Blog

Il-Belt Ipprojbita

Miktuba minn Fiona Vella

altRiċentement, bħala rikonoxxenza għal numru ta’ artikli li ktibt fit-Torċa dwar iċ-Ċina, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta rrakkommanda lill-Ministeru Kulturali f’Beijing sabiex jistedinni nżur lil pajjiżhom. U f’ħin bla waqt, sibt ruħi naqta’ xewqa kbira li kelli li nara liċ-Ċina u li nsir naf aħjar lil niesha.

Tlajt iċ-Ċina flimkien ma’ erbgħa Maltin oħra: Anna Maria Gilson mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, il-fotografi Wistin Baldacchino u Mary Attard, u l-artista Ray Axiaq. Qattgħajna tnax il-ġurnata mill-isbaħ niskopru l-bliet ta’ Beijing u Shanghai. Il-ġranet għaddew bħal ħolma u mn’Alla li ħadt kwantità kbira ta’ ritratti u ta’ filmati, għax kieku ma kontx nemmen li kont tassew hemmhekk.

Dokumentarju u Esebizzjoni Artistika dwar iċ-Ċina

Meta rritornajna lura Malta, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’pajjiżna talabna nagħmlu preżentazzjoni lill-membri tiegħu sabiex naqsmu magħhom l-esperjenza tagħna.

Jiena pproduċejt dokumentarju ta’ madwar siegħa bl-isem Travelogue: The Colours of China li issa jista’ jiġi segwit fuq Youtube permezz ta’ dan il-link: https://www.youtube.com/watch?v=HlHIDVjYzGQ

Min-naħa l-oħra, sħabi tellgħu esebizzjoni ta’ ritratti u xogħolijiet artistiċi fil-Gallerija tal-Arti taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina li jinsab f’173, Triq Melita l-Belt. Din il-wirja bl-isem ta’ Chinoiserie II se ddum miftuħa sad-9 ta’ Jannar 2015.

Ħafna minn dawk li jafuni u partikolarment dawk li qatt ma żaru liċ-Ċina, ħajjruni sabiex nikteb sensiela ta’ artikli dwar din l-esperjenza tiegħi. L-Editur Prinċipali tat-Torċa, Sandro Mangion, laqa’ mill-ewwel din il-proposta u għalhekk, minn din il-ġimgħa, se nkun qed naqsam magħkom dak li jiena skoprejt waqt iż-żjara tiegħi fiċ-Ċina.

Id-daħla tal-Belt Ipprojbita

Iddeċidejt li niddedika l-ewwel artiklu lill-Belt Ipprojbita…. Kont ilni s-snin naqra u nara d-dokumentarji dwarha. Imma nassigurakhom li hekk kif sibt ruħi fil-wesgħa ta’ quddiem id-daħla prinċipali tagħha li ġġib l-isem ta’ Wumen jew Il-Kanċell tal-Meridjan, bqajt bla kliem. Għaldaqstant, nista’ nimmaġina x’kienu jħossu dawk il-priġunieri tal-gwerra li kienu jinġiebu f’dan il-post sabiex jiġu ppreżentati lill-Imperatur jew dawk l-imsejkna li kienu jingħataw il-piena kapitali proprju f’dan il-lwog.

L-ogħli tal-binja ta’ din id-daħla jilħaq it-38 metru u infatti hija l-ogħla struttura fil-Belt Ipprojbita. Nistqarr li bla ma trid, tħossok imċekken ħdejn dak il-kobor kollu u hekk kif tibda ddawwar rasek u tilmaħ ħames torrijiet jgħassu fuqek minn kull naħa, bilkemm jagħtik li titniffes. U dan meta għadek barra….

Il-funzjoni ta’ din il-belt

altIl-Belt Ipprojbita kienet tintuża bħala l-Palazz Irjali minn fejn l-imperaturi kienu jamministraw il-pajjiż u wkoll jgħixu flimkien mal-familji tagħhom fi żmien id-Dinastiji Ming u Qing. Infatti, għal madwar 500 sena, hija serviet bħala r-residenza ta’ 24 imperatur sakemm finalment Aisin Gioro Puyi, l-aħħar imperatur tad-Dinastija Qing, abdika fl-1911.

Din il-belt bdiet tinbena fl-1406 mill-Imperatur Chengzu tad-Dinastija Ming u ħadet 14 il-sena biex tlestiet. Ħadmu fuqha mal-100,000 tekniku u miljuni ta’ ħaddiema. Dan il-kumpless inbena mill-injam u huwa l-akbar wieħed tax-xorta tiegħu fid-dinja.

Intuża wkoll għadd ta’ rħam abjad li nġieb minn Fangshan li jinsab fil-limiti ta’ Beijing u anki ammont kbir ta’ granit mill-Provinċja Hebei. F’dawk il-perjodi, ma kienx faċli biex dan il-materjal jitwassal sa dan il-lwog minħabba li ma kienx jeżisti l-makkinarju adatt. Madanakollu, iċ-Ċiniżi rnexxielhom iwettqu dan il-proġett grandjuż billi ġarrew il-ġebel fuq rombli tal-injam matul l-istaġun tas-Sajf, filwaqt li fl-istaġun bikri tax-xitwa, huma ħaffru bjar kull nofs kilometru u minnhom tellgħu l-ilma li kienu jxerrdu mal-art sabiex dan isir silġ u jżerżqu l-ġebel fuqu.

9,999.5 binja

L-art li nbient fuqha din il-belt tkopri l-arja ta’ 720,000 metru kwadru u għandha forma rettangolari. Fuqha nbnew palazzi, paviljuni, pjazez u ġonna mill-ifjen u b’kollox, wieħed isib 9,999.5 struttura fejn l-iżgħar waħda, tesa’ biss taraġ tal-injam.

M’hemmx 10,000 struttura minħabba li f’dak iż-żmien, iċ-Ċiniżi kienu jemmnu li l-imperatur alla Hade kellu dan l-ammont ta’ kmamar fil-Palazz tal-Ġenna u għalhekk l-imperatur ta’ din l-art, li kien meqjus bħala ibnu, b’rispett, ma setax ikollu palazz kbir daqs ta’ missieru. Ta’ min isemmi li dawn il-kmamar kollha kienu maħsuba biex itawwlu kemm jista’ jkun il-ħajja tal-imperatur.

Il-kobor ta’ din il-belt

altMatul is-snin, partijiet mill-Belt Ipprojbita ġew restawrati jew mibnija mill-ġdid iżda t-tqassim oriġinali tagħha dejjem inżamm. Fil-fatt, l-istrutturi tagħha nbnew b’mod ordnat fuq ass ċentrali li jaqsam bejn il-parti tat-tramuntana u dik tan-nofsinhar. Dawn il-partijiet jirriflettu il-filosofija tradizzjonali tal-yin u l-yang u tal-Ħames Elementi filwaqt li jindikaw ukoll il-ġerarkija fewdali.

Ħitan ta’ 10 metri jdawwru l-belt kollha u f’kull kantuniera wieħed isib torri tal-għassa. Foss wiesgħa 52 metru mimli bl-ilma, jdawwar dawn il-ħitan fuq in-naħa ta’ barra sabiex b’hekk dan il-lwog ikun protett aħjar.

Mhux ta’ b’xejn li jingħad li dan il-lwog huwa wieħed mill-aktar imfittxija mit-turisti għax qatt ma rajt daqstant nies ta’ kull pajjiż deħlin f’post wieħed f’ħajti! Infatti, f’ħin minnhom saħansitra ltqajna ma’ grupp turisti Maltin. Iżda ħaġa tal-iskantament, din il-belt tant hi kbira, li jirnexxielha tibla’ lil kulħadd ġewwa fiha bla ma tintela’ qatt.

L-akbar pjazza fil-Belt Ipprojbita hija Taihe Dian u għandha arja ta’ 30,000 metru kwadru. Fiha għadek issib ammont ta’ kontenituri kbar tal-bronż li kienu jimtlew bl-ilma bħala protezzjoni kontra n-nar. L-ilma kien jiġi provdut permezz ta’ xmara li ġiet mgħoddija minn naħa minnhom tal-palazz. Fl-istess ħin, din ix-xmara kienet tilqa’ fiha wkoll l-ilma li kien jinġabar fil-post wara xi ħalba xita, apparti milli kienet isservi wkoll bħala dekorazzjoni arkitettonika, l-aktar minħabba l-pontijiet sbieħ li trikkbu fuqha.

Min-naħa l-oħra, fi pjazza magħrufa bħala l-Kanċell tal-Armonija Suprema wieħed isib il-binja li quddiemha l-imperatur kien iħaddem il-poter tiegħu, itella’ ċerimonji u jilqa’ l-ministri tiegħu. Hawnhekk, wieħed isib ukoll l-ikbar statwi ta’ par iljuni fil-belt kollha fejn l-iljun maskili għandu ballun taħt idejh filwaqt li dik femminili tidher tilgħab ma’ ferħ ta’ ljun.

Is-sagrifiċċji u l-pjaċiri tal-imperatur

Fatt kurjuż huwa illi f’din il-belt, wieħed isib ukoll il-Palazz tal-Astinenza, magħruf hekk minħabba li fih l-imperatur kien jinġabar matul il-perjodu meta huwa kien ikollu jsum għal tliet ijiem qabel iwettaq iċ-ċerimonja sagrifikali lis-sema u lill-art.

Naturalment, l-imperatur kellu wkoll lok għall-pjaċiri, fosthom id-dritt għall-ammont kbir ta’ konkubini li kienu jgħixu ġewwa din il-belt. Dawn il-konkubini kienu jkunu tfajliet sbieħ li jintagħżlu biex jagħtu gost bil-preżenza tagħhom lill-imperatur. Iżda mhux kull konkubina kienet torqod b’mod regolari mal-imperatur, tant li kien hemm min minnhom jesperjenza dan darba f’għomru jew qatt! Il-bużillis kien li ġaladarba tfajla tkun konkubina, f’każ li l-imperatur ma jieħux grazzja magħha, din kienet titwarrab f’rokna tal-belt u tiġi njorata, iżda ma titħalla qatt tiżżewweġ lil ħaddieħor! L-uniku skop ta’ dawn il-konkubini kien li jirnexxielhom ikollhom wild mill-imperatur għax b’hekk huma kienu jitilgħu ‘l fuq fil-ġerarkija u jiżdidilhom il-poter tagħhom. Infatti dik il-konkubina li binha jirnexxielu jilħaq imperatur wara l-mewt ta’ missieru kienet saħansitra ssir l-Imperatriċi Armla.

Miljun oġġett prezzjuż

Minħabba l-kobor enormi ta’ din il-belt, mhux possibbli li taraha kollha iżda ċertament għajnejk għandhom biżżejjed fuqhiex jitpaxxew b’dak li tilħaq tara. L-irfinar tad-diżinji fl-injam tal-binjiet u d-dekorazzjonijiet b’kuluri mill-isbaħ huma meravilja fihom infishom. Daqstant ieħor huma sbieħ l-oġġetti li l-kmamar huma mżejjna bihom.

Meta din il-belt kienet għadha tiffunzjona, ħadd ma seta’ jidħol fiha mingħajr permess u għalhekk hija magħrufa bħala l-Belt Ipprojbita. Imma wara li ntemmet id-Dinastija Qing, fl-1925, dan il-lwog ġie stabbilit bħala mużew tant li llum hemm min isibu wkoll bħala l-Mużew tal-Palazz. Intant, minn din il-belt, inġabru madwar miljun oġġett prezzjuz li ġew esebiti fis-swali tagħha. Dawn jikkonsistu f’oġġetti maħduma mill-bronż u mill-fuħħar, arti u tradizzjonijiet tad-Dinastiji Ming u Qing, arloġġi, tpinġijiet, skulturi u teżori oħra.

Fl-1961 din il-belt kienet waħda mill-lwogi li ntagħżlu biex jiġu kkonservati u preservati bħala parti mill-wirt kulturali tal-pajjiż. Fl-1987, il-UNESCO għarrfitu bħala Wirt Kulturali Dinji.

Il-Ġnien Imperjali

altFuq in-naħa ta’ wara tagħha, din il-belt tinkludi wkoll il-Ġnien Imperjali li fih kienu jistrieħu l-Imperatur u l-familja tiegħu flimkien mal-konkubini.

Hemm madwar 20 struttura ġewwa dan il-ġnien, fosthom paviljuni, kmamar, torrijiet u swali. Kollha ghandhom l-istil distint tagħhom u kollha ġew mibnija b’mod simmetriku u f’ordni ta’ ġerarkija.

Għadd ta’ pjanti u siġar tħawwlu f’dan il-lwog, b’uħud minnhom evidentement illum jgħoddu żmien żemżem. Inbniet ukoll vaska sabiex tinħoloq atmosfera ta’ serenità u paċi.

Barra minn hekk, f’naħa minnhom, issawwret għolja artifiċjali bil-blat tal-Għadira Taihu. Fin-nofs tagħha ġie ffurmat għar, mentri fil-ġnub ttellgħu turġien li jwasslu sal-quċċata. Hemmhekk l-imperatur flimkien mal-familja tiegħu kienu jitilgħu waqt ċelebrazzjonijiet partikolari sabiex igawdu x-xenarju mill-isbaħ tal-inħawi li toffri din l-għolja.

(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela IL-KULURI TAĊ-ĊINA (L-1 Parti) fit-Torċa tal-4 ta’ Jannar 2015)

Il-Kartolini Postali Maltin

altMiktuba minn Fiona Vella

Kont ilni nixtieq niltaqa’ ma’ Chev. Dr. Anthony J. Abela Medici minħabba li għal bosta snin, huwa kien id-Direttur tal-Laboratorju Xjentifiku Forensiku tal-Pulizija ta’ Malta. Madanakollu, hekk kif dil-ġimgħa rnexxieli nisraqlu siegħa, minflok dwar il-forensika, sibt ruħi nitkellem miegħu dwar passjoni kbira li daħlet f’ħajtu qajla qajla filwaqt li hu kien qiegħed isegwi passatemp ieħor.

