Sbuhija Mohlija

U Stejjer Oħra

978-99957-018-2-6
Paperback

Out of stock

Join the waitlist to be emailed when this product becomes available

Description

Wieħed jista’ jgħid mingħajr biża’ li jiżbalja li Maupassant la kellu reliġjon u lanqas filosofija vera tal-ħajja.  B’danakollu tinħass sew fih l-influwenza pessimista tal-filosfu Ġermaniż Arthur Schopenhauer.  F’Minwett u Sbuħija Moħlija l-aktar li sejrin taraw tispikka din l-influwenza f’din il-ġabra.

It-traduttur il-Professur Anthony Aquilina ma setax ma jinkludix ukoll storja li tittratta l-makabru, jew kif soltu nirreferu għalih, ir-rakkont fantastiku li tant u tant eċċella fih Guy de Maupassant.  L-għażla tiegħu waqgħet fuq Id il-Maqruħ, ispirata minn ‘rigal’ li tah Algernon Charles Swinburne, bħala tifkira meta saru midħla ta’ xulxin fid-dar li ċertu Powel kellu f’Etretat fin-Normandija, fejn kien ġie mistieden wara s-sehem li ta  biex il-poeta Ingliż seta’ jsalva mill-għarqa.

Fin-Normandija hemm ambjentati talanqas terz mill-istejjer li kiteb Maupassant.  Hu baqa’ fidil lejn art twelidu (le pays de Caux) sal-aħħar.  Għad li fi Il Papa’ ta’ Simon u f’Magħmudija ma nsibux referenza diretta m’hemmx dubju li huma ambjentati hemm.  Referenzi diretti għan Normandija insibuhom fi Ix-Xwejjaħ Pa Milon u f’Id il-Maqruħ.  Biss waqt li f’tal-ewwel  l-aktar li tispikka hija t-tema tal-gwerra Franco-Prussjana tal-1870-71, f’tat-tieni jispikka l-makabru, u n-Normandija talterna ma’ Pariġi fin-nisġa tal-istorja.

Il-maġġoranza tal-istejjer f’din il-ġabra fil-fatt ambjentati Pariġi. F’Minwett l-azzjoni tiżvolġi fil-ġnien tal-Luxembourg.   L-istess inkwantu għar-rakkont Ġifa u n-novella, Sbuħija Moħlija. Fi Vjaġġ Sanitarju mbagħad niltaqgħu mal-koppja Panard li mill-Belt Kapitali titlaq lejn il-Mediterran biex tevita l-mard iżda ma ddumx wisq ma tidħol lura minħabba malintiż pjuttost komiku.  Daqstant ieħor komika l-istorja Il-Karezzi fejn ir-referenza għall-knisja ta’ La Madeleine tagħmilha ovvja fejn joqogħdu l-protagonisti.

It-traduttur għażel Il-Karezzi għax fiha Maupassant jitkellem fuq in-nisa.  Nafu li hu kellu x’jaqsam ma’ ħafna u ħafna nisa.  Iżda fl-istess ħin xejn ma kellu opinjoni tajba tagħhom.  Kien jarahom bħala kreaturi inferjuri imma kapaċi ijassru lir-raġel bi sbuħithom u jekk hemm bżonn anki bl-istess dgħjufija tagħhom.  Wieħed ma jiskantax għalhekk li hu kien ifittxhom għall-avventuri sesswali u xejn aktar.

Fl-aħħar nett il-Professur Aquilina ma riedx iħalli barra l-element eżotiku li kienu tant iħobbu jdaħħlu f’kitbiethom l-awturi tal-epoka tiegħu.  Id-drawwiet ħorox f’ambjent daqstant ieħor aħrax bħal dawk li wieħed kien jiltaqa’ magħhom f’Korsika jammontaw għal esperjenza għariba maqtugħa mir-rutina tal-ħajja kif kienu mdorrijin jgħixuha fi Franza.  Wara Vendetta li dehret fit-tieni volum, hawnhekk ser issibu Brigant Korsikan.

Additional information

Weight 205.0000 g
Dimensions 21.5 × 13.5 cm
Publisher
Pages 152
ISBN 978-99957-018-2-6
Format Paperback
Year of publication 2012

Product categories and tags

SKU: 9789995701826

You may also like…