal-G.C.E., kif kien magħruf f’dik l-epoka. Ittraduċa wkoll għall-Malti żewġ rumanzi ta’ Jules Verne li nqraw fuq Radju Malta u li ġew ippubblikati, wieħed Is-Sigriet ta’ Wilhelm Storitz f’Il-Ħajja, u l-ieħor Is-S.I.D. (‘Sid id-Dinja’), – Fil-Gwida. Attard għamel ukoll traduzzjoni tat-teledramm tal-BBC, il-plej Raġel tad-Destin, ta’ George Bernard Shaw – li ntweriet fuq il-Malta Television.

Attard kien jiddelitta fil-kwiżżis. Naturalment mhux l-ewwel darba li ħareġ tellief – imma huwa kien rebaħ il-finali fuq Cable Radio One fi tliet okkażjonijiet: Redifortuna (1974), Il-Mazz f’Idejk (1977) u Ta’ l-Aħħar Ibaħħar (1978).