Iffissat dwar l-istorja postali ta’ Malta

“Minn mindu kont żgħir kont iffissat dwar l-istorja postali ta’ Malta,” stqarr mill-ewwel Abela Medici. “Iz-ziju ta’ ommi kien jiġbor il-bolol u ħajjarni biex nibda nġemmagħhom jien ukoll. Dak iż-żmien, niftakar li Godwin Said kien ħareġ l-ewwel katalogu żgħir bi tliet fuljetti tal-marki postali tal-irħula u xtrajthom. U fost il-listi li kien fihom, nilmaħ dik ta’ Ħad-Dingli; ir-raħal li jien trabbejt fih man-nanna u maz-zijiet.”

“Fl-1964 kelli 14 il-sena u tħajjart nixtri l-ewwel bolla komuni iżda li kellha t-timbru ta’ Ħad-Dingli. Kienet tiswa erbatax il-xelin u għamilt sena u nofs inġemmgħa l-flus għaliha, sakemm fl-aħħar xtrajtha. Imbagħad dort għat-timbri l-oħra u maż-żmient, għaqqadt kollezzjoni kbira mhux ħażin. Biex insibhom, kont indur in-negozjanti kollha tal-bolol li kien hemm il-Belt. Dak iż-żmien kien hemm ħafna għalkemm illum ma baqa’ ħadd minnhom.”

Il-fieri tal-filatelija u l-kartolini postali

Il-kollezzjoni kompliet tiżdied u tespandi sakemm darba minnhom, huwa sar jaf bil-fieri tal-filatelija li kienu jittellgħu f’pajjiżna.

“Bdejna mmorru jien u l-mara nfittxu għal timbri differenti tal-posta ta’ Malta,” kompla jirrakkonta Abela Medici. “Issa dawn it-timbri ħafna minnhom kont issibhom fuq il-kartolini li kienu jkunu f’pakketti sħaħ. Min jaf kemm il-darba kelli nixtri pakkett sabiex nakkwista timbru wieħed li kien jinteressani! B’hekk ftit ftit, bla ma oriġinarjament kelli l-ħsieb, sibt ruħi niġbor kwantità kbira ta’ kartolini li finalment anki huma ħadu l-forma ta’ kollezzjoni u għalhekk bdejt nikkatalogahom.”

Minn dawn il-kartolini, huwa sab ruħu wkoll jinteressa ruħu fl-istorja ta’ pajjiżna, tant li huwa wettaq riċerka sfieqa, partikolarment fejn tidħol il-filatelija.

Katalogi tal-kartolini postali

“Meta fl-2008 bdejt naħseb biex nirtira, uliedi ħajjruni biex nibda nippubblika r-riċerka li kont għamilt ħalli b’hekk ix-xogħol kollu li għamilt matul diversi snin ma jtirx mar-riħ.”

Hekk tnissel l-ewwel volum ta’ Abela Medici fejn jidħlu dawn il-kartolini: Maltese Picture Postcards: The Definitive Catalogue (Volume 1: The Early Years 1898 – 1906).

“Għalkemm forsi ħafna minna jgħoddu l-kartolini bħala xi ħaġa komuni, fir-realtà, huma jiffurmaw parti mill-istorja viżiva ta’ pajjiżna. Kif spjega sewwa Dr Giovanni Bonello fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb, dawn il-kartolini jipprovdu riserva sinifikanti ferm ta’ xbiehat ta’ niesna, tal-kultura tagħna u ta’ pajjiżna illi probabbli, li kieku ma kienx għal dan il-mezz ta’ kommunikazzjoni, kienu jintilfu kompletament. Barra minn hekk, għal ħafna minn dawk li għexu fil-perjodu ta’ qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-kartolini kienu l-uniku mod kif wieħed seta’ jara xeni ta’ pajjiżi oħra, speċjalment dawk li kienu pjuttost diffiċli biex iżżurhom,” spjegali.

L-ewwel kartolina postali

“Fatt interessanti huwa illi l-ewwel kartolina postali ħarġet fuq rakkomandazzjoni ta’ Dr Emanuel Herrmann, li kien Kanċillier tal-Ministeru tal-Kummerċ Awstrijakk. Huwa ssuġġerixxa din l-idea f’artiklu tiegħu li ġie ppubblikat fl-1969 u hekk kif il-gvern tal-imperu Awstrijo-Ungeriż aċċettaha, bdew jiġu stampati dawn il-kartolini li ħarġu għaċ-ċirkulazzjoni. Ma għaddiex wisq żmien biex tħajjru pajjiżi oħra u b’hekk bdiet din id-drawwa li jintbagħtu l-kartolini. Ftit ftit, in-nies bidlet din id-drawwa f’passatemp hekk kif ħabta u sabta, nibtu bosta kolletturi u l-kartolini bdew jiġu stampati fi kwantitajiet kbar. Hekk jew hekk kienet ferm irħas li tibgħat kartolina milli li tibgħat ittra bl-envelop.”

L-ewwel xbieha ta’ Malta li ġiet użata bħala kartolina

alt

“L-ewwel stampa li nafu biha s’issa bi xbieha ta’ Malta li ġiet użata bħala kartolina, ġiet impustatata fl-1872 u kienet turi xena tal-Port il-Kbir. Din l-istampa kienet tifforma parti minn serje ta’ ritratti li ġew ippubblikati minn kumpanija tat-tbaħħir fl-1857.”

“Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju Postali ta’ Malta ġie trasferit lill-gvern kolonjali lokali f’Jannar tal-1885 u l-awtoritajiet postali Maltin ħarġu l-ewwel kartolini postali fl-istess xahar. Dawn kienu juru xbieha ta’ ras ir-Reġina Vittorja.”

Kartolini jgħinu biex tiġi rkuprata l-istorja

Qallibt dan il-katalogu b’interess hekk kif bdejt nara dawn il-kartolini b’għajnejn oħra. Fhimt illi ktieb bħal dan ma kienx iservi biss għall-kollezzjonisti u n-negozjanti tal-kartolini postali imma anki għal dawk li kellhom interess fl-istorja u fis-soċjetà Maltija.

“Għandek tkun taf li mhux darba u tnejn li dawn ix-xbiehat għenu sabiex tiġi rkuprata l-istorja ta’ pajjiżna, ngħidu aħna fejn jidħol ir-restawr ta’ xi bini antik,” għarrafni Abela Medici. “Każ minnhom kien dak tal-funtana li tinsab ir-Rabat Malta, filwaqt li eżempju ieħor kien il-proġett ta’ Biagio Steps fejn kien hemm il-ħtieġa li jiġi kkonfermat kif kienu t-twieqi oriġinali tal-post li kienu waqgħu waqt il-gwerra.”

Ħadt gost nifli x-xeni Maltin li kienu jidhru fuq dawn il-kartolini ta’ dari hekk kif bdejt inqabbilhom ma’ dawk ta’ llum. Uħud għarafthom imma oħrajn ilhom snin li għosfru mill-ambjent Malti u għaldaqstant, apprezzajt il-kartolini aktar u aktar għax kieku ma kien ikolli qatt iċ-ċans li narahom b’għajnejja.

Meta ntebaħ bl-entużjażmu tiegħi, Abela Medici beda jurini partijiet mill-kollezzjoni tiegħu ta’ kartolini li llum tlaħħaq il-fuq minn 40,000 kartolina!

“Ħassejtni obbligat li naqsam dak kollu li rnexxieli niġbor u niskopri flimkien mal-pubbliku,” huwa stqarr. “Permezz ta’ din il-kollezzjoni vasta, ħarġu kartolini antiki ferm li qatt ma kienu ddokumentati qabel. M’għandix dubju li hemm ħafna individwi li se jsibu din il-kollezzjoni utli jew interessanti għalihom, speċjalment dawk li japprezzaw il-Melitensia.”

altAbela Medici poġġieli f’idejja t-tieni volum li għadu kif ħareġ – Maltese Picture Postcards: The Definitive Catalogue (Volume 2: The Divided Backs 1904-1914 (A-G)).

“Wara tant ħidma, issa lestejt ukoll it-tieni volum. U hekk kif kiteb Dr William Zammit fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb, din il-pubblikazzjoni dokumentata b’riċerka dettaljata, mill-llum il-quddiem se tibda tifforma parti mill-memorja kollettiva nazzjonali ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.”

Infatti l-kartolini maqsuma fi stampi, diżinji, pitturi u ritratti li ħarġu matul is-snin imsemmija jservu bħala vetrina ħelwa ta’ dak kollu li jagħmilna Maltin.

Kien impossibbli li nara l-kartolini kollha minħabba l-ammont kbir li għandu Abela Medici u għalhekk se jkolli nistenna l-pubblikazzjoni tal-volumi li jmiss. Min jaf jekk hux il-volumi kollha, bħat-tnejn li diġà ħarġu, hux ser ikunu ddedikati lil Snoopy, il-kelb tiegħu li ma telaqx għal mument wieħed lil sidu u li għal siegħat twal akkumpanjah matul dan ix-xogħol tiegħu.

(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (29 Parti) fit-Torċa tal-21 ta’ Diċembru 2014)

Far more than walking on a winter wonderland

altWe had always wished to spend Christmas in some foreign land in order to see how this event is celebrated in other countries. Ideally this place had to be similar to the ones that we saw on Christmas cards; that is with wooden log cabins, fire-places and much much snow.

Eventually, a brilliant idea came to our mind! What if we went to visit Santa’s land itself in Lapland, Northern Finland?

Although many of us have grown up to believe that Father Christmas is just a legend, my daughter and I are sure that he is real. Well, he comes to visit us each year and he always leaves a lovely present for Martina. So surely, after ten annual visits to our home, we decided that it would be nice of us to exchange the courteousy.

That was how we found ourselves at Gatwick airport being led away from the usual crowded queues by a special officer who rang a bell in order to call for those whose destination was Ivalo airport.

Soon, several families with excited children joined the group and off we went on a charter airplane which was waiting to take us to this magical land. Everything was superb from the start, even this flight which was completely dedicated to entertain the children with enjoyable games. Then, when we were approaching land, all the children turned to the airplane’s window in order to watch for Santa’s flying sleigh. We did not succeed to see it but deep beneath the fluffy white clouds, there appeared a strange landscape of dark land, remarkably patterned with plentiful shiny rivers and lakes. So that was how the Arctic Circle looked!

Our airplane landed smoothly down at Ivalo’s minute airport in Lapland, North Finland and soon we found ourselves walking in the crunchy snow. Mischievous, brightly dressed elves slid out together with our luggage and greeted us with playful tricks, whilst a traditionally dressed Finnish Sami, who forms part of the indigenous people of this area, welcomed us to his land in the company of a large reindeer. A coach transferred us to the tourist resort in Saariselkä which was only 25 minutes away.

Since in Saariselkä, the temperature goes down well beyond zero degrees, we had to pack a couple of cosy clothes in our luggage. However, on arrival, everyone was provided with a complimentary thermal outer-suit, along with woolen socks, snow boots, outer gloves and hats, in order to guarantee a comfortable stay since there the temperature could go down to -30 degrees celcius.

altThere is a good choice of hotels wherein to spend this holiday: starting from Santa’s Kieppi which is built in the traditional Finnish style, and moving on to the modern style Santa’s Holiday Club which includes an indoor pool with waves and chutes. We chose to stay in Hotel Kieppi because we considered it to be more authentic. Its owner, Matti Välitalo, informed us that in Finnish, the word ‘kieppi’ referred to the burrow where animals hibernated during winter, and surely this place was warm and snug contrasting to the icy coldness outside.

Between the beginning of December and the first days of January, Saariselkä experiences the polar night as the sun does not rise. However the place does not lie in total darkness since the light of the moon, the stars, and the magnificent Northern Lights are reflected by the snow, and therefore one can move around easily at whatever time. During this period, at about ten in the morning, the dusky blue sky turns into an unusual blend of silver and blue colours which is later imbued with different hues of blue and red, until at about three in the afternoon, when it starts getting dark again. This entire ambience felt strange at first but once we got used to it, it enhanced each and every moment and turned it into a unique Christmas experience. We really felt as if we had stepped into another world.

Even the activities that we could do were extraordinary and it didn’t take very long to see the adults being transformed into joyful and happy children. It’s bound to be! For how can one resist the feeling of a true white Christmas whilst squishing or toboganning in the milky Arctic snow? We were provided with free toboganns from our hotel and Martina took the opportunity to be pulled all along the way. I have to admit that it was somewhat frightening at first because we had never experienced this sport. But when we saw very young children shooting down confidently, we walked up the small snowy hill and off we went. Oh my! It felt like flying! An amazing experience! Anyhow, we lost count how much rides we did.

Each time we travelled by coach, our guides made their utmost in order to help us feel the Christmas spirit. Once more, we found the atmosphere quite captivating as we sang heartily a couple of old Christmas songs along with people coming from various countries around the world, under a sky packed with twinkling stars.

altHowever surely, the best moment of this holiday for each visitor, whether adult or young was the special visit to the village of Father Christmas in the Arctic Circle. Here, with activities ranging from ice fishing, toboganning, reindeer sleigh rides, snow hockey, skidoo rides, and an igloo bar, who can wish for more? Yet there was more! In fact, after providing us with the required instructions, we were offered to drive a pack of huskies in the snow. My husband controlled the huskies and my daughter and I huddled up in the sleigh wrapped up in reindeer skin. What a delight!

