Mistoqsijiet dwar il-logħob bil-Malti

Maltopja

Jista’ gwardjan lokali jgħaddi minn fuq belt jew raħal, roundabout jew xi toroq fejn hemm plejers oħrajn?

Wara kull turn, plejer jista’ jmexxi wieħed mill-gwardjani lokali sa sitt passi. Il-gwardjani lokali jistgħu jgħaddu minn kullimkien imma jistgħu jieqfu biss fit-toroq. Il-gwardjani lokali ma jistgħux jagħmlu użu mill-bus lanes. Plejer jaqla’ multa meta jkun immissu jilgħab u jgħaddi minn fuq l-istess kaxxa tal-gwardjan lokali, jew jasal fuq il-kaxxa tiegħu. Jekk fi triqtu jiltaqa’ ma’ żewġ gwardjani lokali jaqla’ żewġ ċitazzjonijiet.

Kemm-il gwardjan lokali jista’ jċaqlaq plejer f’kull turn?

Kull plejer jista’ jmexxi wieħed mill-gwardjani lokali sa sitt passi wara li jkun mexxa l-mezz tat-trasport tiegħu.

Fejn għandhom jitpoġġew il-pedini tal-avvenimenti speċjali?

Qabel ma tibda l-logħba, il-pedini tal-avvenimenti speċjali għandhom jitpoġġew waħda f’kull reġjun fuq kwalunkwe belt jew raħal.

Liema hi l-pedina tal-markatur u x’tagħmel biha?

Il-pedina tal-markatur għandha boxxla fuqha. Din tintuża biex timmarka liema rawnd qegħdin tilagħbu. Kull darba li jkunu lagħbu l-plejers kollha, jibda’ rawnd ġdid u l-markatur tar-rawnds għandu jitmexxa pass wieħed biex iżżommu kont f’liema rawnd wasaltu.

X’tagħmel jekk tlesti il-Miri u Tiri qabel il-15-il rawnd?

L-objettiv tal-logħba hu li jkollok l-akbar numru ta’ punti biex tirbaħ. Kompli żur il-lokalitajiet u ħu kards tal-Bliet u Rħula biex takkwista aktar punti. Jekk qed tilagħbu bl-vvenimenti speċjali tajjeb li tipprova tasal fuqhom billi dawn jippremjawk b’aktar punti.

X’jiġri meta plejer jgħaddi minn fuq roundabout?

Meta plejer ikun qed jimxi l-passi tiegħu u jasal fuq roundabout, il-plejer għandu jieqaf u jieħu kard mill-mazz tal-Ġamm tat-Traffiku u jsegwi l-istruzzjonijiet tal-kard. Jekk il-kard ma tgħidx mod ieħor, il-plejer jista’ jkompli jmexxi l-passi li jkun baqagħlu.

X’jiġri jekk jispiċċaw il-kards tal-Bliet u Rħula qabel il-15-il rawnd?

Il-plejers għandhom jibqgħu jilagħbu sakemm jispiċċaw il-15-il rawnd. Meta jiġu fuq xi lokalità ma jiħdux kards. Jekk qed tilagħbu bl-Avvenimenti Speċjali tajjeb li tipprovaw taslu fuqhom billi dawn jippremjawkom b’aktar punti. Jekk qed tużaw il-gwardjani lokali, provaw tellfu lill-plejers l-oħra biex twaħħluhom xi ċitazzjoni u ttellfuhom il-punti.