Still, more followed since each family, at some point or another, was secretly and quickly hurried upon a snowmobile-sled in order to search for the elves who knew how to point the way to Santa’s log cabin which was craftily hidden in the icy woods. It was a really enthralling experience to enter into the warmth of Santa’s magical hut and to find him sitting in his huge wooden chair amid a multitude of colourful presents. Martina was dumbfounded as she noticed that Santa was holding and reading her own hand-written letter which she had sent him some days ago by post from Valletta! When she found some courage, she told him that many of her friends told her that he did not exist.

“Well now you have seen that I do!” he told her warmly as he laughed heartily and gave her a beautiful teddy bear. Martina hugged Santa as if to check that she was not dreaming and she even kissed him on the cheek. Once our private meeting with Santa was over, we were taken back to the rest of the group but Martina was simply entranced by this experience.

On Christmas day, we attended a gala dinner where we discovered that in Finland, ham is the Christmas food specialty. However we were treated to a bountiful meal of different meats and fish, together with a selection of pastries and delicious wild berries.

We surely missed the company of our dear family members and the sweet presence of baby Jesus in his crib which was nowhere in sight in these locations. Yet in Saariselkä everything was designed to entertain visitors and one will absolutely not have time to feel a trace of sadness.

altWe spent only four days in Santa’s Lapland but the surrealism of the place mystified the aspect of time and we felt as if we belonged there. Surely no other Christmas will ever match this one.

(This article was published in the Travel Supplement of The Sunday Times of Malta dated 2nd November 2014)

Fuq il-passi ta’ Pawlu

alt“Kif ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard….” Għoddni qed nilmaħ lill-appostlu San Luqa jikteb dawn il-vrus taħt id-dawl kiebi ta’fjamma ta’ xemgħa tperper maż-żiffa dieħla fil-kamra. L-istess ġabra ta’ kliem li llum, wara dawn is-snin kollha, għadna nisimgħu jinqara kull sena waqt il-quddiesa taċ-ċelebrazzjoni tal-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna. Jingħad li fis-sena 60 W.K., San Pawl waqqaf l-ewwel knisja f’Malta, proprju fil-grotta tar-Rabat, fejn kien qiegħed jiġi miżmum bħala ħabsi. U minn hemm beda l-kult qawwi Pawlin li matul is-snin ġibed lil bosta barranin lejn pajjiżna, hekk kif dawn xtaqu jmiddu passejhom fuq l-istess art li mexa fuqha dan il-qaddis. Hekk kif Frar huwa sinonimu ma’ din il-ġrajja tant kbira, għal dil-ġimgħa għażilt li nżur il-kumpless tal-Mużew Wignacourt li jinsab ir-Rabat, liema binja twassal ukoll għall-grotta ta’ San Pawl. Madanakollu, hekk kif flimkien mal-Kuratur Dun Ġwann Azzopardi u mal-Assistenta Kuratriċi, Michelle Galea, dort il-livelli varji li fih dan il-post, bqajt sorpriża kemm fir-realtà dan is-sit huwa ġawhra ta’ wirt kulturali li ma jkoprix biss din il-ġrajja imma anki diversi perjodi oħra tal-istorja għanja ta’ pajjiżna.

Tassew, kienet il-grotta li llum hija magħrufa bħala Ta’ San Pawl, li nisslet ir-reverenza lejn din il-biċċa art. Iżda minn hemm, ftit ftit, tqanqal moviment sħiħ, hekk kif l-awtoritajiet responsabbli minn dil-grotta, għarfu l-valur ta’ dan il-post u bdew jużaw din is-sitwazzjoni għal diversi għanijiet, sakemm illum insibu numru ta’ binjiet li twaqqfu fuq dan is-sit reliġjuż. Intant, kull min iżur il-Mużew Wignacourt u jiġi akkumpanjat mill-Kuraturi, inkella jagħżel li jdur mal-post permezz ta’ audio-guide, għandu l-opportunità li jesperjenza dawn it-tibdiliet li fosthom jinkludu l-grotta ta’ San Pawl, labirint sħiħ ta’ ipoġew taż-Żminijiet Feniċi, Rumani u Kristjani, grupp ta’ xelters imħaffra f’qiegħan l-art matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u mużew mogħni b’kollezzjonijiet differenti u interessanti.

Inżilt flimkien ma’ Michelle lejn il-grotta ta’ San Pawl u hemm qattgħajna ftit ħin fis-silenzju, nosservaw is-sempliċità tagħha, kif jixraq. M’hemm l-ebda dokument li jikkonferma li kienet proprju din il-grotta li kien fiha San Pawl meta kien f’pajjiżna. Imma min-naħa l-oħra, illum għandna biżżejjed tagħrif biex nagħrfu fejn kienet il-belt Melite u sa fejn kienu jaslu l-konfini tagħha. B’hekk nistgħu nikkalkulaw fejn kienu l-ħabsijiet ta’ dak il-perjodu, li ġeneralment kienu jinsabu eżatt barra l-belt. U minn xi sinjali fis-soqfa tal-grotta nnifisha, hemm indikazzjoni qawwija li din setgħet kienet tintuża bħala ħabs. Huwa fatt kurjuż illi l-kult ta’ San Pawl ma ħax mill-ewwel fost il-Maltin, kemm minħabba li dawn kellhom l-allat tagħhom u probabbilment anki minħabba t-theddida tal-preżenza tar-Rumani li kienu qed jippersegwitaw lill-Kristjani.

altInfatti jidher illi kien il-patri eremita Spanjol, Juan Benegas de Cordoba, li kabbar din id-devozzjoni meta fis-17 il-seklu, huwa żar din il-grotta u din tant laqtitu li ddeċieda li jiddedika ħajtu biex jippromwovi din id-devozzjoni lejn San Pawl fil-gżejjer tagħna. Il-ħsieb tiegħu rnexxa, hekk kif dan beda jattratta lejn pajjiżna ammont kbir ta’ pellegrini sabiex iżuru dan il-post. Dan il-fatt ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Gran Mastru Fra Alof de Wignacourt li ma damx wisq ma għaraf il-potenzjal ta’ sit bħal dan u xtaqu li jsir tal-Ordni peress li din ma kellha l-ebda proprjetà li kienet abbinata ma’ dan il-qaddis, filwaqt li d-Djoċesi ta’ Malta kellha aktar minn post wieħed. Wara diversi diskussjonijiet, fosthom mal-Papa Pawlu V, ġie deċiż li l-grotta ta’ San Pawl kellha tgħaddi f’idejn il-kustodja ta’ l-Ordni u tinfired minn mal-parroċċa ddedikata lill-istess qaddis li kienet inbniet fis-16 il-seklu, sabiex din tibqa’ tal-Isqof u tal-poplu. Min-naħa tiegħu l-Gran Mastru kien obbligat li jipproteġi l-grotta u li jagħmilha disponibbli għall-pellegrini. B’hekk huwa ordna l-kostruzzjoni ta’ palazz maħsub għall-Kappillani ta’ l-Ordni li kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb is-sigurtà ta’ din il-grotta lejl u nhar. M’hemmx għalfejn ngħidu, dan kien ukoll mezz li bih setgħu jintlaqgħu wkoll l-aqwa nobbiltà ta’ dak iż-żmien f’pajjiżna fejn apparti li dawn kienu jkunu miġbuda mill-ispiritwalità tal-post, dawn kienu jiġu attratti wkoll mill-prestiġju tal-Ordni u probabbilment kienu jħallu xi kemxa ġmielha warajhom. Fil-fatt fuq il-grotta, l-Ordni bniet ukoll knisja ċkejkna ddedikata lil San Publiju fejn illum il-viżitaturi jistgħu jaraw dak li ħallewlna l-kavallieri f’dan il-post, fosthom kwadru titulari li juri xbieha tal-Madonna bil-Bambin li qed iżomm f’idejh is-salib ta’ l-Ordni, liema xogħol huwa tal-artist Mattia Preti.

altIl-mawra fil-Mużew ta’ Wignacourt issa niżlitna ‘l isfel, lejn il-katakombi msawwra fil-blat tal-madwar. Ikolli ngħid li kont impressjonata ferm bl-istat tajjeb ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Ta’ min isemmi illi dan il-mużew għamel madwar sena u nofs magħluq sabiex isirlu r-restawr u l-konservazzjoni li kellu bżonn, wara li kien ilu miftuħ mill-1981, u kien f’Diċembru tal-2013 li reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Il-katakombi jkopru perjodi differenti fl-istorja u jitfgħu dawl sinifikanti fuq ir-ritwali ta’ dak iż-żmien. Kif bosta minnha jafu, dawn l-inħawi tar-Rabat huma miżgħuda b’dawn il-katakombi li llum jinsabu mifruxa taħt id-djar tal-madwar u minn żmien għall-ieħor nisimgħu b’xi skoperta ta’ xi parti oħra tagħhom. Infatti, ġara l-istess hawn ukoll fejn f’dawn l-aħħar snin, waqt xi xogħolijiet li kienu qed isiru, inkixfet parti oħra żgħira ta’ katakombi li fiha nstabet agape table li madwarha n-nies kienu jiċċelebraw il-vjaġġ tal-mejjet lejn dinja aħjar permezz ta’ ikla bejniethom. Sfortunatament, il-katakombi kollha li jinsabu ġo dan il-post ġew imbattla milli kien fihom u minflok intlew bit-terrapien waqt it-Tieni Gwerra Dinjija sabiex tissaħħaħ l-art ħalli taħtha jitħaffru aktar xelters. Min jaf x’qatt instab u x’qatt ittieħed minn dawn il-katakombi matul is-snin! Imma f’qabar minnhom, ġewwa din il-parti ċkejkna tal-katakombi li nstabet dan l-aħħar, wieħed għadu jista’ jara xi għadam uman li b’xi mod irnexxielu jiskappa d-destin li għaddew minnu l-oqbra l-oħra.

altTaraġ ieħor aktar ‘l isfel li donnu jieħdok fil-qalba tal-art, iwassal għax-xelters li kellhom jitħaffru malajr sabiex joffru protezzjoni lin-nies tal-inħawi waqt l-attakki kiefra tal-gwerra. Mill-ġdid, dawn ix-xelters miżmuma f’kundizzjoni mill-iprem, jitfgħu dawl differenti lil realtà oħra li għex il-poplu tagħna f’passat aktar riċenti. F’dawn ix-xelters, wieħed isib ħamsin kamra b’kollox u meta wieħed jgħodd kemm kienu jesgħu nies anki l-kurituri ta’ bejniethom, ġie kkalkulat li setgħu jilqgħu fihom madwar 350 persuna. Fatt interessanti huwa li wħud minn dawn il-kmamar ġew imżejjna, kemm billi nżebgħu l-ħitan tagħhom, u anki permezz ta’ madum sabiħ kollu diżinji kkuluriti. Jagħtik li taħseb li anki f’dan iż-żmien imwiegħer u f’din is-sitwazzjoni ta’ tbatija u ta’ biża’, kien hemm min ittanta jsebbaħ anki din it-toqba fil-blat, forsi biex jinsa l-kruha. Madanakollu, fir-rigward ta’ kamra minnhom partikolarment aktar imdaqqsa u rranġata, kien hemm xi anzjani Rabtin li taw indikazzjoni li din kienet qed tiġi użata biex in-nisa tqal setgħu jwelldu t-trabi tagħhom fiha jekk jinqabdu waqt xi attakk mill-ajru. Ikun tassew interessanti li kieku nsibu lil xi ħadd li għadu jiftakar dan iż-żmien u jittieħed rikordju bil-miktub u idealment viżwali tal-memorji tiegħu.

Finalment kien imiss li nerġgħu nitilgħu ‘l fuq u hekk kif ħriġna fil-modernità tal-mużew, għal ftit mumenti ħassejt l-impressjoni li kont għadni kif tlajt minn dinja oħra. Anki dan il-mużew huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fin-naħa t’isfel wieħed jista’ japprezza l-arkitettura sabiħa tal-post u jifli xi kollezzjonijiet, fosthom 49 mudell ta’ kappella maħdumin minn George Pellegrini Petit; oġġetti antiki li kienu jintużaw fil-funerali, bħal katallett tal-epoka barokka; tagħmir tal-knisja inkluż ċuqlajta kbira li kienet tintuża fil-ġimgħa l-kbira, u għadd ta’ buzzetti artistiċi tal-iskultur magħruf Anton Agius li ġew mgħoddija minn martu bħala donazzjoni lil dan il-mużew. Oġġett mhux tas-soltu miżmum hawnhekk hija l-karozza Austin Six Limousine tal-1937, li dari kienet tintuża mill-Arċisqof Dom Maurus Caruana u mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi.

altFis-sular ta’ fuq, il-viżitaturi jistgħu josservaw il-lussu tal-palazz li dari kien tal-Kappillani tal-Ordni u li llum huwa mibdul fi swali ta’ esebizzjonijiet varji. Parti kbira mill-esebizzjonijiet tinkludi bosta xogħolijiet tal-arti ta’ wħud mill-aqwa artisti bħal Vincenzo Hyzler, Francesco Zahra, Giuseppe Calì, Antoine Favray u Mattia Preti. L-iktar pittura antika fil-kollezzjoni ta’ dan il-mużew huwa kwadru poliptiku tal-1588 li llum hu ffurmat minn ħames partijiet fejn fihom wieħed isegwi l-ħajja ta’ San Pawl. Xogħol ieħor interessanti juri xbieha tad-Duluri li ġiet impinġija fuq injama ta’ daqs żgħir minn Mattia Preti. Minħabba li din ix-xbieha nħadmet b’lewn wieħed kjar oskur u peress li m’għandix is-soliti movimenti bħall-pitturi oħra, hemm min jaħseb li l-artist seta’ ħadem din il-pittura għalih biex iġorrha miegħu bħala speċi ta’ santa. Esebizzjonijiet oħra jinkludu relikwi, fosthom anki kopja tal-liżar ta’ Turin li ġiet awtentikata fl-1663, kwadri tal-ex-voto, paramenti ta’ Papa Pawlu V, mapep antiki u numru ta’ artifatti arkeoloġiċi li jingħad li nstabu fl-inħawi tal-Baħrija u tar-Rabat. Esebit ieħor interessanti huwa artal portabbli li kien jintuża fuq ix-xwieni; oġġett rari li probabbilment bħalu wieħed isib biss f’xi kollezzjoni privata. Wieħed jista’ jżur ukoll il-kamra tal-Kapitli mgħonija b’għadd ta’ kwadri ta’ Gran Mastri differenti, fosthom dak ta’ Wignacourt. Imbagħad hemm ukoll il-kappella li kienu jużaw il-kavallieri u sepulkru li kien jintrama f’Ħamis ix-Xirka. Kamra oħra li laqtitni kienet dik tat-teżorier li fuq is-sodda tiegħu, fl-għoli fuq ir-raff, imma dejjem taħt għajnejh, kien iżomm il-kaxxa tal-flus ħalli jipprova jevita milli xi ħadd jisraqhielu.

Huwa importanti li wieħed ikun jaf li parti kbira minn dawn il-kollezzjonijiet li wieħed jista’ jara f’din is-sezzjoni tal-mużew, għaddiet hawnhekk bħala donazzjoni fl-1960, permezz ta’ wirt li ħalla n-Nutar Francesco Catania, li kien magħruf ħafna r-Rabat. Il-kollezzjonijiet li ġew minn għandu kienu jinkludu kwadri, għamara, diżinji, kotba, mapep, u artifatti arkeoloġiċi imprezzabbli. Dun Ġwann Azzopardi spjegali kif hu kellu x-xorti li jiltaqa’ man-Nutar Catania li spiss kien jinkoraġġih biex jinteressa ruħu fl-istorja sħiħa ta’ dan il-kumpless Pawlin. Mur għid lin-nutar li fl-1981, kellu jkun proprju Dun Ġwann li kellu jkun l-ewwel Kuratur ta’ dan il-mużew. Aktar minn hekk, min jaf qattx basar li l-istess qassis kien ser ikun l-editur tal-ktieb ‘Notary Francesco Catania (1872-1960) and his collections at the Wignacourt Museum’ li ser joħroġ għall-bejgħ mill-ġimgħa d-dieħla. Dan il-ktieb li fih 440 illustrazzjoni, jinkludi wkoll għadd ta’ materjal informattiv dwar il-Mużew Wignacourt u dwar in-Nutar Catania u l-kollezzjonijiet tiegħu. Fosthom wieħed isib numru ta’ studji u ta’ katalogi li jagħtu tagħrif siewi dwar dawn il-kollezzjonijiet: bħal ngħidu aħna katalogu tal-kwadri li ġie ppreparat minn Antonio Espinosa Rodriguez li kien Kuratur tal-Mużew Marittimu ta’ Malta u aktar tard tal-Mużew tal-Arti; katalogu tal-artifatti arkeoloġiċi tal-Perjodi Feniċi, Puniċi u Rumani li ġie mfassal mis-Superintendent tal-Wirt Kulturali, Anthony Pace; studju tad-diżinji li sar mill-Kuratriċi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Bernadine Scicluna, u studju ta’ mappa ta’ Malta tal-1833 li twettaq mill-avukat u espert fil-qasam tal-mapep, Dr Albert Ganado.

altBla dubju, il-Mużew Wignacourt joffri esperjenza distinta lil kull min iżuru, hekk kif dan il-post u l-kollezzjonijiet tiegħu, kapaċi jolqtu għadd ta’ interessi differenti. Peress li wieħed jeħtieġ iqatta’ siegħa jew tnejn jekk irid jara sewwa dan il-post, kafetterija li tinsab f’dan il-mużew, tkompli ssaħħaħ il-professjonalità ta’ dan is-sit li għandu jkun xempju għas-siti kulturali kollha tagħna.

Il-Mużew Wignacourt jinsab fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat. Għal aktar informazzjoni, tistgħu ċċemplu fuq 27494905.

(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (17 il-parti) tat-Torċa tat-23 ta’ Frar 2014)

Temi Zammit

miktuba minn Fiona Vella

altKull tant żmien, l-umanità tnissel numru ta’ individwi prolifiċi li permezz tagħhom jitwettqu proġetti sinifikanti li jwasslu biex ibiddlu l-istorja ta’ pajjiżhom u sikwit, anki dik tad-dinja. Wieħed minn dawn kien Themistocles Zammit, li aktar tard sar magħruf bħala Sir Temi Zammit. Akkost li Zammit kien ġej minn familja umli, fejn il-ġenituri tiegħu la kienu jafu jiktbu u lanqas jaqraw, huwa rnexxielu jirbaħ bosta ostakli u jilħaq l-ogħla unuri. Infatti, fost il-kisbiet tiegħu, huwa sar tabib u speċjalizza fil-qasam tal-kimika. Kien ukoll awtur tal-letteratura Maltija, rettur fl-Università ta’ Malta, kreatur u direttur tal-ewwel Mużew Nazzjonali u kuratur tas-sezzjoni tal-arkeoloġija. Ċertament, b’dawn ix-xogħlijiet tiegħu, Zammit għamel bosta suċċessi personali, iżda fl-istess ħin, huwa kiseb ukoll ġieħ u rispett lejn il-poplu Malti u lejn pajjiżu. Madanakollu sal-ġurnata ta’ llum, fil-gżejjer tagħna ma ssib l-ebda monument li jagħti dak il-prestiġju nazzjonali li tant jixraq lil dan l-individwu. X’żammna lura?

Kurjuża dwar dan il-fatt u konxja kemm personalment ftit li xejn naf dwar Zammit, dan l-aħħar ħtaft l-okkażjoni biex nintervista lill-Professur Roger Ellul-Micallef rigward iż-żewġ volumi li  ppubblika riċentement dwar il-perijodu, il-ħajja u l-kisbiet ta’ Temi Zammit. Ma tridx wisq biex tifhem li xogħol Ellul-Micallef huwa kapolavur minnu nnifsu. Iżda meta aktar tard intervistajt ukoll lill-Professur Anthony Bonanno u lill-Professur Oliver Friggieri dwar dan l-istudju dettaljat, huma t-tnejn qablu li b’dawn il-pubblikazzjonijiet monumentali, finalment Temi Zammit irċieva r-rikonoxximent li tant kien ilu jistħoqqlu.

L-awtur: Prof. Roger Ellul-Micallef

L-awtur ta’ din il-bijografija, Roger Ellul-Micallef, huwa professur fid-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika u Terapija fl-Università ta’ Malta. Huwa minn dejjem kellu interess kbir fl-istorja tal-mediċina, partikolarment fl-iżvilupp tal-mediċina tradizzjonali Maltija. B’hekk ma setax jonqos li xi darba jew oħra, l-istudji tiegħu kienu ser ilaqqgħuh ma’ Temi Zammit, anki peress li bħalu, huwa studja l-mediċina u kien ukoll rettur ta’ l-Università ta’ Malta. Probabbilment, id-destin kien ilu jsejjaħlu sabiex jikteb dwar dan il-personaġġ, hekk kif xi snin ilu, waqt li hu kien rettur, huwa skopra għadd ta’ kwadri ta’ personalitajiet Maltin miġbura u mitluqa f’rokna tal-università l-antika fejn Zammit innifsu kien rettur, u ħadhom lejn l-università l-ġdida sabiex jesponihom aħjar. Fost dawn il-kwadri, kien hemm pittura ta’ Temi Zammit, li Ellul-Micallef dendel bi prominenza fl-uffiċċju tiegħu. B’hekk, għalkemm huwa ma kellux il-privileġġ li jiltaqa’ ma’ Temi Zammit innifsu, madanakollu jista’ jgħid li għex għal għaxar snin miegħu.

Intant, matul l-erbgħa snin li l-awtur ħa biex kiteb din il-bijografija, huwa rriċerka b’mod dettaljat lil Temi Zammit billi pprova jsegwi l-għażliet li dan għamel f’ħajtu, filwaqt li ttanta jifhem ir-raġunijiet wara dawn id-deċiżjonijiet li bosta drabi mexxewh tant il-quddiem. Fatt interessanti huwa illi madwar tletin sena ilu Ellul-Micallef irnexxielu jintervista lil iben Temi Zammit, il-Kaptan Charles Zammit, filwaqt li dan l-aħħar in-neputi ta’ Zammit, Temi, għaddielu wkoll xi kitbiet ta’ nannuh. Fost dawn il-kitbiet, huwa sab notamenti li Zammit kien iħobb iħalli dwar xi kotba li jkun qara u allura b’hekk, l-awtur seta’ jifhem aħjar x’kien jinteressa lil dan l-individwu. Iżda mhux biss! Infatti l-awtur fittex il-kotba li għalihom irrefera Zammit sabiex jinnota wkoll dak li huwa kien għażel li jħalli barra; liema deċiżjonijiet jitfgħu dawl ieħor sinifikanti fuq dan il-personaġġ.

altJintqal li l-bniedem huwa essenzjalment prodott ta’ żmienu u għalhekk l-awtur, biex jifhem aħjar lil Temi Zammit, irriċerka wkoll fl-iċken dettall il-kuntest li dan għex fih. Għaldaqstant, din il-bijografija tinkludi wkoll introduzzjoni twila mhux ħażin li tiddeskrivi s-sitwazzjonijiet soċjali, kulturali, politiċi, ekonomiċi u reliġjużi li ċertament kellhom influwenza qawwija fuq Zammit. B’hekk il-qarrej apparti li jista’ jifli mill-qrib il-ħajja ta’ dan l-individwu, li tkopri ż-żmien bejn l-1864 u l-1935, għandu wkoll materjal informattiv dwar il-qagħda tal-gżejjer tagħna fi żmien meta dawn kienu meqjusa bħala bażi navali Brittanika importanti ħafna.

Huwa impossibbli li nagħmlilkhom taqsira ta’ din il-bijografija mdaqqsa u għalhekk, f’dan l-artiklu ser ninkludi xi tagħrif bażiku li qrajt minnha sabiex nintroduċikhom ma’ dan il-personaġġ tant kbir. Temi Zammit twieled fit-30 ta’ Settembru 1864. Huwa kellu erbgħa aħwa: tnejn bniet u tnejn subien. L-iżgħar wieħed minn ħutu, Manwel, miet fl-età ta’ 24 sena minħabba attakk tal-appendiċite u din kienet traġedja kbira f’ħajjet Temi, l-aktar meta apparentement huwa daħħalha f’rasu li hu kien il-ħtija wara l-mewt ta’ ħuħ. Dan minħabba li meta Manwel ħass l-uġiegħ, Temi, li diġà kien tabib, tah il-morfina biex itaffilu l-uġiegħ, u b’hekk l-infezzjoni tal-appendiċite nħbiet sakemm żviluppat f’peritonitis li eventwalment ħasditlu ħajtu. Probabbilment kien għalhekk li Zammit ipprefera li jaqbad karriera fil-laboratorji u mhux li jikkura l-pazjenti. Kienet ħasra li Zammit għadda minn din it-tbatija ta’ ħtija daqstant kiefra f’ħajtu għax fir-realtà, f’dak iż-żmien it-tobba ftit li xejn kienu jafu dwar din il-marda. Infatti tabib prominenti fil-qasam tal-appendiċite li kien magħruf li salva ħajjet ir-Re Dwardu VII, ġarrab it-telfa ta’ bintu bl-istess marda meta din ma ġietx operata fil-ħin u anki hi żviluppat peritonitis u mietet.

Min-naħa l-oħra, kien proprju x-xogħol siewi li hu kien jagħmel fil-laboratorju li wassal biex wara ħafna riċerka, testijiet u analiżi, Temi Zammit irnexxielu jiskopri kif kienet qed tiġi trażmessa fil-bniedem il-marda tad-deni rqiq. Fatt kurjuż huwa illi għall-ewwel, l-istudjużi kienu jaħsbu li d-deni rqiq kien qed jiġi kkawżat minn gidma ta’ xi insett partikolari, u għaldaqstant kienu qed isiru diversi esperimenti fuq għadd ta’ xadini sabiex jippruvaw jistudjaw aħjar din il-marda bit-tama li jsibu rimedju għaliha. Iżda ġie żmien meta kien hemm skarsezza ta’ dawn l-annimali u sadanittant, Zammit iddeċieda li jkompli jesperimenta fuq il-mogħoż. Ix-xorti kienet daħkitlu hekk kif is-sigriet ta’ din il-marda kien moħbi proprju fil-mikrobu li kien qed iġorr il-ħalib tal-mogħoż. Infatti dan kien perjodu meta fit-triqat Maltin, wieħed kien għadu jara diversi merħliet iterrqu ‘l hemm u ‘l hawn, saħansitra fl-inħawi tal-belt kapitali. In-nies kienu jwaqqfu lis-sid tal-mogħoż u dan kien jaħlibilhom mogħża u jbiegħilhom bieqja ħalib sabiex jixorbuh sħun hekk kif għadu ħiereġ minn sider l-annimal. Numru ta’ ritratti ta’ kartolini li jidhru f’din il-bijografija jikkonfermaw illi dan il-prodott tant kien meqjus bnin illi pajjiżna kien qed jiġi irriklamat għalih anki mal-barranin. Madankollu l-iskoperta ta’ Zammit li dan il-ħalib kien il-kaġun tad-deni rqiq bidel din is-sitwazzjoni mill-lejl għan-nhar. Infatti, din il-bijografija ddaħħal lill-qarrejja fl-ispirtu tal-kwistjonijiet kollha li qamu hekk kif kien hemm min ħa l-prekawzjonijiet li kienu qed jiġu mwissija mill-awtoritajiet, fosthom biex jitgħalla l-ħalib, mentri oħrajn baqgħu jinsistu li l-ħalib ma kienx il-kawża u b’hekk baqgħu jixorbuh mill-mogħża kif kienu qed jagħmlu qabel.

Mitlub jgħidli x’ħalla fih dan l-istudju li qarrbu tant lejn il-ħajja ta’ dan il-personaġġ, il-Prof. Ellul Micallef stqarr: “Ammirazzjoni kbira lejn dak li rnexxielu jagħmel Temi Zammit fi żmien relattivament qasir, b’mezzi li kienu relattivament limitati.”

Kritiku: Prof. Anthony Bonanno

Sabiex nevalwa l-aspetti arkeoloġiċi li ġew diskussi f’din il-bijografija, tkellimt mal-Prof. Anthony Bonanno. Huwa kellu kliem ta’ tifħir lejn dan ix-xogħol, tant li qabblu ma’ enċiklopedija fejn wieħed jista’ jgħid li m’hemmx persuna waħda li b’xi mod, anke remotament, messet ma’ Malta, f’dan il-każ b’interess fil-qasam arkeoloġiku, li ma tissemmhiex u li ma tingħatalhiex informazzjoni bijografika, bħas-sena tat-twelid u dik tal-mewt, il-professjoni tagħha u jekk hi, jew xi ħadd li jiġi minnha, kellha konnessjoni ma’ Malta f’xi qasam ieħor. Infatti, Bonanno insista li mill-lum il-quddiem, kull riċerkatur li jagħmel xi tiftix fuq xi persuna li jissuspetta li kellha x’taqsam ma’ Malta, speċjalment fil-perjodu li jkopri is-seklu 19 u l-ewwel nofs tas-seklu 20, m’għandux jonqos li jikkonsulta dan ix-xogħol ta’ referenza indispensabbli, hekk kif dan il-għan l-awtur qiegħed għad-dispożizzjoni tal-qarrej indiċi ta’ madwar elf isem.

Temi Zammit ma kienx biss studjuż u akkademiku, iżda impenja ruħu bis-sħiħ ħalli joħloq fil-poplu Malti l-għarfien u l-kuxjenza dwar il-wirt arkeoloġiku tiegħu u ħadem biex jitwaqqfu l-istrutturi leġislattivi u mużeali biex dan seta’ jseħħ. Flimkien ma’ Manwel Magri, kollegi oħrajn u uffiċjali tal-gvern, Zammit ra li tgħaddi liġi biex tħares il-wirt arkeoloġiku tal-pajjiż mill-qerda, sikwit vandaluża, li kienet qed tiġri quddiem għajnejn kulħadd. Il-kontribut ta’ Zammit biex jitwaqqaf għall-ewwel darba u jkompli jissaħħaħ il-Mużew Nazzjonali, li tiegħu kien direttur għal kważi 30 sena, kien rikonoxxut minn ħafna personalitajiet ta’ kalibru u studjużi f’dan il-qasam.

Bħala kuratur tas-sezzjoni tal-arkeoloġija, Temi Zammit kien responsabbli minn diversi siti: l-iktar oqbra mħaffrin fil-blat taħt l-art li kienu jinkixfu sikwit, iżda wkoll ta’ skavi fuq siti preistoriċi, bħat-tkomplija tal-iskav tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni wara l-mewt ħesrem ta’ Manwel Magri fl-1907. Madanakollu l-”monument” (kif sejjaħlu Zammit stess) l-iktar importanti fil-karriera arkeoloġika tiegħu kien il-kumpless ta’ tempji megalitiċi ta’ Ħal Tarxien. Ta’ min ifakkar li kien hawn li Temi Zammit seta’ għall-ewwel darba jiddistingwi żewġ perjodi differenti tal-preistorja Maltija: in-Neolitiku mwaħħar u dak ta’ Żmien il-Bronż, li nkixef għall-ewwel darba f’għamla ta’ saff fond mimli rmied u reċipjenti tal-fuħħar, b’għadam uman maħruq ġo fihom, iddepożitati fuq xulxin u maġenb xulxin. Kien f’dan it-tempji li nstab ukoll, għall-ewwel darba, il-metal f’saff preistoriku.

Zammit jidher li kellu l-ikbar diżappunt tiegħu fil-qasam taż-żminijiet klassiċi u post-klassiċi, jiġifieri meta firex l-interess tiegħu fuq siti Rumani, l-iktar dak fuq in-naħa tat-tramuntana tad-Domus Romana, fejn ma sabx dak li kien qed jistenna, jiġifieri, fi kliemu, “pavimenti iddekorati b’mużajċi sbieħ, frammenti ta’ iskrizzjonijiet, statwi u dekorazzjonijiet arkitettoniċi”, bħal ma kien sab Antonio Annetto Caruana fl-1881. Ma rrealizzax kemm kien importanti ċ-ċimiterju Għarbi li skava fid-depożiti ta’ fuq il-fdalijiet Rumani: sit li sa llum, jikkostitwixxi wieħed mill-iktar fdalijiet rari u importanti ta’ dan it-tip ta’ monument arkeoloġiku ta’ żmien l-Għarab fil-Mediterran.

Il-Prof. Bonanno temm l-analiżi tiegħu ta’ din il-bijografija billi qal illi “Sal-bieraħ kien hemm vojt kbir, ikrah u ingrat, fl-istorjografija Maltija. Illum dak il-vojt nistgħu inqisuh mimli.”

Kritiku: Prof. Oliver Friggieri

altRigward il-qasam tal-letteratura Maltija li ġie inkluż f’din il-bijografija, tkellimt mal-Prof. Oliver Friggieri, li għoġbu jintroduċini wkoll man-novelli ħelwin li kiteb dan il-personaġġ u li dwarhom kiteb l-awtur.

Skont Friggieri, l-awtur wera li l-figura ta’ Temi Zammit kienet essenzjalment filantropika, fejn huwa ried jagħmel il-ġid lill-poplu Malti li ma kien jaf xejn dwar ċerti oqsma. Il-personalità mħallta ta’ Zammit, arkeologu, riċerkatur, mediku u awtur letterarju, tidher daqs li kieku tinqasam fi tliet fergħat maqtugħin minn xulxin. Imma ħarsa mill-qrib lejn dawn l-aspetti differenti tiegħu turi li dawn huma biss xejriet differenti ta’ identità waħda. Infatti Zammit kien wieħed li jemmen fil-qawwa tal-kelma, kemm meta din hi xjentifika, kemm meta hi istruttiva u anki meta hi letterarja.

Kif naraw f’din il-bijografija, Zammit kellu rispett qawwi lejn il-lingwa Maltija, f’perjodu meta din ma tantx kienet tingħata importanza. Infatti kien hu l-ewwel professur li bħala rettur tal-università beda juża l-lingwa Maltija u flimkien ma’ Pietru Pawl Saydon, kien kapaċi joħloq ambjent favur il-Malti fl-università, akkost li f’dak iż-żmien lanqas biss kien jeżisti dipartiment tal-Malti. Kien perjodu meta l-lingwa Maltija ma kellhiex dinjità bħalma ma kellhomx dinjità t-templji neolitiċi lokali. Allura nistgħu ngħidu li kien hu li skopra l-ġebla li kienet ser titbaqqan u tinqered, bħal fil-każ tat-tempji ta’ Ħal-Tarxien, u kien hu wkoll li skopra l-kelma u l-lingwa Maltija li kienu għoddhom inqerdu taħt il-preżenza tal-lingwi barranin.

Zammit kien bniedem li f’xogħlu kien qed ifittex l-għeruq ta’ pajjiżna sabiex jagħraf u jikkonferma jekk dawn il-gżejjer kellhomx identità tagħhom, inkella kienux biss blat f’nofs ta’ baħar. B’dan il-għan huwa beda jiġbor il-kliem antik Malti, it-termini tekniċi tal-għodod Maltin u d-drawwiet tradizzjonali tal-poplu tagħna sabiex aktar tard, huwa fassal bihom rakkonti interessanti permezz tal-osservazzjoni tal-ħajja tan-nies tat-triq. B’hekk Zammit wera li pajjiżna kien nazzjon, filwaqt li kkonferma li l-wirt kulturali tagħna kien jinsab fit-toroq, fl-għelieqi u fl-irħula.

Friggieri għalaq din l-analiżi billi stqarr, “Għalija, dawn il-volumi monumentali, mimlija bi kwantità ta’ annotamenti dwar Temi Zammit, huma rivelazzjoni kompleta ta’ bniedem illi kulħadd isemmih imma li ftit li xejn nafu dwaru u probabbilment hija din ir-raġuni għala dan l-individwu għadu mhux rispettat biżżejjed. Issa dan il-personaġġ kbir Malti qed jiġi rikonoxxut u nittama li dan ser jispira lil ħafna oħrajn sabiex inkomplu nitkellmu dwaru.”

(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (18 il-parti) fit-Torċa tat-2 ta’ Marzu 2014)

Min tgħidu li hu Vassalli?

altmiktuba minn Fiona Vella

Mikiel Anton Vassalli minn dejjem kien persunaġġ kontroversjali, kemm f’ħajtu kif ukoll wara mewtu. Infatti anki llum, meta qed niċċelebraw il-250 anniversarju mit-twelid tiegħu, għadek issib lil min jistaqsi ‘Imma dan ir-raġel x’kien eżatt? Eroj jew traditur ta’ Malta?’

Min hu Vassalli?

altKif spjega tajjeb il-Prof. Frans Ciappara fil-ktieb tiegħu An Enlightened Maltese Reformer: M. A. Vassalli 1764-1829, hemm min iqis lil Vassalli bħala ‘missier l-ilsien Malti’ u oħrajn saħansitra bħala ‘missier in-nazzjon’, iżda mbagħad issib oħrajn, bħal ngħidu aħna Ġużè Muscat Azzopardi, illi għalkemm għandhom rispett kbir lejh bħala lingwista, ma jgħodduhx bħala patrijott. “Kienet proprju din il-kontroversja li qanqlitni biex naħdem fuq ir-riċerka neċessarja sabiex niskopri l-verità dwar min kien il-veru Mikiel Anton Vassalli,” spjegali Ciappara.

Wiċċ immaġinat

Tagħmel wisq sens din l-idea tal-kommemorazzjonijiet tal-anniversarji tal-persunaġġi u tal-ġrajjiet storiċi għax permezz tagħhom nerġgħu nġeddu l-memorji u l-interess. Infatti jkolli nistqarr li jiena ftit li xejn kont naf dwar dan Vassalli u hekk kif din is-sena bdejt niltaqa’ ma’ diversi opportunitajiet sabiex nifhem aħjar min kien dan il-persunaġġ, ħtaft l-okkażjoni.

altF’Marzu li għadda, ġejt mistiedna biex inżur il-fdalijiet tal-ġonna ta’ Villa Frere fil-Gwardamangia illi fihom Vassalli kien isib ftit serħan u trankwillità flimkien ma’ wieħed mill-uniċi ħbieb li kellu, l-aristokratiku Ingliż, John Hookham Frere. Aktar tard, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-Belt, fl-esebizzjoni li hemm din is-sena li tikkonsisti minn mitt oġġett relatati mal-istorja ta’ Malta, ilmaħt il-Lexicon ta’ Vassalli. Naturalment ma setax jonqos li nagħti daqqa t’għajn ukoll lill-monument imponenti li hemm iddedikat għalih f’Ħaż-Żebbuġ, u hemmhekk ħassejtni sodisfatta li dan il-persunaġġ kien ingħata ġieħ. Madanakollu, meta dil-ġimgħa ltqajt mal-Prof. Ciappara sirt naf illi sa llum, għadna qatt ma sibna xi rikordju tax-xbieha tiegħu u allura s’issa, wiċċ Vassalli huwa biss immaġinat.

Kull ma kien imiss kien isir landa

Sabiex nipprepara ruħi aħjar għal din l-intervista, qrajt il-ktieb ta’ Ciappara fejn finalment stajt insegwi l-ġrajja ta’ ħajjet Vassalli. Sibt illi l-istorja ta’ dan l-individwu kienet imħawwra mhux ħażin peress li hu għex fil-perjodu mqanqal tal-aħħar snin tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, fl-era tal-ħakma tal-Franċiżi f’Malta u anki fl-ewwel snin tat-tmexxija kolonjali Ingliża. Għall-ewwel, ma stajtx ma nosservax illi Vassalli donnu għex dejjem taħt id-dell ta’ sħaba sewda, tant li fi kliem Ciappara stess “kull ma kien imiss dan l-individwu kien isir landa flok deheb!”. Madanakollu, meta bqajt nixtarr id-destin ta’ dan il-bniedem, staqsejt lili nnifsi jekk wara kollox kienx hu stess li fassal din it-triq għalih meta dejjem għażel li jgħix kontra s-sistema tal-perjodu li għex fih.

Għaldaqstant, waqt din id-diskussjoni ma’ Ciappara staqsejtu jekk fl-opinjoni tiegħu, dan il-bniedem kienx sempliċiment sfortunat, inkella twelidx fiż-żmien żbaljat, jew jekk wara kollox dak li esperjenza kienx ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet żbaljati li dan il-personaġġ ħa matul ħajtu peress li sikwit għażel li jimxi kontra l-kurrent?

“Kien bniedem sfortunat tassew għax kważi kull ħaġa li pprova jagħmel ġietu trab. Barra minn hekk twieled fi żminijiet koroh u xi ftit jew wisq, naħseb li twieled qabel żmienu wkoll. Min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa jekk hu ħax deċiżjonijiet żbaljati jew le, trid dejjem tikkunsidra l-perjodu li hu għex fih. Infatti, kien għalhekk li jiena ppreżentajtu fil-kuntest li hu kien qiegħed iġarrab fuq ġildu, kemm f’dak li hu ambjent lokali u anki f’dak ewropew,” fissirli Ciappara.

Il-ġrajja ta’ Vassalli

Mikiel Anton Vassalli twieled fil-5 ta’ Marzu 1764 f’Ħaż-Żebbuġ. Dan kien il-perjodu tal-Illuminiżmu, meta l-bniedem kien qed jazzarda jisfida kull fatt u kull twemmin li hu kien wiret mill-ġenerazzjonijiet ta’ qablu.

Meta kellu biss sentejn, missieru Gabriel marad u miet u ħalla warajh mara bi tliet itfal. Fl-1770, ommu Catarina reġgħet iżżewwġet bidwi ieħor, Gaetano Mifsud, li kompla jieħu ħsieb il-familja. Iżda ġara illi fl-1779, meta Vassalli kellu 16 il-sena, missieru tar-rispett ġie mitfugħ il-ħabs minħabba li ma ħallasx il-kera tal-art lill-istituzzjoni tal-Knisja.

“Probabbli dan il-fatt ħalla l-marka tiegħu fuq Vassalli u t-tbatija psikoloġika li għadda minnha f’dawk il-mumenti, anki minħabba l-istigma li din ir-realtà ġġib magħha, setgħet wasslet biex nisslet dak l-element rivoluzzjonarju li kien tant evidenti fih matul ħajtu kollha,” fehemni Ciappara.

Jidher li għal xi żmien, Vassalli wera x-xewqa li jsir qassis tant li pprova japplika biex jidħol is-seminarju. Imma f’dik is-sena ma kienx hemm post għal aktar studenti u għalhekk hu ma ġiex aċċettat. B’danakollu, huwa ma qatax qalbu u minflok daħal jistudja l-Għarbi fi skola li kellha l-funzjoni li tħarreġ individwi sabiex isiru missjunarji fost il-Musulmani. “Hawnhekk Vassalli bbrilla u infatti narawh jirbaħ ammont ta’ flus peress li kien wieħed mill-aqwa erbgħa studenti.”

Mogħni bil-kuraġġ minn dawn ir-riżultati sbieħ, fl-1785, Vassalli rħielha lejn Ruma bil-kunsens tal-isqof ħalli jistudja biex isir qassis. F’Ruma, huwa beda jitħarreġ fit-teoloġija, fil-liġi kanonka, fl-iskrittura, u anki fil-lingwi Orjentali; l-Ebrew, l-Għarbi u s-Sirjak. Fl-1788 Vassalli applika sabiex isir lekċerer tal-Liturġija Orjentali u Siro-Kaldijaka fl-Università La Sapientia f’Ruma iżda peress li ma kienx qassis, ma kienx eliġibbli.

Missjunarju fost niesu stess

“F’Ruma Vassalli sab dinja oħra b’ideat ġodda mfawwra mill-Illuminiżmu, u bla dubju dan ħalla l-influwenzi tiegħu fuqu,” qalli Ciappara. “Fosthom, skont il-moda ta’ dak iż-żmien, huwa biddel kunjomu minn Vassallo għal Vassalli, forsi biex b’hekk jimmarka wkoll it-tranżizzjoni għall-bniedem il-ġdid li xtaq isir. Infatti, għalkemm naraw li d-dinja għamlitha impossibbli għalih biex isir il-missjunarju reliġjuż li xtaq, il-mod kif ħajjet Vassalli żviluppat, spiċċat biex xorta ffurmatu f’missjunarju fost niesu stess fejn huwa kien dejjem jippriedka l-bżonn tal-edukazzjoni u n-neċessità tal-ilsien Malti.”

Hekk kif Vassalli beda jiġi ntrodott għal dawn l-ideat barranin, huwa nħakem minn xewqa kbira biex jara kif ser japplikahom għal pajjiżu. “Il-pjan tiegħu kien imfassal fuq programm dettaljat li kellu l-għan li jillibera lil niesu mix-xkiel tal-injoranza sabiex huma joħolqu Malta ġdida. L-arma prinċipali tiegħu kienet l-edukazzjoni u fil-fehma tiegħu, din kellha tingħata lil kulħadd u mhux biss lil ċerti livelli għolja tas-soċjetà kif kien qed jiġri dak iż-żmien.”

Vassalli jaqbad l-armi

“Fl-1795 Vassalli kkomunika mal-Gran Mastru De Rohan u talbu sabiex jikkunsidra l-ftuħ ta’ skejjel għall-pubbliku sabiex il-Maltin ikunu jistgħu jitgħallmu jiktbu u jaqraw bil-Malti. Barra minn hekk, Vassalli rrakkomanda wkoll illi Malta għandu jkollha l-’lingwa’ tagħha fl-Ordni ta’ Malta bħal kif kellhom nazzjonijiet oħrajn. Imma dawn iż-żewġ proposti waqgħu fuq widnejn torox. Fis-sena ta’ wara huwa ppubblika l-Lexicon li kien dizzjunarju maħdum bir-reqqa fl-ilsna Latin-Taljan-Malti, u fl-introduzzjoni tiegħu huwa fisser dan il-proġett li kellu. Imma anki dan ġie injorat.”

“Sadanittant, Vassalli ssuġġerixxa wkoll lill-istess Gran Mastru sabiex jieqfu jeħduha kontra l-Mislem u minflok jaħtfu l-opportunità biex jagħmlu negozju miegħu ħalli jibdlu lil Malta f’ċentru ta’ kummerċ. Però anki hawn sab li kien qed jitkellem mal-ħajt u għalhekk finalment, Vassalli ddeċieda li jaqbad l-armi flimien ma’ xi Maltin oħra, kontra din l-Ordni li donnha ma riedet tagħti widen ta’ xejn. Huma ppruvaw jisirqu l-armerija ta’ Ħal-Qormi iżda sfortunatament inqabdu u Vassalli spiċċa kkundannat għal għomru l-ħabs u ntbagħat ir-Rikażli fejn ħarab ftit wara lejn Franza,” irrakkuntali Ciappara.

Waqt il-ħakma Franċiża

alt“Nistgħu nimmaġinaw x’ħass meta fl-1798 sema’ li l-Franċiżi kienu daħlu Malta u għalhekk seta’ jirritorna lura lejn pajjiżu! Probabbli ħaseb li finalment il-pjanijiet tiegħu kienu ser iseħħu hekk kif fi ftit taż-żmien, Napuljun beda jimplimenta għadd ta’ bidliet hawn Malta fejn fosthom fetaħ numru ta’ skejjel għall-pubbliku,” reġa’ daħħalni fl-istorja Ciappara. “Hu kien mar joqgħod Ħaż-Żebbuġ u min jaf kemm ħassu kburi meta ra l-bandiera Franċiża tperper minn fuq il-knisja tar-raħal! Imma mill-ġdid ħolmietu sfaxxat ħabta u sabta meta fi ftit xhur il-Maltin irvillaw kontra l-Franċiżi u kollox inbidel ta’ taħt fuq, tant li Vassalli spiċċa meqjus bħala ġakbin mal-Franċiżi u traditur ta’ Malta.”

Bilkemm flaħt naqra d-deskrizzjoni tal-awtur hekk kif dan kiteb illi f’disperazzjoni għall-bżonn tal-karti sabiex bihom jagħmlu l-iskartoċċi, in-nies tal-lokal daħlu fir-residenza ta’ Vassalli u ġarrew il-kotba u l-manuskritti li sabulu, fosthom il-kopji tal-grammatika u d-dizzjunarju, u agħar minn hekk 76 qatta’ ta’ noti li kienu jikkonsistu fil-kumpilazzjoni tal-Appendiċi Etomoloġika u żewġ Indiċi tal-Lexicon! “Ma tagħtihx tort lil Vassalli li ħarab saqajh ma’ dahru lejn il-belt Valletta għax kieku baqa’ hemm, lilu kienu jġibuh tabakk.”

Mi faccio turco!

Għall-ewwel Vassalli rnexxielu jeħlisha ħafif imma meta sa fl-aħħar il-Maltin sejjħu għall-għajnuna tal-flotta Ingliża u dawn waqqfu l-provvisti tal-Franċiżi, in-nies li kienu ngħalqu fil-belt mal-Franċiżi, ma damux ma sabu ruħhom f’ġuħ tal-għama. Jum minnhom mitejn Maltin inkluż Vassalli ħarġu ‘l barra mill-belt, imma hekk kif in-nies għarfuh, huwa safa arrestat u magħluq fil-ħabs ta’ Sant’Anton. Vassalli ħadha bi kbira ferm din u ma damx ma marad sewwa tant li kellhom jeħduh l-isptar fejn illum hemm id-Dumnikani r-Rabat, Malta. Wara ttieħed il-castellenia u hemm iġġennen. ‘Mi faccio turco!’ (Insir Tork!) ġieli nstema’ jlissen b’rabja.

“Kidditu bosta din il-kundanna,” insista Ciappara. “Tant ġie fi stat ħażin illi beda jiqriegħ. Għallinqas il-gwardjan tal-ħabs kien ħallih jiltaqa’ naqra mal-priġunieri l-oħra għal waqt l-ikel u hemm hu kien jiftaħ qalbu magħhom, fosthom ma’ Giuliano Panzavecchia, li eventwalment ibnu Fortunato niżżel dawn il-memorji fi djarju li sa llum baqa’ ma ġiex ippubblikat.”

Vassalli eżiljat

Fl-1801 Vassalli talab li tingħatalu l-maħfra imma din ma ġietx aċċetata u minflok ġie mkeċċi minn Malta. Huwa reġa’ lura Franza u f’dan iż-żmien ix-xorti daħkitlu hekk kif fl-1808, il-gvern Franċiż xtaq isib lil xi ħadd li kien kapaċi jkabbar il-qoton peress li l-flotta Ingliża kienet qed timblokka l-portijiet kollha tal-kolonji li kellhom u b’hekk ma setgħux jinġiebu l-provvisti mill-pajjiżi tas-soltu. “Peress li Vassalli kien ġej minn familja tal-bdiewa li f’Malta kienu jkabbru l-qoton, huwa kellu esperjenza tajba f’dan il-qasam u b’hekk ngħata r-responsabbiltà uffiċċjali tat-tkabbir tal-qoton. Iżda l-irtirata ta’ Napuljun mir-Russja flimkien mat-telfa kbira tiegħu f’Leipzig fissru t-tmiem għal Vassalli hekk kif ir-Re Luigi XVIII reġa’ ħa t-tron u l-kultivazzjoni tal-qoton twaqqfet.”

Għalkemm Vassalli għamel xi żmien jitħabat għal rasu biex forsi jirnexxielu xorta waħda fil-qasam tal-qoton, finalment hu kellu jċedi għax beda jitlef il-flus. B’dak kollu li kellu, flimkien ma’ familtu, huwa rħielha lejn Spanja imma lanqas hemm ma rnexxielu jkampa. Skont Ciappara issa Vassalli kien sar qisu qoxra vojta ta’ bniedem, “Qabel telaq minn Marsilja, huwa kiteb ittra patetika lill-Ministru tal-Intern fejn spjegalu min kien, u qallu dwar il-kwalifikazzjonijiet u l-kitbiet tiegħu, filwaqt li semma’ wkoll li fl-aħħar snin kien anki l-kap tas-sezzjoni tat-tkabbir tal-qoton. Talbu biex jagħtih xi għajnuna finanzjarja minħabba li kien spiċċa biex waqa’ f’faqar kbir u għalhekk ma kellux mezz biex jixtri xi ħwejjeġ sura għalih, għal martu u għall-erbgħa wliedu ħalli bihom jirritornaw lura lejn Malta bħan-nies. Madanakollu r-risposta li rċieva kienet tgħid xott xott illi l-ftit flus li kien fadal fil-pajjiż kienu ser jintużaw għall-bżonnijiet tal-Franċiżi biss.”

Lura Malta – mal-Protestanti

Jekk Vassalli ħaseb li n-nies f’Malta kienu nsewh, mar ħażin, għax hekk kif ġie lura għarfuh mill-ewwel… u bagħduh. Spiċċa li biex jaqla’ xi ħaġa għall-familja kellu jittraduċi għall-Malti xi partijiet mill-bibbja għall-Protestanti ħalli dawn ikunu jistgħu jxerrdu aħjar it-tagħlim tagħhom fostna. “Traduċa l-bibbja mingħajr il-kunsens tal-Isqof u biex tgħarraq is-sitwazzjoni aktar, għamilha għall-Protestanti!” qalli Ciappara.

Fil-ktieb tiegħu l-awtur jispjega fid-dettall dwar il-pjan tal-Protestanti li jibdlu lil Malta f’ċentru minn fejn seta’ jixxerred il-Protestantiżmu. Huwa jirrakkonta wkoll it-tbatija li kienu għaddejjin minnha Maltin oħra li kienu qed jissieħbu mal-Protestanti, fosthom ċertu Bonavia, għalliema li rat ħafna ma’ wiċċha, speċjalment meta l-arċipriet tal-Isla wissa lin-nies minn fuq il-pulptu biex ma jibgħatux lill-uliedhom għandha u qalilhom li aħjar jaqbdu sikkina u jħanxru għonqhom minflok!

“Biex jittraduċi l-bibbja għall-Malti kellu qabel jistandardizza l-lingwa u hekk għamel. Fl-1825 hu laħaq bħala l-ewwel professur fil-Malti imma dan ix-xogħol ma kienx sanzjonat uffiċċjalment mill-gvern, tant li l-paga tiegħu jingħad li kienet titħallas privatament minn John Hookham Frere.”

Riedu jidfnuh bħal kelb

Vassalli miet fit-12 ta’ Jannar 1829 wara attakk sever tar-rewmattiżmu fejn hu bata mhux ħażin. Imma donnha din is-saħta li kellu fuqu lanqas wara mewtu ma riedet tħallih bi kwietu għaliex minħabba li huwa kien meqjus mill-Knisja bħala ‘suspettat’ minħabba li kien maħsub li kien poġġut mas-sieħba tiegħu u anki li kien Protestant, il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl il-Belt irriffjuta li jidfnu f’ċimiterju mal-oħrajn u minflok ried jerħielu ġismu f’dik li kienet tissejjaħ miżbla, jew aħjar art mhux imbierka. Jingħad li dan kien jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ xkupa fuq il-mejjet ħalli jindifen ‘bħall-kelb’. Almenu, Vassalli ġie salvat minn din id-difna ndenja minn sħabu l-Protestanti li meta raw kif xtaqu li jidfnuh ħutu l-Kattoliċi, huma talbu l-permess tal-gvern u anki dak ta’ martu u ta’ oħtu sabiex jidfnuh huma bir-rispett kollu f’ċimiterju tagħhom.

“It-tmiem ta’ Vassalli kien traġiku bħall-bqija ta’ ħajtu,” qalli Ciappara. “Imma naħseb li finalment huwa miet kuntent minħabba li nissopponi li huwa basar li xi darba jew oħra ħidmietu kienet ser trodd il-frott fuq din l-art li hu tant ħabb imma li matul ħajtu, hi qatt ma ħabbitu lura.”

“Jiena nirrispettah ferm lil Vassalli, kemm għax ħabb lil Malta u lill-Maltin u anki għax-xogħol siewi li wettaq fil-qasam tal-lingwa Maltija. Żgur li ħaqqu ferm it-titlu li ngħatalu llum bħala ‘missier il-lingwa Maltija’,” temm jgħidli l-Prof. Ciappara.

Kopji ta’ reġistru li juru fejn ġie midfun Vassalli

altWara li kont segwejt b’tant interess l-istorja ta’ Vassalli, ma stajtx ma mmurx inżur is-sit fejn hu ġie midfun. Fi kmajra ġewwa ċ-ċimiterju tal-Msida Bastion fil-Furjana, ġejt murija xi oġġetti relatati ma’ Vassalli fosthom kwadru tax-xbieha ‘tiegħu’, kopja tal-Lexicon li ngħatat b’self lil Din L-Art Ħelwa mill-familja Vassallo, riproduzzjoni ta’ paġna mill-Lexicon, kopja tal-alfabet Malti li kien ġie mressaq minn Vassalli, u anki kopji tan-noti tar-reġistru tal-funerali li juru li f’dak iċ-ċimiterju ġew midfuna Vassalli u martu.

Skont informazzjoni li sibt f’dan il-post jidher li fl-1937, ċertu Frederick Jones, li kien in-neputi tad-deffien tal-Msida Bastion, skopra qabar Malti li nstab li kien ta’ Vassalli. Madanakollu l-post eżatt tal-qabar ta’ Vassalli u ta’ martu ntilef u għalhekk minflok illum wieħed isib monument kommemorattiv…

Għadilli x-xemx qalila tas-sajf Malti kienet nixfet il-ħdura tal-ġnien, xi fjuri lelà u sofor kienu qed isebbħu din it-tifkira tal-post tal-mistrieħ ta’ Vassalli. U fl-isfond, donnu l-protettur tiegħu anki wara l-mewt, ilmaħt il-qabar maestuż ta’ John Hookham Frere.

U issa intom li bħali sirtu tafu ġrajjiet Vassalli, min tgħidu li hu?

(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (16 il-parti) fit-Torċa tal-24 t’Awissu 2014)

Sorijiet u prostituti

miktuba minn Fiona Vella

altGħaddejt minn quddiem il-Knisja tal-Maddalena kemm il-darba mingħajr qatt ma bsart xi storja kien hemm warajha. Madanakollu, minn dejjem naffarni l-ħsieb li din il-knisja antika kienet għamlet żmien tiġi utilizzata bħala post fejn jinħadmu l-karrijiet tal-karnival. Iżda kien biss ftit tal-jiem ilu, waqt li kont qed inħuf għal xi erba’ kotba interessanti fil-Fiera tal-Ktieb, meta finalment ġejt wiċċ imb wiċċ mar-realtà tad-destin ta’ din il-binja. Kien it-titlu tal-ktieb Magdalene Nuns and Penitent Prostitutes – Valletta li għall-ewwel sammarni fil-post u sfidani nqalleb il-paġni ħalli nara dwar xiex kien jitratta. Naturalment ma stajtx nitlef l-opportunità li nkellem lill-awtriċi tiegħu, Christine Muscat, u minn hemmhekk infetħet dinja sħiħa ta’ dokumenti antiki u stejjer mistura, intriċċi u misteri, voti tas-sorijiet tal-klawsura u ittra ta’ mħabba miktuba lil waħda minnhom li nstabet fil-Biblijoteka Nazzjonali, ħajjiet ta’ sorijiet konnessi ma’ dawk tal-prostituti, u kripta mirduma bil-fdalijiet tas-sorijiet tal-Maddalena tistenna sakemm xi ħadd jerġa’ jsibha ħalli jagħti lura d-dinjità lil dawn in-nisa, illum minsija imma li fi żmienhom kienu tant magħrufa.

Kien artiklu ta’ Giovanni Bonello li kellu t-tema tal-prostituti u l-korteġġjani ta’ żmien l-Ordni li ispira lil Christine biex timraħ aktar dwar dan is-suġġett. Peress li hija gwida, ma damitx ma ħarġet bl-idea li tibni programm interessanti għall-viżitaturi tal-Belt relatat ma’ dan is-suġġett u l-inħawi antiki tiegħu. It-tfittxija għall-postijiet adattati ħaditha fosthom quddiem il-Knisja tal-Maddalena u hekk kif bdiet tirriċerka ftit l-istorja tagħha, mill-ewwel sabet ruħha affaxxinata b’dak li beda ħiereġ, tant li spiċċat biex kitbet teżi sħiħa mit-tagħrif li sabet sabiex bih kisbet il-grad ta’ Master fl-Istudju tal-Ospitallieri. Eventwalment din ir-riċerka tant intlaqgħet tajjeb li l-pubblikaturi, Book Distributors Ltd, iddeċidew li kien jixirqilha tiġi ppreżentata fi ktieb.

altFatt kurjuż huwa li meta Christine bdiet tistaqsi madwarha ħalli tikseb informazzjoni dwar din il-knisja u s-sorijiet tagħha, ftit li xejn kien hemm min kien jaf dwarha. Donnhom dawn is-sorijiet tal-Maddalena kienu ġew imħassra kompletament mill-memorja kollettiva ta’ dan in-nazzjon, bħallikieku xi ħadd xtaqhom jintesew għal kollox. Iżda huwa waqt każi bħal dawn li l-arkivji juru l-potenzjal tagħhom, hekk kif aktar ma l-awtriċi bdiet tistinka biex tiġbor it-tifkiriet ta’ dawn is-sorijiet, iżjed bdiet toħroġ l-evidenza tal-eżistenza tagħhom.

L-istorja teħodna lura lejn żmien l-Ordni, meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann ġew ordnati jħallu Rodi u sabu ruħhom jgħixu hawn Malta. Fost ir-refuġjati li ġew minnRodi flimkien mal-kavallieri, kien hemm ukoll għadd ta’ prostituti li segwew lill-klijenti tagħhom f’pajjiżna. Riżultat t’hekk, il-pjaga tal-prostituzzjoni fil-gżejjer tagħna, kompliet terfa’ rasha u kibret b’rata allarmanti, tant li fl-aħħar tas-seklu 17, viżitatur Franċiż ikkummenta li ma kienx hemm post fid-dinja fejn il-mard venerali seta’ jittieħed aktar malajr mill-gżira ta’ Malta. Aktar tard, fit-18 il-seklu, il-vjaġġatur Ġermaniż von Riedesel sostna li fil-belt Vallettama kienx għad fadal mara waħda onesta! Rapporti bħal dawn, għalkemm ċertament esaġerati, ma damux ma ġibdu bosta kritika fuq l-Ordni fejn din ġiet akkużata li ma kienet qed tagħmel xejn biex toħnoq din il-problema fil-gżejjer Maltin. Għaldaqstant dawn fetħu monasteru għas-sorijiet tal-klawsura tal-Maddalena li kien jinsab biswit il-monasteru ta’ Sant’Ursula l-belt Valletta, sabiex fih setgħu jinġabru dawk il-prostituti ripentiti li ma xtaqux ikomplu b’din il-ħajja tad-dnub u minflok jieħdu l-voti tal-kastità, il-povertà u l-ubbidjenza. Ta’ min isemmi li din ma kinetx xi idea oriġinali tal-kavallieri ta’ Maltagħax monasteri tas-sorijiet tal-klawsura tal-Maddalena kien hemm f’diversi pajjiżi, speċjalment fejn kien hemm il-portijiet u t-taħlit tan-nies li sikwit kienu jwasslu għall-firxa tal-prostituzzjoni.

Għall-ewwel dawn is-sorijiet bdew mix-xejn u meta fl-1596 żarhom l-Inkwiżitur Innocenzo delBufalo de Cancellieri huwa kiteb lill-Kardinal Aldobrandini f’Ruma biex jgħarrfu li dawn in-nisa kienu qed imutu bil-ġuħ u li l-binja tagħhom kienet kiesħa silġ. Mill-ġdid din l-aħbar qanqlet ħafna kritika lejn l-Ordni u dawn ma kellhomx għażla ħlief li jirrimedjaw din il-problema billi jibnu monasteru ġdid għal dawn is-sorijiet. Pjanti antiki tal-monasteru l-ġdid juru li dan ġie mibni madwar bitħa ċentrali twila u dejqa u li kien magħmul minnbinja sħiħa rettangolari li kienet tinsab bejn Triq Merkanti (dak iż-żmien Strada San Giacomo) u Triq it-Tramuntana (Strada Sant’Elmo). Issa dawn is-sorijiet kellhom post lussuż fejn kellhom l-ilma tagħhom u saħansitra funtana. Barra minnhekk, il-knisja li kienet tagħmel parti mill-monasteru, bdiet tiżżejjen b’xogħolijiet tal-aqwa artisti ta’ dak iż-żmien bħal Filippo Paladini u Mattia Preti.

Il-finanzi ta’ dan il-monasteru kienu jidħlu minndiversi sorsi fosthom: mid-doti li kienu jġibu magħhom is-sorijiet, mid-donazzjonijiet, mill-fondi li kienu dovuti kull sena mill-Ordni, u mill-fondazzjoni ta’ Ġirolama Ciantar li ħalliet somma ta’ flus li biha tmien tfajliet mis-Siġġiewi bil-kunjom Ciantar, setgħu jiddaħħlu bħala sorijiet f’dan il-monasteru mingħajr ma jħallsu d-dota dovuta. Imma ċertament l-aktar sors sinifikanti minnfejn dawn is-sorijiet bdew jibnu l-assi tagħhom kien permezz ta’ taxxa li ġiet imposta fuq il-prostituti kollha li kien hemm f’Malta f’dawk iż-żminijiet, fejn dawn kellhom iħallsu 20% ta’ flushom, tal-propjetà tagħhom u ta’ dak kollu li kienu jippossjedu, sabiex bihom is-sorijiet tal-Maddalena setgħu jieħdu ħsieb l-ispejjeż tal-monasteru tagħhom. Din it-taxxa li oriġinarjament ġiet introdotta f’Ruma mill-Papa Klement VIII fl-1602, kienet qajjmet fervent sħiħ fost il-prostituti ta’ Ruma u l-istess ġara f’Malta meta l-Granmastru nġieb f’pożizzjoni li jrid u ma jridx idaħħal l-istess regola f’pajjiżna. B’inġenjożità, b’manipulazzjoni u b’kapaċità li wieħed ma jistenniex minnsorijiet tal-klawsura magħluqa bejn erbgħa ħitan fis-seklu 17 u 18, dawn in-nisa rnexxielhom jibnu fortuna kbira, tant li wara ċertu ammont ta’ snin, il-ħajja tagħhom fil-monasteru kienet fost l-aktar lussużi.

F’monasteru fejn kien hemm nisa ta’ oriġini sinjura u edukata mħallta ma’ oħrajn li minndejjem kienu foqra, b’uħud minnhom li daqu anki d-dinja tal-prostituzzjoni, ma setax jonqos li jkun hemm bosta kunflitti interni. Infatti, bħal f’kull monasteru ta’ dak iż-żmien, kien hemm is-sorijiet koristi li kienu jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ l-artijiet u l-investimenti li kellu l-monasteru, u s-sorijiet servjenti li kellhom ir-responsabbiltà tax-xogħol domestiku, u din ir-realtà kienet toħloq ġerarkija bejniethom. L-inkwiet kien jinqala’ wkoll meta kienu jiġu mposti fuqhom xi nies li ma kienux jaqgħu taħt ir-regola tal-monasteru fejn kien hemm spjegat ċar li huma ma setgħux jaċċettaw morda, xjuħ u nisa tqal. Infatti kien hemm inċidenti meta r-rabja ta’ xi sorijiet qabżet il-linja mhux ħażin, bħal meta wħud minnhom ippruvaw joqtlu tfajla tqila li ntbagħtet tgħix magħhom permezz tal-velenu! Att li kien infurja lill-Inkwiżitur Giovani Ottavio Mancinforte li meta sar jaf b’din l-istorja, huwa ordna l-għeluq tal-monasteru u tal-knisja tiegħu u l-iskomunikazzjoni tas-sorijiet. Kien biss għal xi intermedjarji li daħlu għalihom li kkalmaw is-sitwazzjoni meta s-sorijiet kellhom jiskużaw ruħhom anki jekk kontra qalbhom.

Il-poter u l-kuntatti li kellhom uħud minndawn is-sorijiet kien qawwi ħafna u dan kien ċar min-numru ta’ ġrajjiet li l-awtriċi rnexxielha tislet mid-dokumenti. Iżda ċertament waħda mill-aktar fatti impressjonanti huwa dak tas-soru ripentita Sister Dorothea Valenti, li kienet eks-korteġġjana tal-Granmastru De Paule. Ġara li meta din ġiet irrifjutata milli tkun il-korteġġjana tas-suċċessur ta’ De Paule, hija ddeċidiet li tidħol bħala soru tal-Maddalena u magħha ħadet 18,000 skud u lil bintha Anna li kellha tliet snin. Peress li r-regola tal-monasteru ma kinetx taċċetta li t-tfal jgħixu ma’ dawn is-sorijiet, Valenti għamlet talba speċjali lill-Papa Urban VIII u dan aċċetta li bintha titħalla tgħix magħha, bil-patt u l-kundizzjoni li meta t-tifla ssir adoloxxenti tieħu l-voti tal-klawsura. U hekk sar. Infatti Anna Valenti saret soru tal-klawsura imma wara xi żmien din ħalliet il-monasteru u jidher li ħadet l-isem ta’ Anna Pitard.

altFost il-paġni ta’ dan il-ktieb intriganti, wieħed isib ukoll kopja ta’ ittra ta’ mħabba li l-awtriċi sabet arkivjata flimkien mad-dokumenti antiki tal-Biblijoteka Nazzjonali. Fiha, l-awtur anonimu li kien il-maħbub ta’ ċerta Giuditta għal 33 sena sħaħ, jinfurmaha li kien sejjer ikellem lill-Papa u sadanittant jissuġġerilha wkoll biex tilbes żarbun tat-takkuna u tibda titla’ u tinżel it-taraġ bih ħalli ma tintelaqx. L-ittra twebblek li forsi finalment dawn il-maħbubin kienu ser jieħdu xi deċiżjoni biex jibdew xi ħajja flimkien. Madanakollu, Christine irnexxielha ssib soru li kien jisimha Sister Giuditta Novi li kienet tgħix fil-monasteru fil-perjodu tal-ittra u din mietet hemm erbgħa snin wara d-data ta’ dan il-messaġġ.

Bi storja ta’ aktar minn200 sena, wieħed jista’ jimmaġina kemm hemm aktar rakkonti f’dan il-ktieb. Imma l-ispazju f’dan l-artiklu jitlobni biex issa nasal għall-perjodu meta l-ħajja ta’ dawn is-sorijiet inbidlet minnlejl għan-nhar hekk kif Maltawaqgħet taħt idejn il-Franċiżi. Infatti kien biss ġimgħa wara l-wasla tal-ħakkiema l-ġodda meta s-sorijiet irċevew ittra mingħand l-awtoritajiet li kienet qed tinfurmahom li l-monasteru tagħhom kien ġie soppress u li huma kellhom jitilqu minnhemm fi żmien ġurnata u jħallu kollox warajhom. Christine tiddeskrivi b’mod imqanqal dawn is-siegħat tat-twehir hekk kif dawn is-sorijiet b’ta’ fuqhom senduqhom, ġew akkumpanjati mis-suldati Franċiżi armati bil-bajjunetti, sabiex imorru jgħixu flimkien mas-sorijiet ta’ Santa Katarina li kien jinsab ftit passi ‘l bogħod mill-monasteru tagħhom, fejn baqgħu jgħixu sakemm mietu. Jidher li maż-żmien huma rnexxielhom jiġbru xi affarijiet li kellhom fil-monasteru tagħhom, imma l-biċċa l-kbira tal-affarijiet għosfru. Akkost li meta telqu l-Franċiżi minnMalta, il-ħakma Ingliża rritornat il-monasteri lura lis-sorijiet u lill-patrijiet li kienu jgħixu fihom qabel, dan ma seħħx mas-sorijiet tal-Maddalena. Anzi huwa kurjuż il-fatt li meta s-sorijiet bagħtu t-talba tagħhom lill-awtoritajiet biex jingħatawlhom lura l-possessjonijiet tagħhom, inkluż il-monasteru, huma rċevew l-informazzjoni dettaljata li kienu bagħtulhom lura b’sempliċiment sentenza miktuba fuqhom li kienet tispjega li r-rikjesta tagħhom kienet ġiet injorata! Minnhemm l-istorja ta’ dan il-monasteru u s-sorijiet tiegħu tant titħawwad li hu diffiċli ħafna biex tispjega eżatt x’ġara. Intant, parti kbira minndan il-monasteru ġġarfet meta l-post intlaqat bil-bombi waqt it-tieni gwerra dinjija.

L-awtriċi rnexxielha ssib il-postijiet fejn uħud mill-aħħar sorijiet tal-Maddalena ġew midfunin; fosthom 31 soru jinsabu midfuna fil-kripta tal-monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta. Iżda Christine għandha xewqa kbira li xi darba tiġi nvestigata l-kripta li jidher li hemm wara l-kor tal-knisja tal-Maddalena li fis-sena 1866 kienet infetħet aċċidentalment minnxi ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq il-bini tal-iskola biswit. Achille Ferris ħareġ rapport dettaljat dwar dak li sab fejn fosthom irrimarka dwar ir-raffinatezza tal-arkitettura tal-kripta u anki dwar is-sejba ta’ xi fdalijiet ta’ sorijiet midfuna fuq il-qiegħa tal-art, fejn waħda minnhom kienet għadha liebsa l-abitu.

altFl-istess ħin, l-awtriċi traċċat ukoll żewġ kwadri li juru xeni tal-Maddalena ma’ Ġesù bit-titlu Noli me tangere (la tmissnix), li jidher li kienu jappartjenu lil dan il-monasteru. Wieħed minndawn il-kwadri qiegħed fil-monasteru ta’ Santa Katarina filwaqt li l-ieħor jinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard. F’ritratt antik u rari tal-intern tal-knisja tal-Maddalena, Christine irnexxielha tilmaħ wieħed minndawn il-kwadri wara l-artal maġġuri. Issa hi tixtieq li xi espert fil-qasam tal-arti jikkonferma jekk xi wieħed minndawn il-kwadri huwiex xogħol ta’ Filippo Paladini kif jingħad ħalli b’hekk tkompli tinħall il-kobba dwar din l-istorja.

Meta Christine avviċinat lill-Kunsill Lokali tal-Belt Vallettaperess li xtaqet tagħmel il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb tagħha fil-knisja tal-Maddalena, hija mill-ewwel sabet għajnuna kbira. Imma hekk kif fetħu l-bieb tal-knisja huma sabuha fi stat tal-biki: bl-ilma dieħel mis-saqaf tagħha u b’ħitan mimlija graffiti u bi kliem oxxen. Permezz ta’ fondi mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-knisja ġiet imnaddfa mill-imbarazz li kien fiha, is-saqaf ġie kkurat u l-ħitan tnaddfu. Il-Kunsill xtaq anki jsib fondi biex jiftaħ il-kripta ħalli b’hekk din l-istorja li reġgħet ingħatat ir-ruħ, tkompli twassal għal aktar żviluppi f’dan il-qasam, imma s’issa dan ma kienx possibbli. Nemmen li proġett bħal dan ikun validu ħafna għas-settur kulturali tagħna għax barra li jkun qed iservi biex jikseb lura parti mill-istorja ta’ pajjiżna u anki mill-istorja tan-nisa lokali (li bosta drabi jitħallew barra mill-kotba tal-istorja), għandu l-potenzjal ukoll li joffri sit b’laqta differenti fil-qasam turistiku.

Żgur li dan ix-xogħol ġdid ta’ Christine Muscat ser iqanqal ħafna interess f’dawn il-ġrajjiet u f’din il-knisja li llum tidher tant umli minnbarra meta fir-realtà għandha storja daqstant rikka u affaxxinanti. Ormaj m’għandix dubju li din l-istorja mhiex ser tieqaf hawn…

(Dan l-artiklu ġie ppublikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (6 Parti) fit-Torċa tat-8 ta’ Diċembru 2013)

 

Żammejna l-wegħda

altLejn tmiem Diċembru u l-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena, BDL kienu ppubblikaw ktieb bl-isem Jinżlulek Għasel, ġabra ta’ aneddoti minn Maltin magħrufa. Ktieb li, nieħdu gost ngħidu, intlaqa’ tajjeb ħafna.

Dawn l-aneddoti kienu nġabru b’paċenzja kbira minn Charles Flores u Tony Barbaro Sant, żewġ ġurnalisti li, kif stqarrew, kienu daħlu għal din il-biċċa xogħol għax dehrilhom li ftit huma dawk il-persuni li xi darba jew ohra tul ħajjithom ma għaddewx minn xi ġrajja ħelwa, imbarazzanti, umoristika, forsi wkoll ta’ diqa.

Iż-żewġ koawturi kienu għamlu kuntatt ma’ għadd ġmielu ta’ persunaġġi Maltin u Għawdxin minn kull qasam tal-ħajja, u talbuhom jikkontribwixxu xi rakkont ċkejken mill-ħajja personali tagħhom.

altBiż-żmien, u bl-għajnuna tal-BDL – ħajr speċjali lid-Direttur Maniġerjali Anthony Gatt u lil Stephen Said – dan il-ktieb tfaċċa fis-swieq, u ntlaqa’ tajjeb, aktarx għar-raġuni li l-persuni li kkontribwew huma ucuħ familjari mal-qarrejja.

Intant, iż-żewġ koawturi, bil-kollaborazzjoni ta’ BDL, kienu wiegħdu li jikkontribwixxu parti mid-dħul mill-ktieb għal żewġ santwarji tal-annimali, Island Dog Sanctuary ta’ Delimara u Thomasina Cat Sanctuary tal-Għammieri.

U fl-aħħar din il-wegħda twettqet. Ftit jiem ilu, Charles Flores, Tony Barbaro Sant u Anthony Gatt żaru ż-żewġ santwarji u ppreżentaw somma flus bħala rikonoxximent għall-ħidma fejjieda ta’ dawn is-santwarji. Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li din l-għotja ntlaqgħet tajjeb mill-voluntiera li jmexxu dawn is-santwarji.

Tajjeb ngħidu li l-istess somma li ngħatat mill-koawturi ngħatat ukoll minn BDL, li fi kliem Anthony Gatt, dehrilhom li kellhom jgħinu u jagħtu sehimhom għal din il-ħidma favur l-annimali.

Sadanittant, Charles Flores u Tony Barbaro Sant bħalissa qegħdin jittamaw li f’qasir żmien jibdew jaħdmu fuq it-tieni volum.

Fir-ritratti, il-koawturi u Anthony Gatt jidhru waqt iż-żjajjar li għamlu fis-santwarji rispettivi.

altIr-ringrazzjamenti tagħna lil dawk kollha li xtraw il-ktieb Jinżlulek Għasel, għax minbarra li ħadu gost bil-kontenut, għenu biex gawdew ukoll il-klieb u l-qtates. Ringrazzjament speċjali wkoll lil Moira Delia, attivista favur l-annimali, li bil-programm tagħha Animal Diaries u b’ħidmiet oħra tant tgħin biex toħloq kuxjenza favur l-annimali.

An Overview of the Dragonflies and Damselflies of the Maltese Islands

Godwin Degabriele
BDL Books - DragonfliesUntil recently, Maltese Dragonflies (Odonata) had not been studied extensively, and therefore not much was known about their biology. This work, which is based on research that spans over a period of twenty years, offers an insight to the ecology and diversity of the seventeen species of dragonflies occurring on the Maltese Islands.
BDL Books - DragonfliesIt contains updated species descriptions, including some new records and, by means of numerous colour photographs, original drawings and never before published distribution maps for each species, gives information that can prove useful for identifying adult and larval stages of the dragonflies of the Maltese Islands.
It also discusses the effect of human intervention and current world phenomena such as global warming on the status of the dragonfly species which are found on the Maltese Islands, as well on other species that are likely to be found on the Islands in the near future.
To get this book, click here.
BDL Books - Dragonflies

Presentation of “The Charting of Maltese Waters A Historical Account” to President Emeritus Dr. George Abela

altOn Tuesday 1st April, co-authors William Soler and Albert Ganado presented a copy of their book The Charting of Maltese Waters A Historical Account published last December, to the then President of Malta, now President Emeritus, Dr. George Abela at San Anton Palace. The President thanked and congratulated the authors on their research work on the sea charts of Malta.

The book is another contribution to Melitensia collectors, and to Maltese nautical cartography in particular. It deals with the development of the charting of the waters around Malta from the earliest mention of Malta in a ‘sailing directions’ account of a Greek writer of the fourth century before Christ, to the start of crude graphic representations of the Mediterranean Sea in the medieval portolan charts of the twelfth to the thirteenth century, to the separate sea charts of Malta staring from the fifteenth century, together with detailed descriptions of the nautical charts of the later Italian, Dutch, French and Maltese cartographers of the sixteenth to the eighteenth centuries, right up to the accurate British Admiralty charts of the scientific age from the nineteenth century onwards.

Dr. Abela was glad to hear that the book contains about sixty illustrated maps/nautical charts of Malta, both manuscript and printed, some of which are beautifully drawn, historically significant, attractive in their own right and published for the first time, arousing the curiosity and interest of all those who cherish the lore of the sea. Mr. Louis Scerri reviewed the book in the Culture Supplement of the Sunday Times of Malta of the 30 March 2014.